Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġesù Kristu—L-Aqwa Missjunarju

Ġesù Kristu—L-Aqwa Missjunarju

Ġesù Kristu—L-​Aqwa Missjunarju

“Jien rappreżentant tiegħu, u Hu bagħatni.”—ĠW. 7:29.

1, 2. X’inhu missjunarju, u min jistaʼ jissejjaħ l-​aqwa Missjunarju?

 X’JIĠIK f’moħħok meta tismaʼ l-​kelma “missjunarju”? Xi wħud jaħsbu fil-​missjunarji tal-​Kristjaneżmu, li ħafna minnhom jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet politiċi u ekonomiċi tal-​pajjiżi fejn ikunu qed jaqdu. Iżda, bħala wieħed jew waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, int forsi jiġuk f’moħħok il-​missjunarji li jintbagħtu mill-​Ġemgħa li Tiggverna biex jippridkaw l-​aħbar tajba f’ħafna pajjiżi differenti madwar id-​dinja. (Mt. 24:14) Dawn il-​missjunarji jiddedikaw bla egoiżmu l-​ħin u l-​enerġija tagħhom għall-​kawża nobbli li jgħinu lin-​nies jersqu qrib lejn Alla Ġeħova u jgawdu relazzjoni speċjali miegħu.—Ġak. 4:8.

2 Iż-​żewġ kelmiet “missjunarju” u “missjunarji” ma jinstabux fit-​test prinċipali tan-​New World Translation of the Holy Scriptures. Madankollu, fin-​nota taʼ taħt t’Efesin 4:11, tgħid li l-​kelma Griega tradotta “evanġelizzaturi” tistaʼ tiġi tradotta wkoll “missjunarji.” Ġeħova hu l-​aqwa Evanġelizzatur, iżda ma nistgħux insejħulu l-​aqwa Missjunarju, għax hu qatt ma kien mibgħut minn xi ħadd. Però, dwar Missieru tas-​sema, Ġesù Kristu jgħid: “Jien rappreżentant tiegħu, u Hu bagħatni.” (Ġw. 7:29) F’turija taʼ mħabba għad-​dinja taʼ l-​umanità, Ġeħova bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu fuq l-​art. (Ġw. 3:16) Ġesù jistaʼ jissejjaħ l-​aqwa Missjunarju, Missjunarju li ma bħalu, għax raġuni waħda għala kien mibgħut fuq l-​art kienet biex ‘jixhed għall-​verità.’ (Ġw. 18:37) Hu rnexxa bis-​sħiħ f’li jxandar l-​aħbar tajba tas-​Saltna, u aħna għadna nistgħu nibbenefikaw mis-​servizz tiegħu sa llum. Per eżempju, aħna nistgħu napplikaw il-​metodu tiegħu taʼ tagħlim fil-​ministeru tagħna, sew jekk aħna ġejna inkarigati bħala missjunarji u sew jekk le.

3. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 L-​irwol taʼ Ġesù bħala proklamatur tas-​Saltna jqajjem ċerti mistoqsijiet, bħal dawn li ġejjin: Ġesù minn xiex għadda meta kien fuq l-​art? It-​tagħlim tiegħu għala kien effettiv? U x’kien li għamel il-​ministeru tiegħu wieħed taʼ suċċess?

Spirtu taʼ Rieda Tajba f’Ċirkustanzi Differenti

4-6. X’kienu xi ftit mill-​bidliet li ffaċċja Ġesù meta ntbagħat fuq l-​art?

4 Il-​missjunarji taʼ żmienna u xi Kristjani li jmorru jgħixu f’postijiet fejn il-​bżonn għal proklamaturi tas-​Saltna huwa akbar għandu mnejn ikunu jridu jidraw il-​kundizzjonijiet taʼ ħajja li jkunu taʼ livell iktar baxx minn dak li kienu mdorrijin bih qabel. Iżda aħna lanqas nistgħu nimmaġinaw x’kuntrast hemm bejn iċ-​ċirkustanzi li Ġesù kellu fuq l-​art u dawk li kellu fis-​sema, fejn kien jgħix maʼ Missieru fost ħlejjaq anġeliċi li kienu jaqdu lil Ġeħova b’motivi puri. (Ġob 38:7) X’differenza meta kellu jgħix fost bnedmin midinbin f’dinja korrotta! (Mk. 7:20-23) Ġesù saħansitra kellu jittratta mal-​pika li kien hemm fost l-​eqreb dixxipli tiegħu. (Lq. 20:46; 22:24) M’għandniex xi ngħidu, hu ttratta maʼ dak kollu li ltaqaʼ miegħu fuq l-​art b’mod perfett.

