Dejjem Żomm lil Ġeħova Quddiem Għajnejk
Dejjem Żomm lil Ġeħova Quddiem Għajnejk
“Jien qegħidt il-Mulej dejjem quddiem għajnejja.”—SALM 16:8, KARM ŻAMMIT.
1. Ir-rakkonti Bibliċi liema effett jistaʼ jkollhom fuqna?
IL-KELMA miktuba taʼ Ġeħova fiha rakkonti meraviljużi taʼ kif Alla ttratta mal-bnedmin. Issemmi ħafna individwi li kellhom sehem fit-twettiq taʼ l-iskop t’Alla. M’għandniex xi ngħidu, il-kliem u l-għemejjel tagħhom m’humiex imniżżlin fil-Bibbja sempliċement bħala stejjer li nieħdu gost naqrawhom. Minflok, dawn ir-rakkonti jistgħu jressquna eqreb lejn Alla.—Ġak. 4:8.
2, 3. Kif għandna nifhmu l-kliem taʼ Salm 16:8?
2 Ilkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu ħafna mill-esperjenzi taʼ persunaġġi Bibliċi magħrufin sew—Abraham, Sara, Mosè, Rut, David, Ester, l-appostlu Pawlu, u oħrajn. Madankollu, nistgħu nibbenefikaw ukoll minn rakkonti taʼ individwi li kienu inqas prominenti. Il-meditazzjoni fuq ir-rakkonti Bibliċi tistaʼ tgħinna naġixxu fi qbil mal-kliem tas-salmista: “Jien qegħidt il-Mulej dejjem quddiem għajnejja: billi hu fuq il-lemin tiegħi, jien ma nitħarrikx.” (Salm 16:8, KŻ) Kif għandna nifhmuh dan il-kliem?
3 Suldat ġeneralment kien juża x-xabla tiegħu b’idu l-leminija, u għalhekk in-naħa l-leminija tiegħu ma kinitx tkun protetta mit-tarka li kien iżomm f’idu x-xellugija. Madankollu, hu kien ikun protett jekk xi ħabib kien jiġġieled ħdejh fuq in-naħa l-leminija tiegħu. Jekk inżommu lil Ġeħova f’moħħna u nagħmlu r-rieda tiegħu, hu se jipproteġina. Għalhekk, ejja naraw kif nistgħu nsaħħu il-fidi tagħna sabiex ‘inqiegħdu l-Mulej dejjem quddiem għajnejna’ (KŻ) billi nikkunsidraw ir-rakkonti Bibliċi.
Ġeħova Jwieġeb it-Talb Tagħna
4. Agħti eżempju Skritturali li jurina li Alla jwieġeb it-talb.
4 Jekk inżommu lil Ġeħova quddiem għajnejna, hu se jwieġeb it-talb tagħna. (Salm 65:3 [65:2, NW]; 66:19) Prova taʼ dan huwa l-każ taʼ l-ixjeħ qaddej t’Abraham, li x’aktarx kien Eligħeżer. Abraham bagħtu l-Mesopotamja biex lil Iżakk isiblu mara li għandha l-biżaʼ t’Alla. Eligħeżer talab għall-gwida t’Alla u għaraf li Ġeħova kien qed imexxi l-affarijiet meta Rebekka sqiet lill-iġmla tiegħu. Minħabba li talab bil-ħrara, Eligħeżer sab lil dik li mbagħad saret il-mara maħbuba taʼ Iżakk. (Ġen. 24:12-14, 67) Huwa minnu li l-qaddej t’Abraham kien fuq inkarigu speċjali. Imma m’għandniex aħna nkunu fiduċjużi daqsu li Ġeħova jismaʼ talbna?
5. Għala nistgħu ngħidu li anki talba qasira f’qalbna lil Ġeħova tistaʼ tkun effettiva?
5 Xi drabi, għandu mnejn ikollna nitolbu malajr għall-għajnuna t’Alla. F’okkażjoni minnhom, is-Sultan Artaserse tal-Persja nnota li l-kuppier tiegħu Neħemija kien imdejjaq. “X’inhu li qiegħed titlobni?” staqsa s-sultan. Neħemija minnufih ‘talab lil Alla tas-smewwiet.’ Neħemija ma setax jitlob fit-tul f’dik it-talba li x’aktarx qalha f’qalbu. Madankollu, Alla wiġibha, għax Neħemija ngħata l-appoġġ tas-sultan biex jerġaʼ jibni l-ħitan taʼ Ġerusalemm. (Aqra Neħemija 2:1-8.) Iva, anki talba qasira f’qalbna tistaʼ tkun effettiva.
