Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Imita lill-Aqwa Missjunarju

Imita lill-Aqwa Missjunarju

Imita lill-​Aqwa Missjunarju

“Imitaw lili, bħalma jien nimita lil Kristu.”—1 KOR. 11:1.

1. Għala għandna nimitaw lil Ġesù Kristu?

 L-​APPOSTLU Pawlu imita lill-​aqwa Missjunarju, Ġesù Kristu. Pawlu ħeġġeġ lil sħabu l-​Kristjani: “Imitaw lili, bħalma jien nimita lil Kristu.” (1 Kor. 11:1) Wara li Ġesù ta lill-​appostli tiegħu eżempju dwar l-​umiltà billi b’mod umli ħaslilhom saqajhom, hu qalilhom: “Ħallejtilkom mudell sabiex, bħalma għamiltilkom jien, tagħmlu intom ukoll.” (Ġw. 13:12-15) Bħala Kristjani taʼ llum, aħna obbligati li nimitaw lil Ġesù Kristu fi kliemna u l-​għemejjel tagħna u fil-​kwalitajiet li nuru f’ħajjitna.—1 Pt. 2:21.

2. Anki jekk int qatt ma nħtart bħala missjunarju mill-​Ġemgħa li Tiggverna, liema attitudni għandu jkollok?

2 Fl-​artiklu taʼ qabel tgħallimna li missjunarju huwa wieħed li jkun mibgħut bħala evanġelizzatur—wieħed li jġib aħbar tajba lil oħrajn. F’dan ir-​rigward, Pawlu qajjem xi mistoqsijiet interessanti. (Aqra Rumani 10:11-15.) Innota li l-​appostlu staqsa: “Kif se jisimgħu jekk xi ħadd ma jippridkax?” Imbagħad hu kkwota l-​kliem mill-​profezija taʼ Isaija: “Kemm huma sbieħ saqajn dawk li jxandru aħbar tajba t’affarijiet tajbin!” (Is. 52:7) Anki jekk int ma nħtartx u ma ntbgħattx biex taqdi bħala missjunarju f’inkarigu f’pajjiż barrani, int jistaʼ jkollok l-​ispirtu taʼ l-​evanġelizzar, billi timita lil Ġesù bħala proklamatur żeluż taʼ l-​aħbar tajba. Is-​sena l-​oħra, 6,957,852 pubblikatur tas-​Saltna ‘għamlu x-​xogħol taʼ evanġelizzaturi’ f’236 pajjiż.—2 Tim. 4:5.

“Aħna Tlaqna Kollox u Ġejna Warajk”

3, 4. Ġesù x’ħalla warajh fis-​sema, u xi rridu nagħmlu sabiex inkunu segwaċi tiegħu?

3 Sabiex iwettaq l-​irwol li ġie inkarigat jagħmel fuq l-​art, Ġesù “xejjen lilu nnifsu u ħa s-​sura taʼ lsir,” billi ħalla warajh il-​ħajja u l-​glorja li kellu fis-​sema. (Flp. 2:7) Kwalunkwe ħaġa li nagħmlu biex nimitaw lil Kristu ma tistax titqabbel maʼ dak li għamel Ġesù meta ġie fuq l-​art. Iżda aħna nistgħu nibqgħu sodi bħala s-​segwaċi tiegħu, u ma nħarsux lura b’dispjaċir lejn dak li kellna fid-​dinja taʼ Satana.—1 Ġw. 5:19.

4 Darba minnhom, l-​appostlu Pietru qal lil Ġesù: “Ara! Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk.” (Mt. 19:27) Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni telqu minnufih ix-​xbieki tagħhom meta ġew mistidnin imorru wara Ġesù. Huma ħallew warajhom in-​negozju tas-​sajd u x-​xogħol prinċipali tagħhom sar il-​ministeru. Skond ir-​rakkont fl-​Evanġelju taʼ Luqa, Pietru qal: “Ara! Aħna tlaqna l-​affarijiet tagħna u ġejna warajk.” (Lq. 18:28) Ħafna minna ma ħallejniex “l-​affarijiet tagħna” kollha warajna sabiex insegwu lil Ġesù. Madankollu, kellna ‘niċħdu lilna nfusna’ biex nimxu wara Kristu u naqdu lil Ġeħova b’qalb sħiħa. (Mt. 16:24) Din l-​għażla ġabitilna barkiet għonja. (Aqra Mattew 19:29.) Jekk nimitaw lil Kristu u jkollna spirtu t’evanġelizzar se jkollna l-​hena f’qalbna, speċjalment jekk ħadna sehem anki żgħir f’li ngħinu lil xi ħadd jersaq qrib lejn Alla u lejn Ibnu l-​għażiż.

