Sena fl-“Art Tajba”
Sena fl-“Art Tajba”
FL-1908 saret sejba meraviljuża fil-post fejn kien hemm il-belt Biblika taʼ Geżer, li tinsab mal-kosta fil-lvant taʼ Ġerusalemm: plakka, jew tavla, żgħira tal-ġebel, li huwa maħsub li ilha teżisti mill-għaxar seklu Q.E.K. Fuqha, b’kitba Ebrajka tal-qedem, instabet dik li jaħsbu li hi verżjoni simplifikata taʼ sena, jew ċiklu, taʼ l-agrikultura, bid-diversi attivitajiet li jkun fiha. Din it-tavla saret magħrufa bħala l-Kalendarju taʼ Geżer.
It-tavla fiha firma: Abija. Għalkemm mhux l-arkeoloġi kollha jaqblu dwar dan, ħafna jikkunsidrawha bħala eżerċizzju taʼ tifel taʼ l-iskola li kitibha bi stil poetiku. * Tixtieq tara l-mogħdija taʼ l-istaġuni mill-ħarsa taʼ tifel li kien jgħix f’dak iż-żmien? Dan għandu mnejn jgħinek tiftakar f’xi ġrajjiet Bibliċi.
Xahrejn taʼ Ġbir
Il-kittieb taʼ dan il-kalendarju antik beda bil-ġbir ġenerali. Għalkemm ġie mniżżel fl-ewwel post f’dan il-kalendarju, tistaʼ tifhem għala l-Iżraelin kienu jikkunsidraw il-ġbir bħala l-quċċata, jew it-tmiem, tal-parti l-kbira tas-sena taʼ l-agrikultura. Ix-xahar t’Etanim (iktar tard Tixri) jikkorrispondi maʼ Settembru/Ottubru tal-kalendarju taʼ llum. Minħabba li l-maġġorparti tal-ħsad ikun tlesta, dan kien żmien taʼ ffesteġġjar partikulari li x’aktarx kien jinvolvi liċ-ċkejken Abija. Immaġina kemm kien ikun ferħan waqt li jgħin lil missieru jagħmel l-għarix li kien se jkun id-dar tagħhom għal ġimgħa hekk kif bil-ferħ irringrazzjaw lil Ġeħova għall-frott taʼ l-għelieqi tagħhom!—Dewteronomju 16:13-15.
Għal din il-ħabta, iż-żebbuġ kien ikun kważi lest biex il-familja t’Abija taħsdu billi ssawwat il-friegħi tas-siġar, biċċa xogħol li setgħet kienet iebsa wisq għaċ-ċkejken Abija imma interessanti biex jaraha ssir. (Dewteronomju 24:20) Imbagħad huma kienu jiġbru ż-żebbuġ u jiħduh fl-eqreb magħsar biex jagħmlu ż-żejt. Jew familja setgħet tikseb ftit żejt b’mod iktar sempliċi—dak li jpoġġu fl-ilma żebbuġ imsawwat jew maqsum u mbagħad jiġbru kwalunkwe żejt li jitlaʼ fil-wiċċ. Kien x’kien il-każ, dan il-likwidu prezzjuż ma kienx tajjeb biss għall-ikel. Dan kien jintuża wkoll bħala żejt għal-lampi u biex jiġu kkurati tbenġil u feriti, it-tip li ċ-ċkejken Abija kien jagħmel waqt li jkun qed jilgħab.
Xahrejn taʼ Żrigħ
Jistaʼ jkun li meta kienet tibda tagħmel ix-xita, iċ-ċkejken Abija kien jieħu gost bl-ilma rifreskanti li jaqaʼ fuqu. Missieru x’aktarx li kien jgħidlu kemm ix-xita kienet importanti għall-għelieqi. (Dewteronomju 11:14) Il-ħamrija, imwebbsa bix-xemx għal xhur sħaħ, kienet tirtab u ssir lesta biex tinħarat. Min kien jaħrat fl-antik kien jidderieġi bis-sengħa l-moħriet taʼ l-injam tiegħu, li forsi kien ikollu ponta tal-metall, hekk kif bhima kienet tiġbdu warajha. Il-mira kienet li jagħmel raddi dritti fil-ħamrija. L-art kienet prezzjuża, allura l-bdiewa Iżraelin kienu saħansitra jużaw biċċiet żgħar taʼ l-art, inkluż dawk għan-niżla. Imma f’dawn il-postijiet jistaʼ jkun li kellhom jużaw apparat li jintuża bl-idejn.