6, 7. (a) Rigward it-talb, liema eżempju ħalla Epafra? (b) Għala għandna nitolbu għal oħrajn?
6 Aħna niġu mħeġġin biex ‘nitolbu għal xulxin,’ avolja mhux dejjem naraw evidenza li talb bħal dan jitwieġeb mill-ewwel. (Ġak. 5:16) Epafra, “ministru leali tal-Kristu,” talab bil-ħrara għal dawk li kienu jiġu minnu fil-fidi. F’ittri li kiteb minn Ruma, Pawlu qal: “Epafra, li hu wieħed minnkom [il-Kolossin] u lsir taʼ Kristu Ġesù, jibgħat iselli għalikom. Hu dejjem jistinka għalikom fit-talb tiegħu, sabiex fl-aħħarnett tkunu sħaħ u jkollkom konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla. Jien tabilħaqq nixhidlu li hu jitħabat ħafna għalikom u għal dawk f’Laodiċija u f’Ġerapoli.”—Kol. 1:7; 4:12, 13.
7 Kolossi, Laodiċija, u Ġerapoli kienu bliet fl-istess inħawi taʼ l-Asja Minuri. Il-Kristjani f’Ġerapoli kienu jgħixu fost l-aduraturi taʼ l-alla mara Ċibele, dawk fil-Laodiċija kienu mdawrin minn nies materjalistiċi, u l-Kolossin kienu fil-periklu minħabba l-filosofija tal-bniedem. (Kol. 2:8) Mhux taʼ b’xejn li Epafra, li kien minn Kolossi, ‘stinka fit-talb’ għall-Kristjani f’din il-belt! Il-Bibbja ma tgħidx kif ġie mwieġeb it-talb taʼ Epafra, imma ma waqafx jitlob għal sħabu fit-twemmin; u aħna għandna nagħmlu l-istess. Għalkemm ma ‘nindaħlux fi ħwejjeġ ħaddieħor,’ forsi nafu li xi membru tal-familja jew xi ħabib qed jesperjenza prova iebsa tal-fidi. (1 Pt. 4:15) Kemm ikun xieraq li nitolbu għalih fil-privat! Pawlu ġie megħjun bit-talb t’oħrajn, u t-talb tagħna jistaʼ bl-istess mod jagħmel ħafna ġid.—2 Kor. 1:10, 11.
8. (a) Kif nafu li l-anzjani minn Efesu apprezzaw l-importanza tat-talb? (b) X’għandha tkun l-attitudni tagħna lejn it-talb lil Alla?
8 Iqisuna oħrajn bħala rġiel u nisa li ngħożżu l-privileġġ tat-talb? Wara li Pawlu ltaqaʼ maʼ l-anzjani minn Efesu, “niżel għarkopptejh magħhom ilkoll u talab.” Imbagħad “ilkoll infexxew jibku u nxteħtu fuq għonq Pawlu u bisuh b’tenerezza, għax l-iktar li nikkithom kien il-kliem li qalilhom, li ma kinux se jaraw lil wiċċu iktar.” (Atti 20:36-38) Ma nafux x’kien jisimhom dawk l-anzjani kollha, imma jidher ċar li apprezzaw l-importanza tat-talb. Żgur li aħna għandna ngħożżu l-privileġġ li nitolbu lil Alla u għandna ‘nerfgħu idejn leali’ b’fidi li Missierna tas-sema se jwiġibna.—1 Tim. 2:8.
Obdi lil Alla f’Kollox
9, 10. (a) Liema eżempju ħallew l-ulied bniet taʼ Selofħad? (b) L-ubbidjenza taʼ wlied Selofħad kif tistaʼ teffettwa l-ħarsa taʼ Kristjan mhux miżżewweġ lejn iż-żwieġ?