5. Irrakkonta esperjenza li turi x’jistaʼ jiddeċiedi li jagħmel xi immigrant meta jsir jaf il-​verità tal-​Bibbja.

5 Valmir, raġel Brażiljan li jgħix fil-​qalba tas-​Surinam, kien jaħdem f’minjiera tad-​deheb. Hu kien jixrob iżżejjed u kien jgħix ħajja immorali. Darba minnhom meta kien qiegħed jgħix f’belt, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova bdew jistudjaw il-​Bibbja miegħu. Hu kien jistudja kuljum, għamel ħafna bidliet, u ma damx ma tgħammed. Meta ra li xogħlu kien qed jagħmilhielu diffiċli li jgħix fi qbil mat-​tagħlim tal-​Bibbja, hu biegħ in-​negozju tiegħu li kien irendi ħafna u reġaʼ mar jgħix il-​Brażil sabiex jgħin lil familtu ssib it-​teżori spiritwali. Meta jsiru jafu l-​verità, ħafna immigranti jkunu lesti li jitilqu l-​impjieg tagħhom f’pajjiżi stabbli ekonomikament u jmorru lura f’pajjiżhom bl-​iskop li jgħinu lil qrabathom u lil oħrajn spiritwalment. Pubblikaturi tas-​Saltna bħal dawn juru spirtu veru t’evanġelizzar.

6. X’nistgħu nagħmlu jekk ma nkunux nistgħu mmorru ngħixu f’post fejn il-​bżonn għal proklamaturi tas-​Saltna huwa akbar?

6 Għadd taʼ Xhieda rnexxielhom imorru jgħixu fi nħawi fejn il-​bżonn għal proklamaturi tas-​Saltna huwa akbar. Xi wħud saħansitra jaqdu f’pajjiż barrani. Personalment forsi ma nkunux f’pożizzjoni li nieħdu pass bħal dan, iżda nistgħu nimitaw lil Ġesù billi dejjem nagħmlu l-​aħjar tagħna fil-​ministeru.

Ġeħova Jipprovdi t-​Taħriġ Meħtieġ

7. Liema skejjel huma disponibbli biex iħarrġu lil dawk li jridu jtejbu l-​abbiltà tagħhom bħala proklamaturi tas-​Saltna?

7 Sewwasew bħalma Ġesù rċieva taħriġ mingħand Missieru, aħna nistgħu nieħdu vantaġġ mill-​edukazzjoni li qed jipprovdi Ġeħova issa. Ġesù nnifsu qal: “Hu miktub fil-​Profeti, ‘U lkoll ikunu mgħallmin minn Ġeħova.’” (Ġw. 6:45; Is. 54:13) Illum, jeżistu skejjel apposta biex iħarrġuna bħala proklamaturi tas-​Saltna. Bla dubju, ilkoll kemm aħna bbenefikajna b’xi mod jew ieħor mill-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku fil-​kongregazzjoni lokali tagħna. Il-​pijunieri għandhom il-​privileġġ li jattendu l-​Iskola tas-​Servizz taʼ Pijunier. Għadd taʼ pijunieri taʼ l-​esperjenza ħadu pjaċir jattendu l-​iskola għat-​tieni darba. L-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali attendew l-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna sabiex itejbu l-​abbiltà tagħhom tat-​tagħlim u s-​servizz li jagħtu lil sħabhom fit-​twemmin. Għadd kbir t’anzjani u qaddejja ministerjali mhux miżżewġin irċivew taħriġ permezz taʼ l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali, li tħarriġhom biex jgħinu lil oħrajn fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. U ħafna mill-​aħwa rġiel u nisa li rċivew inkarigi missjunarji f’pajjiżi barranin ġew imħarrġin fl-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead).

