Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qiegħed Int Timita lil Ġeħova Billi Turi li Jimpurtak minn Oħrajn?

Qiegħed Int Timita lil Ġeħova Billi Turi li Jimpurtak minn Oħrajn?

Qiegħed Int Timita lil Ġeħova Billi Turi li Jimpurtak minn Oħrajn?

‘ITFGĦU l-​ansjetà kollha tagħkom fuq [Alla], għax hu jimpurtah minnkom.’ (1 Pietru 5:7) Xi stedina kollha mħabba! Alla Ġeħova jimpurtah mill-​poplu tiegħu b’mod persunali. Aħna nistgħu nħossuna fis-​sigurtà taħt il-​ħarsien tiegħu.

Aħna għandna nikkultivaw u nuru attitudni simili lejn oħrajn. Minħabba li aħna imperfetti, aħna għandna bżonn noqogħdu attenti minn ċerti nases meta nuru interess persunali f’oħrajn. Qabel ma nikkunsidraw xi wħud minn dawn in-​nases, ejja naraw xi ftit mill-​modi li bihom Ġeħova juri li jimpurtah mill-​poplu tiegħu.

Billi uża ragħaj bħala tixbiha, is-​salmista David iddeskriva l-​interess li għandu Alla: “Il-​Mulej hu r-​ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni; f’mergħat kollha ħdura jqegħedni. Ħdejn l-​ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; hemm hu jrejjaqni. . . . Mqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-​ħsara, għax inti miegħi.”​—Salm 23:​1-4.

Peress li hu stess kien ragħaj, David kien jaf x’kien involut f’li tieħu ħsieb merħla. Ir-​ragħaj jipproteġi lin-​nagħaġ tiegħu mill-​predaturi, bħalma huma l-​iljuni, l-​ilpup, u l-​orsijiet. Hu jżomm il-​merħla milli tinxtered, ifittex in-​nagħaġ mitlufin, iġorr fi ħdanu lill-​ħrief li jkunu għajjenin, u jieħu ħsieb lil dawk morda u feruti. Kuljum jagħtihom jixorbu. Dan ma jfissirx li r-​ragħaj jikkontrolla kull moviment li jagħmlu n-​nagħaġ. In-​nagħaġ huma ħelsin iżda protetti.

Ġeħova bl-​istess mod jieħu ħsieb in-​nies tiegħu. L-​appostlu Pietru spjega: “Qed tiġu mħarsin bil-​qawwa t’Alla.” Hawnhekk, “tiġu mħarsin” letteralment tfisser li “tkunu mgħassin.” (1 Pietru 1:5) Ġeħova jgħasses fuqna bla heda għax jieħu ħsiebna b’mod ġenwin, u hu dejjem lest li jagħtina l-​għajnuna kulmeta nitolbuh. Madankollu, Ġeħova ħalaqna bil-​libertà taʼ l-​għażla, u għalhekk hu ma jindaħalx fl-​azzjonijiet u fid-​deċiżjonijiet kollha tagħna. Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova f’dan ir-​rigward?

Imita lil Alla Billi Tieħu Ħsieb Uliedek

“Wirt il-​Mulej huma l-​ulied.” Għalhekk, il-​ġenituri għandhom jipproteġu u jieħdu ħsieb uliedhom. (Salm 127:3) Dan jistaʼ jinvolvi li tħeġġeġ lil uliedek jesprimu ruħhom, u mbagħad tikkunsidra l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħhom meta tittratta magħhom. Jekk il-​ġenituri jipprovaw jikkontrollaw kull moviment li jagħmlu wliedhom, billi jinjoraw kompletament ix-​xewqat tagħhom, ikunu bħal ragħaj li jipprova jikkontrolla n-​nagħaġ tiegħu b’ċinga. Ebda ragħaj ma se jirgħa l-​merħla tiegħu b’dan il-​mod; u lanqas Ġeħova ma jirgħana b’dan il-​mod.