9 Jekk dejjem inżommu lil Ġeħova f’moħħna se niġu megħjunin biex nobduh, u b’riżultat taʼ dan se niksbu ħafna barkiet. (Dt. 28:13; 1 Sam. 15:22) Dan jirrikjedi li nkunu lesti li nobdu. Ikkunsidra l-attitudni taʼ ħames aħwa bniet, ulied Selofħad, li kienu jgħixu fi żmien Mosè. L-Iżraelin kellhom id-drawwa li l-wirt taʼ missierhom jiħduh is-subien. Selofħad miet bla tfal subien, u Ġeħova qal li dawn il-ħames nisa kellhom jingħataw il-wirt kollu—b’kundizzjoni waħda. Kellhom jiżżewġu rġiel minn ulied Manassi sabiex il-proprjetà li wirtu tibqaʼ fl-istess tribù.—Num. 27:1-8; 36:6-8.
10 L-ulied bniet taʼ Selofħad kienu fiduċjużi li kollox kien se jmur tajjeb jekk jobdu lil Alla. “L-ulied bniet taʼ Selofħad għamlu bħalma ordna [Ġeħova permezz taʼ] Mosè,” tgħid il-Bibbja. “U Maħla, Tirsa, Ħogla, Milka, u Nogħa, ulied Selofħad, iżżewwġu wlied zijiethom; iżżewwġu għand il-familji taʼ Manassi bin Ġużeppi, u hekk il-wirt tagħhom baqaʼ fil-familja taʼ missierhom.” (Num. 36:10-12) Dawn in-nisa ubbidjenti għamlu dak li Ġeħova kkmanda. (Ġoż. 17:3, 4) B’fidi simili, Kristjani maturi spiritwalment li m’humiex miżżewġin jobdu lil Alla billi jiżżewġu “biss fil-Mulej.”—1 Kor. 7:39.
11, 12. Kaleb kif wera li kellu fiduċja f’Alla?
11 Irridu nobdu lil Ġeħova f’kollox, bħalma għamel l-Iżraeli Kaleb. (Dt. 1:36) Wara l-ħelsien taʼ Iżrael mill-Eġittu fis-seklu 16 Q.E.K., Mosè bagħat 12-il raġel biex jispijaw f’Kangħan, imma tnejn biss mill-ispiji—Kaleb u Ġożwè—ħeġġew lin-nies biex jafdaw għalkollox f’Alla u jidħlu fil-pajjiż. (Num. 14:6-9) Xi erbgħin sena wara, Ġożwè u Kaleb kienu għadhom ħajjin u jsegwu lil Ġeħova bis-sħiħ, u Alla uża lil Ġożwè biex idaħħal lill-Iżraelin fl-Art Imwiegħda. Madankollu, l-għaxar spiji, li ma kellhomx fidi, milli jidher mietu matul l-40 sena li l-Iżraelin damu fix-xagħri.—Num. 14:31-34.
12 Bħala wieħed imdaħħal fiż-żmien u li ma mietx matul l-40 sena li l-Iżraelin qattgħu fix-xagħri, Kaleb setaʼ jmur quddiem Ġożwè u jgħid: “Jien żammejt sħiħ wara l-Mulej, Alla tiegħi.” (Aqra Ġożwè 14:6-9, KŻ.) Kaleb li kellu ħamsa u tmenin sena ried ir-reġjun muntanjuż li Alla kien wiegħdu, għalkemm fih kienu jgħixu l-għedewwa fil-bliet kbar u fortifikati tagħhom.—Ġoż. 14:10-15.
13. Minkejja l-provi li niffaċċjaw, x’għandna nagħmlu biex niġu mberkin?
13 Bħal Kaleb, li kien leali u ubbidjenti, aħna se jkollna l-appoġġ t’Alla jekk insegwu lil Ġeħova bis-sħiħ. Jekk niffaċċjaw ostakli kbar, se niġu mberkin hekk kif insegwu lil Ġeħova bis-sħiħ. Imma jistaʼ jkun taʼ sfida, li bħalma għamel Kaleb, nagħmlu dan tul ħajjitna kollha. Għalkemm is-Sultan Salamun beda tajjeb ħafna, in-nisa tiegħu dawrulu qalbu biex jaqdi allat foloz fi xjuħitu, u “ma mexiex għalkollox wara Ġeħova bħal David missieru.” (1 Slat. 11:4-6, NW) Minkejja l-provi li jkollna niffaċċjaw, jalla dejjem nobdu lil Alla f’kollox u dejjem inżommuh quddiem għajnejna.