8. X’inhuma lesti li jagħmlu xi aħwa sabiex jieħdu t-​taħriġ li jipprovdi Ġeħova?

8 Ħafna Xhieda taʼ Ġeħova għamlu bidliet f’ħajjithom sabiex jattendu dawn l-​iskejjel. Sabiex jattendi l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali fil-​Kanada, Yugu rriżenja mix-​xogħol sekulari tiegħu għax l-​imgħallem tiegħu m’aċċettax li jagħtih il-​leave. “Ma jiddispjaċinix,” qal Yugu. “Fil-​fatt, kieku tawni l-​leave biex bħallikieku jagħmluli pjaċir, huma kienu jistennew li jien nuri l-​lealtà tiegħi billi nibqaʼ naħdem mal-​kumpanija b’mod permanenti. Iżda issa jien disponibbli biex naċċetta kwalunkwe inkarigu li nistaʼ nirċievi mingħand Ġeħova.” Sabiex jieħdu vantaġġ mit-​taħriġ provdut minn Alla, ħafna kienu lesti jiċċaħħdu minn dak kollu li xi darba setaʼ kien taʼ valur kbir għalihom.—Lq. 5:28.

9. Agħti eżempju li juri kemm huma effettivi t-​tagħlim Skritturali u l-​isforz ħabrieki.

9 It-​tagħlim Skritturali u l-​isforz ħabrieki huma tassew effettivi. (2 Tim. 3:16, 17) Ikkunsidra x’ġara fil-​każ taʼ Saulo fil-​Gwatemala. Hu twieled b’diżabilità żgħira mentali, u waħda mill-​għalliema tiegħu qalet lil ommu biex ma tisforzax lit-​tifel biex jitgħallem jaqra, għax dan setaʼ biss jiskuraġġih. Saulo spiċċa l-​iskola mingħajr ma kien jaf jaqra. Madankollu, Xhud għallem lil Saulo jaqra, billi uża l-​browxer Apply Yourself to Reading and Writing. Maż-​żmien, Saulo tant għamel progress li beda jagħti t-​taħditiet fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. Iktar tard omm Saulo ltaqgħet maʼ l-​għalliema fil-​ministeru minn dar għal dar. Meta saret taf li Saulo kien tgħallem jaqra, l-​għalliema staqsietha biex iġġibu għandha l-​ġimgħa taʼ wara. Il-​ġimgħa taʼ wara, l-​għalliema staqsiet lil Saulo, “X’se tgħallimni?” Saulo beda jaqra paragrafu mill-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? “Ma nistax nemmen li int issa qed tgħallem lili,” qalet l-​għalliema. Bid-​dmugħ taʼ ferħ f’għajnejha, hi bdiet tgħannaq lil Saulo.

Tagħlim li Jmiss il-​Qlub

10. Liema għodda eċċellenti nistgħu nużaw biex ngħallmu l-​verità tal-​Bibbja?

10 Ġesù kien jibbaża t-​tagħlim tiegħu fuq dak li kien għallmu Ġeħova direttament u fuq l-​istruzzjoni li hemm fil-​Kelma miktuba t’Alla. (Lq. 4:16-21; Ġw. 8:28) Aħna nimitaw lil Ġesù billi napplikaw il-​pariri tiegħu u t-​tagħlim ibbażat fuq l-​Iskrittura. Huwa għalhekk li lkoll kemm aħna nitkellmu u naħsbu fi qbil, u dan jikkontribwixxi għall-​għaqda taʼ bejnietna. (1 Kor. 1:10) Kemm aħna grati li “l-​ilsir leali u għaqli” jipprovdi pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja sabiex jgħinna nżommu l-​għaqda fit-​tagħlim tagħna u nwettqu xogħolna bħala evanġelizzaturi! (Mt. 24:45; 28:19, 20) Waħda minn dawn il-​pubblikazzjonijiet hija l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? li issa huwa disponibbli b’179 lingwa.