Ladarba kienu jaħartu l-ħamrija ratba, huma setgħu jiżirgħu l-qamħ u x-xgħir. Huwa interessanti li fuq il-Kalendarju taʼ Geżer il-kitba li jmiss tirreferi għal xahrejn taʼ żrigħ bħal dan. X’aktarx li min jiżraʼ kien iġorr iż-żerriegħa f’parti minn ħwejġu u jxerridha billi jxejjer idu fl-arja qisu qed jiknes.
Xahrejn taʼ Żrigħ Tard
L-“art tajba” qatt ma kienet tieqaf tipproduċi l-ikel. (Dewteronomju ) Matul Diċembru, ix-xita kienet tilħaq il-quċċata tagħha u l-kampanja kienet tiħdar. Dan kien iż-żmien taż-żrigħ tard tal-legumi, bħall-piżelli u ċ-ċiċri, kif ukoll taʼ ħaxix ieħor. ( 3: 25Għamos 7:1, 2) Fuq it-tavla, Abija lil dan iż-żmien sejjaħlu “mergħat fir-rebbiegħa,” jew skond traduzzjoni oħra “żrigħ tard,” żmien taʼ ikliet delizzjużi magħmulin minn ħafna ħaxix taʼ dan l-istaġun.
Hekk kif l-istaġun kemxejn kiesaħ jibda jisħon, is-siġra tal-lewż, sinjal tar-rebbiegħa, tiffjorixxi bi fjuri bojod u roża. Dan setaʼ jibda maʼ l-iċken ammont taʼ sħana, saħansitra kmieni f’Jannar.—Ġeremija 1:11, 12.
Xahar Jaqtgħu l-Kittien
Abija issa jsemmi l-kittien. Dan għandu mnejn ifakkrek fl-episodju li ġara sekli qabel żmien Abija fin-naħa tal-lvant taʼ l-għoljiet tal-Lhudija. Fil-belt taʼ Ġeriko, Raħab ħbiet żewġ spiji “qalb il-ħatab tal-kittien, li kellha maħżun” li kien jitpoġġa biex jinxef fuq il-bejt. (Ġożwè 2:6) Il-kittien kellu rwol importanti fil-ħajja taʼ l-Iżraelin. Biex joħorġu l-fibra tal-kittien, il-materjal tal-pjanta l-ewwel kellu jitherra. Dan kellu jseħħ bil-mod permezz tan-nida jew iktar malajr billi jqiegħdu l-kittien f’għadira jew f’nixxiegħa. Ladarba jifirdu l-kittien, il-fibra tiegħu kienet tintuża biex jipproduċu l-ħarir, li mbagħad bih kienu jagħmlu qlugħ, tined, u ħwejjeġ. Il-kittien kien jintuża wkoll biex jagħmlu l-ftila tal-lampi.
Xi wħud joġġezzjonaw għall-idea li l-kittien kien jiġi kultivat fl-inħawi taʼ Geżer, fejn l-ilma kien xi ftit jew wisq skars. Oħrajn jgħidu li l-kittien jikber biss iktar tard fis-sena. Dan hu għala xi wħud jgħidu li fil-Kalendarju taʼ Geżer, il-kelma “kittien” kienet sinonima maʼ ħaxix taʼ l-għalf.
Xahar taʼ Ħsad tax-Xgħir
Kull sena, qrib iż-żmien taʼ l-ekwinozju tar-rebbiegħa, Abija kien josserva s-sbul aħdar tax-xgħir, il-ħsad li jsemmi issa fuq il-kalendarju tiegħu. Ix-xahar li jikkorrispondi maʼ dan iż-żmien bl-Ebrajk jissejjaħ Abib, jiġifieri “Sbul Aħdar,” li x’aktarx jirreferi għall-proċess meta s-sbul ikun sar imma jkun għadu artab. Ġeħova kkmanda: “Ħares ix-xahar taʼ Abib, u agħmel il-festa taʼ l-Għid f’ġieħ il-Mulej.” (Dewteronomju 16:1) Abib (iktar tard imsejjaħ Nisan) jikkorrispondi maʼ partijiet taʼ Marzu u April taʼ llum. Iż-żmien meta x-xgħir kien ikun misjur jistaʼ jkun li kellu rwol f’li jiġi determinat il-bidu taʼ dan ix-xahar. Anki llum, il-Lhud Karaite josservaw dan iż-żmien meta x-xgħir kien ikun sar biex jistabbilixxu s-sena l-ġdida tagħhom. Kien x’kien il-każ, l-ewwel frott tax-xgħir kellu jiġi mxejjer quddiem Ġeħova fis-16 t’Abib.—Levitiku 23:10, 11.