5 Ġesù ma bediex jitkellem xi lingwa tal-​bnedmin b’mod mirakoluż; hu beda jitgħallem il-​lingwa bħala tifel ċkejken. X’bidla kienet din, meta tqis li hu kien il-​mexxej taʼ l-​anġli fis-​sema! Fuq l-​art, Ġesù uża minn taʼ l-​inqas wieħed mill-​“ilsna tal-​bnedmin.” Dan kien differenti għalkollox mill-​‘ilsna taʼ l-​anġli.’ (1 Kor. 13:1) Iżda, rigward l-​użu taʼ kliem ħelu, l-​ebda bniedem ma qatt tkellem bħalma tkellem Ġesù.—Lq. 4:22.

6 Ikkunsidra modi oħrajn kif l-​affarijiet inbidlu bil-​kbir għall-​Iben t’Alla meta ġie fuq l-​art. Għalkemm ma wiritx id-​dnub minn Adam, Ġesù sar bniedem, bħal dawk li iktar tard kellhom isiru “ħutu,” jew is-​segwaċi midlukin tiegħu. (Aqra Ebrej 2:17, 18.) Fl-​aħħar lejl tal-​ħajja tiegħu fuq l-​art, Ġesù ma talabx lil Missieru tas-​sema biex jibgħat “iktar minn tnax-il leġjun t’anġli.” Iżda aħseb ftit dwar il-​ħlejjaq anġeliċi li fuqhom kellu awtorità bħala Mikiel l-​Arkanġlu! (Mt. 26:53; Ġuda 9) Iva, Ġesù wettaq il-​mirakli; madankollu, dak li għamel meta kien fuq l-​art kien relattivament limitat meta jitqabbel maʼ dak li setaʼ jkun kapaċi jwettaq fis-​sema.

7. Il-​Lhud kif aġixxew fejn kienet tidħol il-​Liġi?

7 Bħala “l-​Kelma,” matul l-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, Ġesù x’aktarx li kien il-​Kelliemi t’Alla li mexxa lill-​Iżraelin fix-​xagħri. (Ġw. 1:1; Eżo. 23:20-23) Madankollu, huma kienu ‘rċivew il-​Liġi kif ngħatat mill-​anġli imma ma żammewhiex.’ (Atti 7:53; Ebr. 2:2, 3) Fil-​fatt, il-​mexxejja reliġjużi Lhud taʼ l-​ewwel seklu ma fehmux is-​sinifikat veru tal-​Liġi. Per eżempju, ikkunsidra l-​liġi tas-​Sabat. (Aqra Marku 3:4-6.) L-​iskribi u l-​Fariżej ‘injoraw l-​affarijiet li huma iktar importanti fil-​Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena u l-​fedeltà.’ (Mt. 23:23) Minkejja dan, Ġesù ma qatax qalbu u ma waqafx jiddikjara l-​verità.

8. Ġesù għala jistaʼ jgħinna?

8 Ġesù kellu spirtu taʼ rieda tajba. Hu kien imqanqal mill-​imħabba li kellu għan-​nies u mix-​xewqa kbira li jgħinhom. Hu qatt ma tilef l-​ispirtu taʼ l-​evanġelizzar. U minħabba l-​fedeltà tiegħu lejn Ġeħova, meta kien fuq l-​art, Ġesù “sar responsabbli mis-​salvazzjoni taʼ dejjem taʼ dawk kollha li jobduh.” Iktar minn hekk, “billi hu stess sofra meta kien imġarrab, jistaʼ jidħol għal dawk [bnedmin bħalna] li qed jiġu mġarrbin.”—Ebr. 2:18; 5:8, 9.