11. Oħt fl-​Etjopja kif għelbet l-​oppożizzjoni billi użat il-​kiteb Il-​Bibbja X’Tgħallem?

11 L-​istudju taʼ l-​Iskrittura permezz tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? jistaʼ saħansitra jmiss il-​qalb taʼ dawk li jopponuna. Darba minnhom Lula, oħt li taqdi bħala pijuniera fl-​Etjopja, kienet qed tikkonduċi studju tal-​Bibbja meta qariba tal-​persuna li kienet qed tistudja daħlet fuqhom għal għarrieda u qalet li ma kellhomx għalfejn jagħmlu studju bħal dan. Lula rraġunat bil-​kalma kollha mal-​qariba billi użat it-​tixbiha dwar il-​flus foloz li tinsab f’kapitlu 15 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? Il-​mara kkalmat u ħalliethom ikomplu l-​istudju. Fil-​fatt, hi kienet hemm fl-​istudju li kien imiss u staqsiet jekk setgħetx hi wkoll ikollha studju tal-​Bibbja, u saħansitra offriet li tħallas għalih! Ma damitx ma bdiet tistudja tliet darbiet fil-​ġimgħa u għamlet progress spiritwali ġmielu.

12. Agħti eżempju wieħed biex turi kif it-​tfal jistgħu jgħallmu l-​veritajiet tal-​Bibbja b’mod effettiv.

12 It-​tfal jistgħu jgħinu lil oħrajn billi jużaw il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? Meta Keanu, li għandu 11-il sena u li joqgħod il-​Ħawajj, kien qed jaqra dan il-​ktieb l-​iskola, wieħed minn sħabu tal-​klassi staqsieh, “Int għala ma tiċċelebrax il-​festi?” Keanu qara t-​tweġiba dwar dan is-​suġġett dirett mill-​appendiċi tal-​ktieb, “Għandna Aħna Niċċelebraw il-​Festi?” Imbagħad hu mar fil-​werrej tal-​ktieb u staqsa lit-​tifel liema suġġett kien jinteressah l-​iktar; u nbeda studju tal-​Bibbja. Matul is-​sena taʼ servizz li għaddiet, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kkonduċew 6,561,426 studju tal-​Bibbja, li f’ħafna minnhom jintuża l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? Qiegħed int tuża din l-​għodda fl-​istudji tal-​Bibbja?

13. L-​istudju tal-​Bibbja b’liema mod jistaʼ jkollu influwenza qawwija fuq in-​nies?

13 L-​istudju taʼ l-​Iskrittura permezz tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? jistaʼ jkollu influwenza qawwija fuq dawk li jixtiequ jagħmlu r-​rieda t’Alla. Koppja li jaqdu bħala pijunieri speċjali fin-​Norveġja bdew studju tal-​Bibbja maʼ familja miż-​Żambja. Il-​koppja miż-​Żambja kellhom tliet ulied bniet u ma ridux tarbija oħra. Għalhekk meta l-​mara ħarġet tqila, huma ddeċidew li kellha tagħmel abort. Ftit ġranet qabel ma marret għand it-​tabib, huma studjaw il-​kapitlu bit-​titlu “Qis il-​Ħajja bil-​Mod Kif Iqisha Alla.” L-​istampa taʼ tarbija fil-​ġuf li tidher f’dan il-​kapitlu tant messet qalb il-​koppja, li ddeċidew li l-​abort ma jsirx. Huma komplew jagħmlu progress spiritwali u lit-​tifel li twildilhom semmewh għall-​ħu li kien jikkonduċi l-​istudju.

14. Il-​fatt li ngħixu fi qbil maʼ dak li ngħallmu kif jistaʼ jħalli riżultati tajbin? Agħti eżempju.

14 Aspett importanti dwar il-​mod kif għallem Ġesù kien il-​fatt li kien jgħix fi qbil maʼ dak li għallem. Ħafna nies jibqgħu impressjonati bl-​imġiba mill-​aqwa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, li jimitaw lil Ġesù f’dan ir-​rigward. Negozjant fi New Zealand insterqitlu l-​bagalja mill-​karozza tiegħu. Hu rrapporta dan is-​serq lill-​pulizija li qalulu: “L-​uniku ċans li terġaʼ tieħu lura l-​bagalja tiegħek huwa jekk isibha xi ħadd mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.” Waħda xhud li kienet qed tqassam il-​gazzetti sabet il-​bagalja. Meta ġie mgħarraf dwar dan, is-​sid mar għand din l-​oħt. Hu serraħ rasu meta ra li dokument li kien taʼ valur kbir għalih ma kienx insteraq. L-​oħt qaltlu, “Kien bix-​xieraq li nagħti lura din il-​bagalja speċjalment minħabba li jien waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.” In-​negozjant baqaʼ mistagħġeb billi ftakar dak li kien qallu l-​pulizija dakinhar stess. Jidher ċar li l-​Kristjani veri qed jgħixu fi qbil mat-​tagħlim li hemm fil-​Bibbja u qed jimitaw lil Ġesù.—Ebr. 13:18.