Ix-xgħir kellu rwol importanti ħafna fil-ħajja taʼ kuljum taʼ ħafna mill-Iżraelin. Ladarba x-xgħir kien orħos mill-qamħ, il-foqra b’mod partikulari spiss kienu jippreferu lilu biex jagħmlu l-ħobż.—Eżekjel 4:12.
Xahar taʼ Ħsad u Kejl
Jekk taħseb dwar żmien Abija, tistaʼ timmaġina li darba kmieni fil-għodu hu setaʼ nnota s-sħab iswed jgħib—daqshekk xita għal ftit taż-żmien. Ix-xtieli taʼ l-art tajba issa kienu jiddependu min-nida. (Ġenesi 27:28; Żakkarija 8:12) Il-bdiewa Iżraelin kienu jafu li ħafna prodotti tar-rabaʼ li kienu jinħasdu matul l-iktar xhur xemxin tas-sena kienu jeħtieġu bilanċ ħafif taʼ rjieħ sa Pentekoste. Ir-riħ kiesaħ u bix-xita li jiġi mit-tramuntana setaʼ kien taʼ ġid għall-iżvilupp taċ-ċereali, imma dan kien jagħmel il-ħsara lis-siġar tal-frott jekk dawn ikunu rmew iż-żahar. Ir-riħ sħun u xott min-nofsinhar kien jgħin biex iż-żahar jinfetħu u jiddakkru.—Proverbji 25:23; Għanja taʼ Salamun 4:16.
Ġeħova, is-Sid taʼ l-elementi, kien ta bidu għal sistema ekoloġika li taħdem f’armonija sħiħa. Fi żmien Abija, Iżrael kien tassew “art tal-qamħ, tax-xgħir, tad-dwieli, tat-tin, tar-rummien; art taż-żebbuġ, taż-żejt, taʼ l-għasel.” (Dewteronomju 8:8) In-nannu t’Abija x’aktarx li qallu dwar il-perijodu straordinarju t’abbundanza taħt il-ħakma tas-Sultan għaref Salamun—evidenza ċara tal-barka taʼ Ġeħova.—1 Slaten 4:20.
Wara li semma l-ħsad, il-kalendarju kien fih kelma li xi wħud jiħduha bħala li tfisser “tkejjel.” Dan għandu mnejn jirreferi għall-kejl tal-ħsad sabiex jingħataw porzjonijiet lis-sidien taʼ l-għalqa u lill-ħaddiema jew saħansitra biex bihom titħallas it-taxxa. Madankollu, studjużi oħrajn jifhmu l-kelma Ebrajka bħala li tfisser “iffesteġġjar” u jaħsbu li din il-kelma talludi għall-Festa tal-Ġimgħat, li kienet issir għall-ħabta tax-xahar taʼ Sivan (Mejju/Ġunju).—Eżodu 34:22.
Xahrejn taʼ Qtugħ tal-Weraq
Abija mbagħad kiteb dwar xahrejn li fihom kienu jieħdu ħsieb id-dwieli. Kien hu jagħti xi daqqa t’id biex jaqlaʼ l-weraq abbundanti mid-dielja sabiex ix-xemx tilħaq l-għeneb? (Isaija 18:5) Imbagħad kien jasal iż-żmien biex jiġbru l-għeneb, perijodu taʼ ferħ għal xi ħadd żagħżugħ f’dak iż-żmien. Kemm kien tajjeb l-ewwel għeneb misjur li kienu jaqtgħu! X’aktarx li Abija kien semaʼ dwar it-12-il spija li ntbagħtu fl-Art Imwiegħda minn Mosè. Huma marru fiż-żmien taʼ l-ewwel frott taʼ l-għeneb misjur biex jaraw kemm kienet tajba l-art. F’din l-okkażjoni, għanqud wieħed taʼ l-għeneb tant kien kbir li kien jeħtieġ żewġt irġiel biex iġorruh!—Numri 13:20, 23.
