Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Preżenza taʼ Kristu—Xi Tfisser Għalik?

Il-Preżenza taʼ Kristu—Xi Tfisser Għalik?

Il-​Preżenza taʼ Kristu—Xi Tfisser Għalik?

“X’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u taʼ tmiem is-​sistema?”—MT. 24:3.

1. Liema mistoqsija interessanti qajmu l-​appostli taʼ Ġesù?

 KWAŻI elfejn sena ilu, erbgħa mill-​appostli taʼ Ġesù qajmu mistoqsija f’konversazzjoni privata maʼ Sidhom fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ. Huma staqsewh: “Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u taʼ tmiem [sinteleja] is-​sistema?” (Mt. 24:3) F’din il-​mistoqsija, l-​appostli użaw żewġ espressjonijiet interessanti ħafna, “il-​preżenza tiegħek” u “tmiem is-​sistema.” Dawn l-​espressjonijiet għal xiex jirreferu?

2. X’inhu indikat mill-​kelma Griega tradotta “tmiem” f’Mattew 24:3?

2 Ejja nibdew bit-​tieni espressjoni u nikkunsidraw it-​terminu “tmiem,” it-​traduzzjoni tal-​kelma Griega sinteleja. Din il-​kelma tfisser tmiem fis-​sens taʼ konklużjoni, filwaqt li kelma Griega relatata magħha, telos, sempliċement tfisser “tmiem.” Id-​differenza fit-​tifsira taʼ dawn iż-​żewġ kelmiet Griegi tistaʼ tiġi mxebbha maʼ taħdita li tingħata fis-​Sala tas-​Saltna. Il-​konklużjoni tat-​taħdita hija l-​aħħar parti, li fiha l-​kelliemi jqattaʼ ftit ħin ifakkar lill-​udjenza dwar dak li kien qed jiddiskuti u mbagħad juri kif din l-​informazzjoni tapplika għalihom. It-​tmiem tat-​taħdita huwa meta l-​kelliemi jinżel minn fuq il-​platform. B’mod simili, skond il-​Bibbja, it-​terminu “tmiem [sinteleja] is-​sistema” jirreferi għall-​perijodu taʼ żmien li jwassal għat-​tmiem inkluż it-​tmiem innifsu.

3. X’inhuma ftit mill-​affarijiet li jseħħu matul il-​preżenza taʼ Ġesù?

3 Xi ngħidu għall-​“preżenza” li dwarha staqsew l-​appostli? Din hija t-​traduzzjoni tal-​kelma Griega parusija. * Il-​parusija, jew preżenza, taʼ Kristu bdiet meta Ġesù ġie maħtur bħala Sultan fis-​sema fl-​1914 u għadha għaddejja sakemm tkun tinkludi t-​“tribulazzjoni kbira,” li fiha ġej biex jeqred lill-​ħżiena. (Mt. 24:21) Waqt din il-​preżenza taʼ Ġesù jseħħu ħafna affarijiet differenti. Dawn jinkludu “l-​aħħar jiem” taʼ din is-​sistema mill-​agħar, il-​ġbir tal-​magħżulin, u l-​irxoxt tagħhom għall-​ħajja fis-​sema. (2 Tim. 3:1; 1 Kor. 15:23; 1 Tess. 4:15-17; 2 Tess. 2:1) Jistaʼ jingħad li l-​perijodu li jifforma “tmiem is-​sistema” (sinteleja) jikkorrispondi mal-​perijodu li jissejjaħ il-​preżenza taʼ Kristu (parusija).

Perijodu taʼ Żmien Imtawwal

4. Il-​preżenza taʼ Ġesù b’liema mod tixbah il-​ġrajjiet taʼ żmien Noè?

4 Il-​fatt li l-​kelma parusija tirreferi għal perijodu taʼ żmien imtawwal jaqbel maʼ dak li qal Ġesù rigward il-​preżenza tiegħu. (Aqra Mattew 24:37-39.) Innota li Ġesù ma xebbahx il-​preżenza tiegħu mal-​perijodu relattivament qasir li fih seħħ id-​Dilluvju fi żmien Noè. Minflok, hu qabbel il-​preżenza tiegħu maʼ perijodu taʼ żmien ħafna itwal li wassal sad-​Dilluvju. F’dan il-​perijodu taʼ żmien kien għaddej ix-​xogħol fuq il-​bini taʼ l-​arka u x-​xogħol taʼ l-​ippridkar li sar minn Noè, saż-​żmien li wasal id-​Dilluvju. Dawn il-​ġrajjiet seħħew fuq firxa t’għaxriet taʼ snin. B’mod simili, il-​preżenza taʼ Kristu tinkludi l-​ġrajjiet li jwasslu għat-​tribulazzjoni l-​kbira inkluż it-​tribulazzjoni nfisha.—2 Tess. 1:6-9.