Dejjem Afda f’Ġeħova
14, 15. Mill-esperjenzi taʼ Nagħomi, x’tgħallimt dwar il-bżonn li tafda f’Alla?
14 Irridu nafdaw f’Alla speċjalment meta nħossuna dipressi minħabba li l-futur tagħna jkun jidher ikrah. Ikkunsidra lix-xwejħa Nagħomi, li tilfet lil żewġha u liż-żewġ uliedha subien fil-mewt. Meta marret lura Ġuda minn Mowab, hi qalet imbikkija: “Issejjħulix Nagħomi [“Ħelwa,” nota taʼ taħt]: sejjħuli Mâra [“Morra,” nota taʼ taħt], għax bl-imrar imlieni Alla li jistaʼ kollox. Mimlija tlaqt minn hawn u b’xejn reġġagħni lura l-Mulej. Għala ssejjħuli Nagħomi, meta l-Mulej ċekkinni, u għakkisni Xaddaj?”—Rut 1:20, 21.
15 Għalkemm Nagħomi kienet imnikkta ferm, jekk naqraw il-ktieb taʼ Rut bir-reqqa naraw li hi baqgħet tafda f’Ġeħova. U kemm inbidlet is-sitwazzjoni tagħha! Rut, l-armla tat-tifel taʼ Nagħomi, iżżewġet lil Bogħaż u wildet tifel. Nagħomi rabbiet lit-tifel, u r-rakkont jgħid: “In-nisa tawha isem u qalu: ‘Nagħomi tweldilha tifel.’ U semmewh Għobed. Hu missier Ġesse, missier David.” (Rut 4:14-17) Meta Nagħomi tiġi rxoxtata għall-ħajja fuq l-art, hi se ssir taf li Rut, li wkoll se tkun hemm, saret antenata taʼ Ġesù, il-Messija. (Mt. 1:5, 6, 16) Bħal Nagħomi, aħna ma nistgħux inkunu nafu fiċ-ċert kif se jiżvolġu sitwazzjonijiet negattivi. Għalhekk, jalla dejjem nafdaw f’Alla, bħalma niġu mwissijin fi Proverbji 3:5, 6: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”
Strieħ fuq l-Ispirtu Qaddis
16. L-ispirtu qaddis t’Alla kif għen lil ċerti rġiel xjuħ f’Iżrael tal-qedem?
16 Jekk dejjem inżommu lil Ġeħova quddiem għajnejna, hu se jmexxina bl-ispirtu qaddis tiegħu. (Gal. 5:16-18) L-ispirtu t’Alla kien fuq is-70 raġel xiħ li ntgħażlu biex jgħinu lil Mosè ‘bil-piż tal-poplu’ taʼ Iżrael. Eldad u Medad biss jissemmew b’isimhom, imma l-ispirtu għenhom ilkoll biex iwettqu l-inkarigi tagħhom. (Num. 11:13-29) Bla dubju, huma kienu kapaċi, kellhom il-biżaʼ t’Alla, kienu taʼ min jafdahom, u onesti bħal dawk li ntgħażlu qabel. (Eżo. 18:21) Kwalitajiet bħal dawn jidhru f’anzjani Kristjani llum.
17. L-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova kellu liema sehem fil-bini tat-tabernaklu?
17 L-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova kellu rwol importanti fil-bini tat-tabernaklu fix-xagħri. Ġeħova ħatar lil Besalel bħala l-artiġjan u l-bennej ewlieni tat-tabernaklu, u wiegħdu li kien se ‘jimlieh bl-ispirtu t’Alla, b’ħila u b’dehen, bl-għerf u bis-sengħa f’kull xogħol.’ (Eżo. 31:3-5) Irġiel “kapaċi” ħadmu maʼ Besalel u l-assistent tiegħu Oħolijab f’li jwettqu dan l-inkarigu meraviljuż. Iktar minn hekk, l-ispirtu taʼ Ġeħova qanqal lil dawk taʼ qalbhom tajba biex jagħmlu kontribuzzjonijiet ġenerużi. (Eżo. 31:6; 35:5, 30-34) Dan l-istess spirtu jqanqal lill-qaddejja t’Alla llum biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex ifittxu l-ewwel is-Saltna. (Mt. 6:33) Għandu mnejn ikollna ċerti abbiltajiet, imma rridu nitolbu għall-ispirtu qaddis u nħalluh imexxina sabiex inwettqu x-xogħol li Ġeħova ta lill-poplu tiegħu fi żmienna.—Lq. 11:13.