Xahar taʼ Frott tas-Sajf
L-aħħar ħaġa li kiteb Abija fuq il-kalendarju rreferiet għall-frott tas-sajf. Fil-Lvant Nofsani tal-qedem, is-sajf kien il-parti mis-sena taʼ l-agrikultura li kienet tiffoka fuq il-frott. Wara żmien Abija, Ġeħova uża l-espressjoni “qoffa bil-frott tas-sajf” biex jagħti tixbiha tal-fatt li kien ‘wasal it-tmiem għall-poplu tiegħu Iżrael,’ billi lagħab bil-kliem Ebrajk għall-“frott tas-sajf” u “tmiem.” (Għamos 8:2) Dan kellu jfakkar lil Iżrael żleali li kien wasal fi tmiemu u li Ġeħova kien se jesegwixxi ġudizzju dalwaqt. It-tin żgur li kien fost il-frott tas-sajf li kien qed jirreferi għalih Abija. It-tin tas-sajf jistaʼ jkun li kien jintgħamel f’ċapep biex jittiekel jew jintuża bħala ġbara li jagħmluha fuq il-ġrieħi.—2 Slaten 20:7.
Il-Kalendarju taʼ Geżer u Int
Iċ-ċkejken Abija x’aktarx li kellu kuntatt dirett max-xogħol taʼ l-agrikultura fil-pajjiż. L-attivitajiet tal-biedja kienu komuni fost l-Iżraelin taʼ dak iż-żmien. Anki jekk m’intix f’kuntatt mill-qrib max-xogħol taʼ l-agrikultura, ir-referenzi taʼ din it-tavla minn Geżer jistgħu jkunu t’għajnuna biex il-qari tal-Bibbja tiegħek ikun wieħed ħaj, għaliex tibda tifhmu aħjar u jkollu iktar tifsir għalik.
[Nota taʼ taħt]
^ par. 3 M’hemmx qbil totali dwar ix-xebh bejn il-lista fuq il-Kalendarju taʼ Geżer u x-xhur li ġeneralment isegwu lil xulxin fil-Bibbja. Iktar minn hekk, xi xogħlijiet taʼ l-agrikultura setgħu kienu jseħħu fi żminijiet daqsxejn differenti fid-diversi nħawi taʼ l-Art Imwiegħda.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 11]
TRADUZZJONI POSSIBBLI TAL-KITBA TAL-KALENDARJU TAʼ GEŻER:
“Xhur tal-ħsad taʼ l-għeneb u ż-żebbuġ; xhur taʼ żrigħ;
xhur tal-mergħat fir-rebbiegħa;
xahar tal-qtugħ tal-kittien;
xahar tal-ħsad tax-xgħir;
xahar tal-ħsad u l-kejl tal-qamħ;
xahar taż-żbir;
xahar tal-frott tas-sajf.”
[iffirmat:] Abija *
[Nota taʼ taħt]
^ par. 40 Ibbażat fuq il-ktieb Textbook of Syrian Semitic Inscriptions, l-1 Volum, minn John C. L. Gibson, 1971.
[Sors]
Archaeological Museum of Istanbul
[Tabella/Stampi f’paġna 9]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
NISAN (ABIB)
Marzu—April
IJJAR (ŻIW)
April—Mejju
SIVAN
Mejju—Ġunju
TAMMUŻ
Ġunju—Lulju
AB
Lulju—Awissu
ELUL
Awissu—Settembru
TIXRI (ETANIM)
Settembru—Ottubru
ĦESWAN (BUL)
Ottubru—Novembru
ĊISLEV
Novembru—Deċembru
TEBET
Diċembru—Jannar
XEBAT
Jannar—Frar
ADAR
Frar—Marzu
VEADAR
Marzu
[Sors]
: Garo Nalbandian
[Stampa f’paġna 8]
Fdalijiet f’Gezer
[Sors]
© 2003 BiblePlaces.com
[Stampi f’paġna 10]
Siġra tal-lewż
[Stampi f’paġna 10]
Pjanta tal-kittien
[Sors]
Dr. David Darom
[Stampi f’paġna 10]
Xgħir
[Sors]
U.S. Department of Agriculture