5. Il-​kliem imniżżel f’Rivelazzjoni kapitlu 6 kif jindika li l-​preżenza taʼ Ġesù hija perijodu taʼ żmien imtawwal?

5 Profeziji Bibliċi oħrajn juru b’mod ċar li l-​preżenza taʼ Kristu tirreferi għal perijodu taʼ żmien imtawwal u mhux sempliċement għall-​miġja tiegħu biex jeqred lill-​ħżiena. Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jiddeskrivi lil Ġesù bħala li hu riekeb fuq żiemel abjad u qed jingħata kuruna. (Aqra Rivelazzjoni 6:1-8.) Wara li jinħatar bħala Sultan fl-​1914, Ġesù jiġi deskritt bħala li ‘ħiereġ jirbaħ u jtemm ir-​rebħa tiegħu.’ Ir-​rakkont imbagħad juri li hu jiġi segwit minn rikkieba taʼ żwiemel b’kuluri differenti. Profetikament, dawn jirrappreżentaw il-​gwerra, il-​ġuħ, u l-​mard, u dawn kollha seħħew matul il-​perijodu taʼ żmien imtawwal li jissejjaħ “l-​aħħar jiem.” Qed naraw it-​twettiq taʼ din il-​profezija fi żmienna.

6. Rivelazzjoni kapitlu 12 x’jgħinna nifhmu dwar il-​preżenza taʼ Kristu?

6 Rivelazzjoni kapitlu 12 jipprovdi iktar dettalji rigward it-​twaqqif tas-​Saltna t’Alla fis-​sema. Hemmhekk naqraw dwar battalja fil-​qasam inviżibbli. Mikiel—Ġesù Kristu fil-​pożizzjoni tiegħu fis-​sema—u l-​anġli tiegħu jiġġieldu kontra x-​Xitan u d-​demonji tiegħu. B’riżultat taʼ dan, Satana x-​Xitan u d-​demonji tiegħu jitwaddbu ’l isfel lejn l-​art. Ir-​rakkont jgħidilna li f’dan il-​punt ix-​Xitan għandu rabja kbira, “għax jaf li żmien qasir baqagħlu.” (Aqra Rivelazzjoni 12:7-12.) Għalhekk, jidher ċar li t-​twaqqif tas-​Saltna taʼ Kristu fis-​sema jiġi segwit minn perijodu taʼ żmien li hu mmarkat b’żjieda fil-​“gwaj” għall-​art u l-​abitanti tagħha.

7. It-​tieni salm dwar xiex jitkellem, u liema opportunità hemm deskritta fih?

7 Bl-​istess mod, it-​tieni salm jitkellem b’mod profetiku dwar il-​ħatra taʼ Ġesù bħala Sultan fuq il-​Muntanja Sijon tas-​sema. (Aqra Salm 2:5-9; 110:1, 2.) Madankollu, dan is-​salm jindika wkoll li hemm perijodu taʼ żmien meta l-​mexxejja taʼ l-​art, flimkien mas-​sudditi tagħhom, se jingħataw l-​opportunità biex jissottomettu ruħhom għall-​ħakma taʼ Kristu. Huma mwissijin biex ‘jifhmu sewwa’ u biex iħallu lilhom infushom jiġu ‘mwiddbin.’ Iva, matul dak iż-​żmien, “hienja dawk kollha li jistkennu [f’Alla]” billi jaqdu lil Ġeħova u s-​Sultan maħtur tiegħu. Għalhekk, jinfetaħ bieb t’opportunità matul il-​preżenza taʼ Ġesù bil-​qawwa tiegħu bħala sultan.—Salm 2:10-12.

Dawk li Jagħrfu s-​Sinjal

8, 9. Min kien se jagħraf is-​sinjal tal-​preżenza taʼ Kristu u jifhem xi jfisser?