Dejjem Qim u Onora lil Ġeħova taʼ l-Armati
18, 19. (a) L-ispirtu qaddis t’Alla xi jqanqalna biex nagħmlu? (b) X’tgħallimt mill-eżempji taʼ Simegħon u Anna?
18 L-ispirtu qaddis iqanqalna biex inqimu u nonoraw lil Alla u dan jgħinna biex dejjem inżommu lil Ġeħova quddiem għajnejna. Lill-poplu t’Alla tal-qedem intqallu: “Lil Ġeħova taʼ l-Armati għandkom tqimu u tonoraw bħala qaddis.” (Is. 8:13, Byington) F’Ġerusalemm taʼ l-ewwel seklu, kien hemm żewġ individwi mdaħħlin fiż-żmien li kienu jqimu u jonoraw lil Alla; dawn kienu Simegħon u Anna. (Aqra Luqa 2:25-38.) Simegħon poġġa fidi fil-profeziji Messjaniċi u kien qed “jistenna l-konsolazzjoni taʼ Iżrael.” Alla ferraʼ l-ispirtu qaddis fuq Simegħon u żgurah li kien se jgħix biex jara lill-Messija. U hekk ġara. Ġurnata minnhom fis-sena 2 Q.E.K., Ġesù ttieħed fit-tempju minn ommu Marija u Ġużeppi, il-missier adottiv tat-tifel. Imqanqal mill-ispirtu qaddis, Simegħon lissen kliem profetiku dwar il-Messija u bassar is-swied il-qalb taʼ Marija, li ġarrbet niket kbir meta Ġesù ġie msammar maʼ zokk tat-tortura. Imma immaġina l-ferħ kbir li esperjenza Simegħon meta ħa f’idejh “lill-Kristu taʼ Ġeħova”! U x’eżempju mill-aqwa taʼ qima u unur għal Alla ħalla Simegħon għall-qaddejja t’Alla llum!
19 Anna, l-armla taʼ 84 sena li kienet tqim u tonora lil Alla, “qatt ma kienet tonqos mit-tempju.” Hi kienet tagħti servizz sagru lejl u nhar “bis-sawm u bit-talb.” Anna wkoll kienet preżenti meta Ġesù bħala tarbija ttieħed fit-tempju. Kemm kienet grata li tara lil dak li se jkun il-Messija fil-futur! Tabilħaqq, hi “bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem dwar it-tifel maʼ dawk kollha li kienu qed jistennew il-ħelsien taʼ Ġerusalemm.” Anna ma setgħetx ma taqsamx din l-aħbar tajba m’oħrajn! Bħal Simegħon u Anna, Kristjani mdaħħlin fiż-żmien illum huma ferħanin ħafna li minkejja l-età tagħhom qatt m’huma xjuħ iżżejjed biex jaqdu lil Ġeħova bħala x-Xhieda tiegħu.
20. Hi x’inhi l-età tagħna, x’għandna bżonn nagħmlu, u għala?
20 Hi x’inhi l-età tagħna, irridu dejjem inżommu lil Ġeħova quddiem għajnejna. Imbagħad hu se jbierek l-isforzi umli tagħna li ngħidu lil oħrajn dwar is-saltna u l-għemejjel meraviljużi tiegħu. (Salm 71:17, 18; 145:10-13) Madankollu, sabiex nonoraw lil Ġeħova, għandna bżonn nuru kwalitajiet li jogħġbuh. X’nistgħu nitgħallmu dwar dawn il-kwalitajiet billi neżaminaw rakkonti Bibliċi oħrajn?
Int Kif Twieġeb?
• Kif nafu li Ġeħova jismaʼ t-talb?
• Għala għandna nobdu lil Alla f’kollox?
• Anki jekk inħossuna dipressi, għala għandna dejjem nafdaw f’Ġeħova?
• L-ispirtu qaddis t’Alla kif jgħin lill-poplu tiegħu?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 4]
It-talba taʼ Neħemija lil Ġeħova kienet effettiva
[Stampa f’paġna 5]
Jekk niftakru kif l-affarijiet żvolġew għal Nagħomi se niġu megħjunin biex nafdaw f’Ġeħova