Imħarreġ Sew Bħala Għalliem

9, 10. Ġesù liema xorta taʼ taħriġ irċieva qabel ma ntbagħat fuq l-​art?

9 Qabel ma l-​Kristjani taʼ żmienna jintbagħtu bħala missjunarji, il-​Ġemgħa li Tiggverna taħsbilhom għat-​taħriġ. Ġesù Kristu qatt irċieva taħriġ? Iva, iżda mhux billi attenda l-​iskejjel rabbiniċi qabel ma ġie midluk bħala l-​Messija; u lanqas ma kien mgħallem minn xi mexxejja reliġjużi li kienu prominenti. (Ġw. 7:15; qabbel Atti 22:3.) Mela, allura Ġesù għala kien daqshekk kwalifikat biex jgħallem?

10 Minkejja dak li setaʼ tgħallem mingħand ommu, Marija, u l-​missier adottiv tiegħu, Ġużeppi, Ġesù rċieva t-​taħriġ prinċipali tiegħu għall-​ministeru mingħand l-​ogħla Wieħed. Dwar dan, Ġesù qal: “Ma tkellimtx minn jeddi, imma l-​Missier li bagħatni, hu stess ordnali x’għandi ngħid u x’għandi nitkellem.” (Ġw. 12:49) Innota li l-​Iben kien mogħti istruzzjoni speċifika dwar dak li kellu jgħallem. Qabel ma ġie fuq l-​art, bla dubju Ġesù qattaʼ ħafna ħin jagħti widen għall-​istruzzjoni taʼ Missieru. Liema taħriġ aħjar setaʼ jirċievi?

11. Ġesù sa liema punt irrifletta l-​attitudni taʼ Missieru lejn il-​bnedmin?

11 Sa minn meta ġie maħluq, l-​Iben kellu relazzjoni mill-​qrib maʼ Missieru. Matul l-​eżistenza tiegħu qabel sar bniedem, Ġesù għaraf l-​attitudni t’Alla lejn il-​bnedmin billi osserva l-​mod kif Ġeħova jittratta magħhom. L-​imħabba t’Alla għall-​bnedmin kienet tidher fl-​Iben tant li bħala l-​għerf personifikat, hu setaʼ jgħid: “Nitgħaxxaq b’ulied il-​bnedmin.”—Prov. 8:22, 31.

12, 13. (a) Ġesù kif tgħallem billi osserva l-​mod kif Missieru mexa maʼ l-​Iżraelin? (b) Ġesù kif użah it-​taħriġ li rċieva?

12 It-​taħriġ li rċieva l-​Iben kien jinkludi wkoll li josserva l-​mod kif Missieru kien jittratta ċirkustanzi diffiċli. Per eżempju, ikkunsidra l-​mod kif Ġeħova mexa maʼ l-​Iżraelin li kienu diżubbidjenti. Neħemija 9:28 jgħid: “Kif kienu jsibu l-​mistrieħ, kienu jerġgħu bħal qabel, u jagħmlu dak li hu ħażin quddiemek [Ġeħova]. Int kont titlaqhom f’idejn l-​għedewwa tagħhom, u dawn kienu jaħkmu fuqhom. Imma mbagħad kienu jerġgħu lura, u jsejjħu lilek, u int mis-​smewwiet kont tismagħhom. Kemm-il darba ħlisthom skond il-​ħniena tiegħek.” Billi ħadem maʼ Ġeħova u osservah, Ġesù kkultiva mogħdrija simili għan-​nies fit-​territorju tiegħu.—Ġw. 5:19.