8 Meta l-​Fariżej staqsewh dwar iż-​żmien li fih kellha tiġi s-​Saltna, Ġesù wieġeb li ma kinitx se tiġi “b’mod li jispikka” skond il-​ħarsa tagħhom. (Lq. 17:20, 21) Dawk li ma jemmnux ma kinux se jifhmu. Kif setgħu? Lanqas biss għarfu lil Ġesù bħala s-​Sultan futur tagħhom. Allura min kien se jagħraf is-​sinjal tal-​preżenza taʼ Kristu u jifhem is-​sinifikat tiegħu?

9 Ġesù kompla jgħid li d-​dixxipli tiegħu kienu se jaraw ċar is-​sinjal sewwasew bħalma jaraw “sajjetta, bid-​dawl tagħha, [li] tiddi minn parti s’oħra tas-​sema.” (Aqra Luqa 17:24-29.) Huwa taʼ interess li ninnotaw li Mattew 24:23-27 jorbot b’mod dirett l-​istess punt mas-​sinjal tal-​preżenza taʼ Kristu.

Il-​Ġenerazzjoni li Tara s-​Sinjal

10, 11. (a) Liema spjegazzjoni ngħatat qabel rigward il-​“ġenerazzjoni” msemmija f’Mattew 24:34? (b) Id-​dixxipli taʼ Ġesù mingħajr dubju min fehmu li kien inkluż f’din il-​“ġenerazzjoni”?

10 Fil-​passat, din ir-​rivista spjegat li fl-​ewwel seklu, “din il-​ġenerazzjoni” msemmija f’Mattew 24:34 tfisser “il-​ġenerazzjoni kontemporanja taʼ Lhud li m’emmnux.” * Din l-​ispjegazzjoni dehret raġunevoli għaliex postijiet oħrajn fl-​Iskrittura fejn Ġesù uża t-​terminu “ġenerazzjoni” kellhom tifsira negattiva, u fil-​biċċa l-​kbira, Ġesù uża aġġettivi negattivi, bħal “mill-​agħar,” biex jiddeskrivi l-​ġenerazzjoni. (Mt. 12:39; 17:17; Mk. 8:38) B’hekk, inħass li fit-​twettiq modern, Ġesù kien qed jirreferi għall-​“ġenerazzjoni” mill-​agħar taʼ wħud li ma jemmnux li kienu se jaraw kemm il-​karatteristiki li kellhom jimmarkaw “tmiem is-​sistema,” jew il-​konklużjoni tas-​sistema (sinteleja) u kemm it-​tmiem tas-​sistema nnifsu (telos).

11 Huwa minnu li meta Ġesù uża l-​kelma “ġenerazzjoni” b’mod negattiv, hu kien qed ikellem lin-​nies mill-​agħar taʼ żmienu jew kien qed jitkellem dwarhom. Imma kien dan minnu rigward l-​istqarrija tiegħu mniżżla f’Mattew 24:34? Ftakar li erbgħa mid-​dixxipli taʼ Ġesù kienu avviċinawh “kif kien waħdu.” (Mt. 24:3) Ladarba Ġesù ma użax aġġettivi negattivi meta kien qed ikellimhom dwar “din il-​ġenerazzjoni,” l-​appostli bla dubju fehmuh li huma u sħabhom id-​dixxipli l-​oħrajn kellhom jagħmlu parti mill-​“ġenerazzjoni” li ma kinitx se tgħaddi “sakemm iseħħ dan kollu.”

12. Il-​kuntest x’jirrivela dwar dawk li Ġesù kien qed jirreferi għalihom meta uża t-​terminu “ġenerazzjoni”?

12 Fuq liema bażi nistgħu naslu għal din il-​konklużjoni? Billi nikkunsidraw il-​kuntest bir-​reqqa. Kif inhu mniżżel f’Mattew 24:32, 33, Ġesù qal: “Issa tgħallmu dan il-​punt bħala tixbiha mis-​siġra tat-​tin: Hekk kif il-​fergħa ġdida tagħha tkun għadha ratba u toħroġ il-​weraq, tkunu tafu li qorob is-​sajf. Hekk ukoll intom, meta taraw dan kollu, kunu afu li hu qrib, fil-​bieb.” (Qabbel Marku 13:28-30; Luqa 21:30-32.) Imbagħad f’Mattew 24:34 naqraw: “Tassew ngħidilkom li din il-​ġenerazzjoni żgur ma tgħaddix sakemm iseħħ dan kollu.”