Mariko * tammetti: “Domt snin twal ngħid lil uliedi, ‘Int għandek tagħmel hekk’ u ‘M’għandekx tagħmel hekk.’ Jien kont nemmen li dan kien l-​obbligu tiegħi bħala ġenitur. Jien ma kont nagħti ebda kelma taʼ tifħir, u lanqas ma kelli komunikazzjoni vera magħhom.” Għalkemm bint Mariko kienet iddum titkellem għal sigħat sħaħ fuq it-​telefon mal-​ħbieb tagħha, il-​konversazzjonijiet m’ommha ma kinux idumu wisq. “Imbagħad indunajt bid-​differenza,” tkompli Mariko. “Meta kienet tkun qed titkellem maʼ sħabha, binti kienet tuża espressjonijiet li juru empatija, bħal per eżempju ‘Iva, naqbel’ jew ‘Anki jien.’ Jien bdejt nuża espressjonijiet simili biex inħeġġeġ lil binti tesprimi ruħha, u l-​konversazzjonijiet tagħna ma damux ma saru itwal u iktar pjaċevoli.” Dan jenfasizza l-​importanza taʼ komunikazzjoni tajba, li normalment hija min-​naħa tat-​tnejn, mhux minn naħa waħda biss.

Il-ġenituri għandhom bżonn iħeġġu lil uliedhom jesprimu ruħhom, u t-​tfal għandhom bżonn jifhmu għala l-​interess persunali min-​naħa tal-​ġenituri jservi bħala protezzjoni. Il-​Bibbja tagħti parir lit-​tfal biex jobdu lill-​ġenituri tagħhom, imbagħad tistqarr ir-​raġuni: “Biex jaħbatlek tajjeb u ddum żmien twil fuq l-​art.” (Efesin 6:​1, 3) Tfal li huma konvinti b’mod sod mill-​benefiċċji tas-​sottomissjoni jsibu li jkun iktar faċli biex jobdu.

Billi Tieħdu Ħsieb il-​Merħla taʼ Ġeħova

L-​interess kollu mħabba taʼ Ġeħova jintwera fil-​kongregazzjoni Kristjana. Bħala l-​Kap tal-​kongregazzjoni, Ġesù Kristu jidderieġi lill-​anzjani biex jieħdu ħsieb il-​merħla tiegħu. (Ġwanni 21:​15-​17) Il-​kelma Griega għal indokratur hija relatata maʼ verb li jfisser “ħares bir-​reqqa.” Billi jenfasizza kif dan għandu jsir, Pietru jagħti istruzzjoni lill-​anzjani: “Irgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħkom, mhux bilfors, imma minn jeddkom; mhux għall-​imħabba tal-​qligħ diżonest, imma bil-​ħerqa; u mhux billi tiddominaw fuq dawk li huma l-​wirt t’Alla, imma billi ssiru eżempji għall-​merħla.”​—1 Pietru 5:​2, 3.

Iva, ix-​xogħol taʼ l-​anzjani hu simili għal dak tar-​rgħajja. L-​anzjani Kristjani għandhom jieħdu ħsieb lil dawk morda spiritwalment u jerġgħu jaġġustawhom sabiex ħajjithom tirrifletti l-​livelli ġusti. L-​anzjani huma responsabbli biex jorganizzaw l-​attivitajiet tal-​kongregazzjoni, jagħmlu arranġamenti għal-​laqgħat, u jżommu l-​ordni fil-​kongregazzjoni.​—1 Korintin 14:33.

Però, il-​kliem taʼ Pietru li għadna kif semmejna jwissina dwar periklu​—dak li l-​anzjani li ‘jiddominaw’ fuq il-​kongregazzjoni. Possibbiltà taʼ indikazzjoni li anzjan ikun qed jagħmel dan hu jekk jagħmel regoli li m’humiex neċessarji. Minħabba s-​sens qawwi t’obbligu biex jipproteġi lill-​merħla, anzjan għandu mnejn imur fl-​estrem. F’kongregazzjoni fl-​Orjent, l-​anzjani għamlu regoli fuq kif isellmu lil xulxin fis-​Sala tas-​Saltna​—bħal min għandu jitkellem l-​ewwel​—billi ħasbu li jekk isegwu dawn ir-​regoli jkunu qed jikkontribwixxu għall-​paċi tal-​kongregazzjoni. Għalkemm il-​motivi kienu bla dubju tajbin, kienu dawn l-​anzjani qed jimitaw lil Ġeħova billi juru li jimpurtahom min-​nies? B’mod sinifikanti, l-​attitudni mentali taʼ l-​appostlu Pawlu ntweriet fil-​kliem tiegħu: “Mhux għax aħna s-​sidien tal-​fidi tagħkom, imma aħna ħaddiema sħabkom għall-​ferħ tagħkom, għax intom iżżommu weqfin bil-​fidi tagħkom.” (2 Korintin 1:​24) Ġeħova jafda lin-​nies tiegħu.