13 Ġesù poġġa t-​taħriġ tiegħu fil-​prattika billi ttratta lid-​dixxipli tiegħu b’mogħdrija. Fil-​lejl taʼ qabel mewtu, l-​appostli kollha li tant kien iħobb “abbandunawh u ħarbu.” (Mt. 26:56; Ġw. 13:1) L-​appostlu Pietru saħansitra ċaħad lil Kristu tliet darbiet! Minkejja dan, Ġesù ħalla l-​bieb miftuħ għall-​appostli tiegħu sabiex jerġgħu lura għandu. Hu qal lil Pietru: “Jien tlabt bil-​ħerqa għalik biex il-​fidi tiegħek ma tonqosx; u int, meta terġaʼ tiġi lura, saħħaħ lil ħutek.” (Lq. 22:32) Iżrael spiritwali ġie stabbilit b’suċċess fuq “l-​appostli u l-​profeti,” u l-​ġebel tal-​pedament tal-​ħajt taʼ Ġerusalemm il-​Ġdida għandu l-​isem tat-​12-il appostlu leali tal-​Ħaruf, Ġesù Kristu. Sa llum, il-​Kristjani midlukin flimkien maʼ sħabhom li huma dedikati, in-​“nagħaġ oħrajn,” jiffjorixxu fix-​xogħol tagħhom taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna taħt l-​id setgħana t’Alla u t-​tmexxija taʼ Ibnu l-​għażiż.—Efes. 2:20; Ġw. 10:16; Riv. 21:14.

Il-​Mod Kif Għallem Ġesù

14, 15. It-​tagħlim taʼ Ġesù b’liema modi kien differenti minn dak taʼ l-​iskribi u l-​Fariżej?

14 Ġesù kif poġġa t-​taħriġ tiegħu fil-​prattika meta għallem lis-​segwaċi tiegħu? Meta nqabblu l-​mod kif kien jgħallem Ġesù mal-​mod kif kienu jgħallmu l-​mexxejja reliġjużi Lhud, nistgħu naraw ċar kemm kien superjuri l-​mod kif kien jgħallem Ġesù. L-​iskribi u l-​Fariżej ‘ġabuha fix-​xejn il-​kelma t’Alla minħabba t-​tradizzjoni tagħhom.’ B’kuntrast, Ġesù ma tkellimx minn żniedu; hu żamm mal-​kelma, jew il-​messaġġ t’Alla. (Mt. 15:6; Ġw. 14:10) Dan hu dak li għandna bżonn nagħmlu aħna wkoll.

15 Kien hemm fattur ieħor li għamel lil Ġesù differenti għalkollox mill-​mexxejja reliġjużi. Dwar l-​iskribi u l-​Fariżej, hu qal: “Kulma jgħidulkom agħmluh u osservawh, imma tagħmlux bħalhom, għax ma jagħmlux dak li jgħidu.” (Mt. 23:3) Ġesù kien jipprattika dak li għallem. Ejja nikkunsidraw eżempju wieħed li jagħti prova li dan hu veru.

16. Għala tistaʼ tgħid li Ġesù għex fi qbil mal-​kliem tiegħu mniżżel f’Mattew 6:19-21?

16 Ġesù ħeġġeġ lid-​dixxipli tiegħu biex ‘jaħżnu teżori fis-​sema.’ (Aqra Mattew 6:19-21.) Ġesù nnifsu għex fi qbil maʼ din it-​twissija? Iva, għax hu setaʼ verament jgħid dwaru nnifsu: “Il-​volpijiet għandhom l-​għerien u l-​għasafar tas-​sema għandhom il-​bejtiet, imma Bin il-​bniedem m’għandu mkien fejn imidd rasu.” (Lq. 9:58) Ġesù kien jgħix ħajja sempliċi. Hu kien medhi primarjament bix-​xandir taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna, u wera x’kien ifisser li tkun ħieles mill-​ansjetajiet li jiġu meta taħżen teżori fuq l-​art. Ġesù wera li jkun ħafna aħjar li wieħed jaħżen teżori fis-​sema, “fejn ma jittiklux mill-​kamla u mis-​sadid, u fejn ma jidħlux il-​ħallelin biex jisirqu.” Qiegħed int issegwi t-​twissija taʼ Ġesù biex taħżen teżori fis-​sema?

Kwalitajiet li Ġibdu lin-​Nies Lejn Ġesù

17. Liema kwalitajiet għamlu lil Ġesù evanġelizzatur taʼ l-​għaġeb?

17 Liema kwalitajiet għamlu lil Ġesù evanġelizzatur taʼ l-​għaġeb? Kwalità waħda kienet l-​attitudni tiegħu lejn in-​nies li kien jgħin. Fost il-​kwalitajiet mill-​aqwa taʼ Ġeħova, li kien jimita Ġesù, insibu l-​umiltà, l-​imħabba, u l-​mogħdrija. Innota kif dawn il-​kwalitajiet ġibdu ħafna nies lejn Ġesù.