13, 14. Għala nistgħu ngħidu li l-​“ġenerazzjoni” li Ġesù rrefera għaliha kellha tkun id-​dixxipli tiegħu?

13 Ġesù qal li kienu d-​dixxipli tiegħu, li dalwaqt kienu se jiġu midlukin bl-​ispirtu qaddis, li kellhom jaslu għal ċerti konklużjonijiet meta jaraw “dan kollu” jseħħ. Għalhekk, Ġesù bilfors li kien qed jirreferi għad-​dixxipli tiegħu meta għamel l-​istqarrija: “Din il-​ġenerazzjoni żgur ma tgħaddix sakemm iseħħ dan kollu.”

14 Kuntrarju għal dawk li ma emmnux, id-​dixxipli taʼ Ġesù mhux biss kienu se jaraw is-​sinjal imma wkoll kienu se jifhmu s-​sinifikat tiegħu. Huma kienu se ‘jitgħallmu’ mill-​aspetti taʼ dan is-​sinjal u ‘jkunu jafu’ t-​tifsir veru tiegħu. Kienu se japprezzaw bis-​sħiħ li “hu qrib, fil-​bieb.” Filwaqt li huwa minnu li kemm il-​Lhud li ma kinux jemmnu u kemm il-​Kristjani midlukin u leali raw twettiq limitat taʼ kliem Ġesù fl-​ewwel seklu, lura f’dak iż-​żmien is-​segwaċi midlukin tiegħu biss setgħu jitgħallmu minn dawn il-​ġrajjiet—setgħu jifhmu t-​tifsir veru taʼ dak li raw.

15. (a) Min jifforma l-​“ġenerazzjoni” taʼ żmienna li rrefera għaliha Ġesù? (b) Għala ma nistgħux nikkalkulaw eżatt it-​tul taʼ żmien taʼ “din il-​ġenerazzjoni”? (Ara l-​kaxxa f’paġna 25.)

15 Dawk li m’għandhomx fehma spiritwali llum iħossu li s-​sinjal tal-​preżenza taʼ Ġesù ma ġiex “b’mod li jispikka.” Huma jirraġunaw li kollox għaddej bħalma kien fil-​passat. (2 Pt. 3:4) Mill-​banda l-​oħra, l-​aħwa midlukin u leali taʼ Kristu, il-​klassi taʼ Ġwanni fi żmienna, għarfu dan is-​sinjal bħallikieku kien sajjetta bid-​dawl tagħha u fehmu t-​tifsir veru tiegħu. Bħala klassi, dawn il-​midlukin jifformaw il-​“ġenerazzjoni” taʼ nies li jgħixu fi żmienna li m’hijiex se tgħaddi “sakemm iseħħ dan kollu.” * Dan jagħti x’jifhem li xi wħud, li huma ħut Kristu midlukin, se jkunu għadhom ħajjin fuq l-​art meta tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira mbassra.

“Ibqgħu Għassa”

16. Id-​dixxipli kollha taʼ Kristu x’għandhom jagħmlu?

16 Però, għandna bżonn iktar milli sempliċement nagħrfu s-​sinjal. Ġesù kompla jgħid: “Imma dak li ngħid lilkom ngħidu lil kulħadd, Ibqgħu għassa.” (Mk. 13:37) Dan hu importanti ħafna għalina lkoll illum kemm jekk aħna mill-​midlukin u kemm jekk aħna mill-​folla l-​kbira. Għaddew iktar minn disgħin sena minn mindu Ġesù ġie maħtur bħala Sultan fis-​sema fl-​1914. Għalkemm jistaʼ jkun diffiċli, irridu nuru li aħna lesti u nibqgħu għassa. Il-​fatt li nifhmu li Kristu huwa preżenti b’mod inviżibbli bil-​qawwa tiegħu bħala Sultan jgħinna nagħmlu dan. Iġibna konxji wkoll tal-​fatt li hu dalwaqt jiġi biex jeqred lill-​għedewwa tiegħu ‘f’siegħa li ma nobsruhiex.’—Lq. 12:40.