Minbarra li jżommu lura milli jpoġġu regoli mingħajr bażi Skritturali, l-​anzjani li jimpurtahom juru l-​interess ġenwin tagħhom billi ma jikxfux informazzjoni kunfidenzjali. Huma jiftakru fit-​twissija divina: “Tikxifx dak li taf fuq ħaddieħor.”​—Proverbji 25:9.

L-appostlu Pawlu xebbah lill-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin mal-​ġisem uman: “Alla għaqqad flimkien il-​ġisem . . . sabiex ma jkunx hemm firda fil-​ġisem, imma l-​membri tiegħu jieħdu ħsieb xulxin bl-​istess mod.” (1 Korintin 12:​12, 24-​26) L-​espressjoni Griega “jieħdu ħsieb xulxin bl-​istess mod” letteralment tfisser ‘għandhom ikunu ansjużi dwar xulxin.’ Il-​membri tal-​kongregazzjoni Kristjani għandu jkollhom interess kbir f’xulxin.​—Filippin 2:4.

Il-Kristjani veri kif jistgħu juru li huma ‘ansjużi dwar xulxin’? Huma jistgħu juru l-​interess tagħhom lejn membri oħrajn tal-​kongregazzjoni permezz tat-​talb u billi joffru għajnuna prattika lil dawk li huma fil-​bżonn. Dan jgħin biex joħroġ it-​tajjeb f’oħrajn. Ikkunsidra kif Tadataka ġie megħjun minn interess bl-​imħabba bħal dan. Meta tgħammed fl-​età taʼ 17-il sena, hu kien l-​uniku wieħed fil-​familja tiegħu li kien qed jaqdi lil Ġeħova. Hu jirrakkonta: “Familja waħda fil-​kongregazzjoni spiss kienet tistidinni d-​dar tagħha għal xi ikla jew xi laqgħa soċjali. Jien kont immur id-​dar tagħhom kważi kull fil-​għodu jien u sejjer l-​iskola biex niddiskuti l-​iskrittura tal-​jum magħhom. Jien irċivejt pariri fuq kif inkampa mal-​problemi taʼ l-​iskola, u tlabna dwarhom flimkien. Minn din il-​familja, tgħallimt l-​ispirtu tal-​ġenerożità.” Tadataka issa qed ipoġġi fil-​prattika dak li tgħallem minħabba li jaqdi f’wieħed mill-​uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

L-appostlu Pawlu wissa dwar nassa ċara rigward li nuru interess f’oħrajn. Hu semma ċerti nisa li kienu bdew “iseksku u jindaħlu fi ħwejjeġ ħaddieħor, billi jitkellmu dwar affarijiet li m’għandhomx jitkellmu dwarhom.” (1 Timotju 5:​13) Għalkemm huwa xieraq li nuru interess f’oħrajn, għandna noqogħdu attenti li ma naslux fl-​estremità li nindaħlu fl-​affarijiet persunali t’oħrajn. Interess eċċessiv f’oħrajn jistaʼ jintwera billi ‘nitkellmu dwar affarijiet li m’għandniex nitkellmu dwarhom,’ bħal per eżempju li ngħaddu kummenti biex nikkritikaw.

Nagħmlu tajjeb li niftakru li l-​Kristjani jistgħu jkunu differenti fil-​mod kif jittrattaw l-​affarijiet persunali tagħhom, f’dak li jagħżlu li jieklu, jew fl-​għażla tat-​tip taʼ rikreazzjoni li tibni. Sakemm ma jinqabżux il-​limiti tal-​prinċipji Bibliċi, kull wieħed huwa ħieles li jiddeċiedi dwar dak li se jagħmel. Pawlu wissa lill-​Kristjani Rumani: “Ħa ma niġġudikawx iktar lil xulxin. . . . Ħa niġru wara l-​affarijiet li jġibu l-​paċi u l-​affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.” (Rumani 14:​13, 19) L-​interess sinċier tagħna f’xulxin fil-​kongregazzjoni għandu jintwera, mhux billi nindaħlu fl-​affarijiet t’oħrajn, iżda billi nuru li aħna lesti li nagħtu l-​għajnuna. Meta nieħdu ħsieb xulxin b’dan il-​mod, jiffjorixxu l-​imħabba u l-​għaqda fil-​familja u fil-​kongregazzjoni.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 9 Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Stampi f’paġna 19]

Ħeġġeġ lil uliedek jesprimu ruħhom billi tfaħħarhom u turi empatija