18. Għala jistaʼ jingħad li Ġesù kien umli?

18 Billi aċċetta l-​inkarigu li jiġi fuq l-​art, Ġesù “xejjen lilu nnifsu u ħa s-​sura taʼ lsir u sar jixbah lill-​bnedmin.” (Flp. 2:7) Dan kien att t’umiltà. Iktar minn hekk, Ġesù ma qiesx lin-​nies bħala inferjuri għalih. Hu ma rraġunax, ‘Jien qgħadt noqgħod ninżel mis-​sema, allura issa tridu tagħtuni widen.’ Kuntrarju għal dawk li b’qerq kienu jgħidu li huma nfushom kienu l-​Messija, Ġesù ma kienx ixandar maʼ l-​erbat irjieħ l-​irwol tiegħu bħala l-​Messija l-​veru. Kultant hu kien jgħid lin-​nies biex ma jgħidu lil ħadd min kien jew x’kien għamel. (Mt. 12:15-21) Ġesù ried li d-​deċiżjoni li jieħdu n-​nies biex isegwuh tkun ibbażata fuq dak li jkunu raw huma b’għajnejhom stess. Kemm kienu mberkin id-​dixxipli tiegħu li l-​Mulej tagħhom ma stenniex li huma jkunu bħall-​anġli perfetti li magħhom kien issieħeb fis-​sema!

19, 20. L-​imħabba u l-​mogħdrija kif qanqlu lil Ġesù biex jgħin lin-​nies?

19 Ukoll, Ġesù Kristu wera l-​imħabba—kwalità prinċipali taʼ Missieru tas-​sema. (1 Ġw. 4:8) Ġesù għallem lill-​udjenzi tiegħu bl-​imħabba. Per eżempju, ikkunsidra s-​sentimenti tiegħu għal ċertu ħakkiem żagħżugħ. (Aqra Marku 10:17-22.) Ġesù “ħass imħabba għalih” u ried jgħinu, iżda l-​ħakkiem żagħżugħ m’abbandunax il-​ġid kbir li kellu sabiex isir segwaċi taʼ Kristu.

20 Fost il-​kwalitajiet sbieħ taʼ Ġesù nsibu l-​mogħdrija. Bħall-​bnedmin imperfetti kollha, dawk li wieġbu għat-​tagħlim tiegħu kienu mgħobbijin bil-​problemi. Konxju taʼ dan, Ġesù għallimhom b’mogħdrija u ħniena. Sabiex nagħtu eżempju: F’okkażjoni minnhom, Ġesù u l-​appostli tiegħu tant kellhom x’jagħmlu li lanqas kellhom ħin jieklu. Madankollu, x’kienet ir-​reazzjoni taʼ Ġesù meta ra li kienet inġabret folla nies? Ħassu mqanqal u “tħassarhom, għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. U beda jgħallimhom ħafna affarijiet.” (Mk. 6:34) Ġesù nnota l-​qagħda msejkna tan-​nies fit-​territorju tiegħu u uża l-​enerġija tiegħu biex jgħallimhom u jwettaq mirakli għall-​benefiċċju tagħhom. Xi wħud inġibdu lejn il-​kwalitajiet mill-​aqwa tiegħu, tqanqlu bi kliemu, u saru dixxipli tiegħu.

21. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

21 Hemm ħafna iktar x’nistgħu nitgħallmu dwar il-​ministeru taʼ Ġesù fuq l-​art, bħalma se juri l-​artiklu li jmiss. B’liema modi oħrajn nistgħu nimitaw lil Ġesù Kristu, l-​aqwa Missjunarju?

Int Kif Twieġeb?

• Liema taħriġ irċieva Ġesù qabel ġie fuq l-​art?

• Il-mod kif kien jgħallem Ġesù kif kien superjuri għall-​mod kif għallmu l-​iskribi u l-​Fariżej?

• Liema kwalitajiet ġibdu lin-​nies lejn Ġesù?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 15]

Ġesù kif għallem lill-​folol?