17. Din il-​fehma kif għandha ġġegħelna nħossuna, u x’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

17 Il-​fehma tagħna tat-​tifsira tal-​preżenza taʼ Kristu tgħinna nqawwu s-​sens t’urġenza ġewwa fina. Nafu li Ġesù huwa diġà preżenti u ilu jsaltan fis-​sema b’mod inviżibbli bħala Sultan sa mill-​1914. Dalwaqt se jiġi biex jeqred lill-​ħżiena u jġib bidliet kbar mal-​globu kollu. Għalhekk, għandna nkunu determinati iktar minn qatt qabel biex ikollna sehem attiv fix-​xogħol li Ġesù bassar meta qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem [telos].”—Mt. 24:14.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 3 It-tifsira tal-​kelma parusija tidher mill-​kuntrast li hemm fit-​2 Korintin 10:10, 11 u f’Filippin 2:12 li jitkellmu dwar il-​“preżenza” taʼ l-​appostlu Pawlu u dwar meta ‘ma kienx hemm.’ Għal diskussjoni dettaljata, ara l-​Insight on the Scriptures, Volume 2, paġni 676-9.

^ par. 10 Ara t-​Torri taʼ l-​Għassa, taʼ l-​1 taʼ Novembru, 1995, paġni 24-27, 30 u The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Novembru, 1995, paġni 30, 31.

^ par. 15 Il-perijodu taʼ żmien li fih tgħix “din il-​ġenerazzjoni” jidher li jikkorrispondi mal-​perijodu li jkopri l-​ewwel viżjoni fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni. (Riv. 1:10–3:22) Dan l-​aspett minn jum il-​Mulej jibda mill-​1914 sakemm imutu l-​aħħar uħud mill-​midlukin leali u jiġu rxoxtati.—Ara Revelation—Its Grand Climax At Hand! paġna 24, paragrafu 4.

Int Kif Twieġeb?

• Kif nafu li l-​preżenza taʼ Ġesù hija perijodu taʼ żmien imtawwal?

• Min jagħraf is-​sinjal tal-​preżenza taʼ Ġesù u jifhem xi jfisser?

• Il-ġenerazzjoni taʼ żmienna msemmija f’Mattew 24:34 minn min hija magħmula?

• Għala ma nistgħux nikkalkulaw it-​tul eżatt taʼ “din il-​ġenerazzjoni”?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 25]

Nistgħu Nikkalkulaw it-​Tul taʼ Żmien taʼ “Din il-​Ġenerazzjoni”?

Il-​kelma “ġenerazzjoni” ġeneralment tirreferi għal nies taʼ diversi etajiet li jgħixu matul perijodu taʼ żmien jew xi ġrajja partikulari. Per eżempju, Eżodu 1:6 jgħidilna: “Ġużeppi u ħutu kollha u dik il-​ġenerazzjoni kollha mietu.” Ġużeppi u ħutu ma kinux taʼ l-​istess età, imma kellhom esperjenza simili matul l-​istess perijodu taʼ żmien. Fost “dik il-​ġenerazzjoni” kien hemm uħud minn ħut Ġużeppi li twieldu qablu. Uħud minn dawn baqgħu jgħixu wara li miet Ġużeppi. (Ġen. 50:24) Oħrajn taʼ “din il-​ġenerazzjoni,” bħal Benjamin, twieldu wara li twieled Ġużeppi u għandu mnejn baqgħu ħajjin wara li miet.

Għalhekk, meta t-​terminu “ġenerazzjoni” jintuża b’referenza għal nies li jgħixu f’xi żmien partikulari, ma nistgħux inkunu nafu t-​tul eżatt taʼ dak iż-​żmien, però, żgur li dan il-​perijodu għandu tmiem u mhux se jkun twil iżżejjed. Għalhekk, billi uża t-​terminu “din il-​ġenerazzjoni,” kif inhu mniżżel f’Mattew 24:34, Ġesù ma tax lid-​dixxipli tiegħu xi metodu biex jgħinhom jiddeterminaw meta kellhom jintemmu “l-​aħħar jiem.” Minflok, Ġesù kompla jenfasizza li ma kinux se jkunu jafu “dak il-​jum u s-​siegħa.”—2 Tim. 3:1; Mt. 24:36.

[Stampa f’paġna 22, 23]

Wara li jinħatar bħala Sultan fl-​1914, Ġesù jiġi deskritt bħala li qed ‘jirbaħ’

[Stampa f’paġna 24]

“Din il-​ġenerazzjoni żgur ma tgħaddix sakemm iseħħ dan kollu”