Imita l-​Attitudni taʼ Ġesù Lejn in-​Nies

15, 16. Kif nistgħu niġbdu lin-​nies lejn il-​messaġġ li nippridkaw?

15 L-​attitudni taʼ Ġesù lejn in-​nies kienet tiġbidhom lejn il-​messaġġ tiegħu. Per eżempju, l-​imħabba u l-​umiltà tiegħu kienu jiġbdu lil nies umli lejh. Hu wera mogħdrija lejn dawk li kienu jmorru għandu u kien ifarraġhom bi kliem ħelu, u kien ifejjaq lil ħafna minnhom fiżikament. (Aqra Marku 2:1-5.) Aħna ma nistgħux inwettqu mirakli, imma nistgħu nuru mħabba, umiltà, u mogħdrija—kwalitajiet li jgħinuna niġbdu lin-​nies lejn il-​verità.

16 Il-​mogħdrija kienet fattur importanti meta pijuniera speċjali jisimha Tariua żaret id-​dar taʼ raġel imdaħħal fiż-​żmien jismu Beere, li jgħix f’waħda mill-​gżejjer imbegħdin taʼ Kiribati fil-​Paċifiku tan-​Nofsinhar. Għalkemm ir-​raġel indika li ma riedx jismaʼ, Tariua nnotat li kien paralizzat f’parti minn ġismu u ħasset mogħdrija għalih. “Smajt x’inhi l-​wegħda t’Alla għall-​morda u għax-​xjuħ?” staqsiet hi. Imbagħad qrat silta mill-​profezija taʼ Isaija. (Aqra Isaija 35:5, 6.) Mistagħġeb b’dan, ir-​raġel qal, “Ilni snin sħaħ naqra l-​Bibbja u missjunarju mir-​reliġjon tiegħi ilu jiġi jżurni għal ħafna snin, iżda qatt ma rajtha din is-​silta fil-​Bibbja.” Inbeda studju tal-​Bibbja maʼ Beere, u hu għamel progress spiritwali ġmielu. Iva, hu kellu diżabilità serja, iżda issa huwa mgħammed, jieħu l-​inizjattiva f’li jieħu ħsieb grupp iżolat, u jiflaħ idur il-​gżira kollha bil-​mixi jippriedka l-​aħbar tajba.

Kompli Imita lil Kristu

17, 18. (a) Kif tistaʼ ssir evanġelizzatur taʼ suċċess? (b) X’hemm jistenniehom lil dawk li jieħdu l-​ministeru tagħhom bis-​serjetà?

17 Kif ikomplu juruna għal darba wara l-​oħra l-​esperjenzi taʼ ferħ fil-​ministeru, aħna jistaʼ jkollna suċċess bħala evanġelizzaturi jekk nikkultivaw u nuru l-​kwalitajiet li wera Ġesù. Kemm hu xieraq mela li nimitaw lil Kristu bħala evanġelizzaturi żelużi!

18 Meta xi wħud saru dixxipli taʼ Kristu fl-​ewwel seklu, Pietru staqsa: “Allura aħna x’se jmissna?” Ġesù wieġeb: “Kulmin telaq id-​djar tiegħu jew lil ħutu subien jew bniet jew lil missieru jew lil ommu jew lit-​tfal jew l-​artijiet minħabba ismi jingħata ħafna iktar u jiret il-​ħajja taʼ dejjem.” (Mt. 19:27-29) Żgur li nkunu nistgħu nesperjenzaw il-​verità taʼ dan il-​kliem jekk inkomplu nimitaw lill-​aqwa Missjunarju, Ġesù Kristu.

Int Kif Twieġeb?

• Ġeħova kif qed iħarriġna biex inkunu evanġelizzaturi?

• Il-ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? għala huwa effettiv fil-​ministeru tagħna?

• Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù fl-​attitudni tagħna lejn in-​nies?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 17]

Meta Ġesù stieden lil Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni biex imorru warajh, huma wieġbu bla dewmien

[Stampa f’paġna 19]

Pubblikazzjonijiet bħall-​ktieb “Il-​Bibbja X’Tgħallem?” jgħinuna nżommu l-​għaqda fit-​tagħlim tagħna