Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tgħallem mill-Iżbalji taʼ l-Iżraelin

Tgħallem mill-Iżbalji taʼ l-Iżraelin

Tgħallem mill-​Iżbalji taʼ l-​Iżraelin

L-​IŻRAELIN kienu jafu x’kien qed jistenna minnhom Ġeħova meta kienu deħlin fl-​Art Imwiegħda. Permezz taʼ Mosè, Alla kien ikkmanda: “U tkeċċu minn quddiemkom in-​nies kollha li jgħammru hemm, u teqirdu l-​idoli minquxa u x-​xbihat imdewwba kollha tagħhom, u tħottu s-​santwarji kollha fuq l-​għoljiet.”—Num. 33:52.

Il-poplu taʼ Iżrael ma kellu jagħmel ebda patt maʼ l-​abitanti tal-​pajjiż, u lanqas ma kellhom jintrabtu fiż-​żwieġ magħhom. (Dt. 7:2, 3) Tabilħaqq, il-​poplu magħżul t’Alla kien imwissi: “Qis li ma tidħol f’ebda patt man-​nies li joqogħdu fl-​art li se tidħol fiha, li ma jkunux għalik nasba ġo nofsok.” (Eżo. 34:12) Iżda l-​Iżraelin m’obdewx ’l Alla u nqabdu f’nasba. X’wassal għall-​waqgħa tagħhom? Liema lezzjonijiet bħala twissija għalina nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza tagħhom?—1 Kor. 10:11.

Mis-​Sħubija għall-​Idolatrija

Fil-​bidu, waqt li kienu qed jieħdu l-​Art Imwiegħda taħt idejhom, l-​Iżraelin kisbu ħafna rebħiet fuq l-​abitanti taʼ l-​art. Iżda, ulied Iżrael naqsu li jobdu l-​kmandi t’Alla bis-​sħiħ. Huma ma keċċewx lill-​għadu għalkollox. (Mħ. 1:1–2:10) Għall-​kuntrarju, hekk kif l-​Iżraelin bdew jgħixu fost is-​“sebaʼ ġnus” li kienu joqogħdu fil-​pajjiż, il-​kuntatt regulari man-​nies taʼ dawn il-​ġnus wassal għal ħbiberiji magħhom. (Dt. 7:1) Dan kif effettwa lill-​Iżraelin? Il-​Bibbja tgħid: “Kienu jiżżewwġu n-​nisa tagħhom, u lil uliedhom subjien kienu jżewwġulhom il-​bniet tagħhom; u kienu jservu l-​allat tagħhom. Ulied Iżrael għamlu l-​ħażin f’għajnejn il-​Mulej, nsew il-​Mulej, Alla tagħhom, u marru jservu lill-​Bagħalim u x-​xbihat taʼ l-​Asera.” (Mħ. 3:5-7) Għan-​nies taʼ Iżrael, sħubija maʼ l-​abitanti tal-​pajjiż wasslet għal żwiġijiet imħalltin u idolatrija. Ladarba bdew isiru rabtiet fiż-​żwieġ mal-​pagani, naqset ħafna il-​probabbiltà li Iżrael ikeċċihom għalkollox mill-​pajjiż. Il-​qima vera bdiet titħassar u l-​Iżraelin infushom bdew jaqdu allat foloz.

Għall-Iżraelin, l-​abitanti taʼ l-​Art Imwiegħda kienu iktar taʼ periklu spiritwali bħala ħbieb milli bħala l-​għedewwa tagħhom. Ikkunsidra mod ieħor li setaʼ wassal għal taħsir spiritwali.

Mill-​Biedja għall-​Qima taʼ Bagħal

Meta daħlu fl-​Art Imwiegħda, ulied Iżrael ma baqgħux iżjed nomadi u ħafna minnhom saru bdiewa. Il-​metodi agrikoli li użaw x’aktarx li kienu simili għal dawk li kienu jużaw in-​nies li kkultivaw l-​art qabilhom. Milli jidher, l-​Iżraelin ma ħadux biss il-​metodi agrikoli tal-​Kangħanin. Is-​sħubija man-​nies tal-​lokal ħajret lill-​Iżraelin biex jaċċettaw it-​twemmin tagħhom li kien marbut maʼ l-​agrikultura.

Il-Kangħanin kienu jqimu ħafna Bagħalim—allat li, skond il-​pagani, kienu jagħmlu l-​ħamrija fertili. Minbarra li jikkultivaw il-​ħamrija u jaħsdu l-​prodotti tagħha, maż-​żmien l-​Iżraelin ngħaqdu fil-​qima taʼ l-​allat Kangħanin bħala dawk li jġibu l-​prosperità. B’hekk, ħafna nies f’Iżrael kienu taparsi jqimu lil Ġeħova, imma fir-​realtà kienu qed jieħdu sehem f’apostasija totali.

Twissija Qawwija Għalina Llum

Ma nimmaġinawx li l-​Iżraelin kellhom xi intenzjoni li jinvolvu ruħhom fil-​qima taʼ Bagħal u t-​tbaħrid tagħha meta għall-​ewwel ġew f’kuntatt man-​nies taʼ l-​Art Imwiegħda. Madankollu, is-​sħubija magħhom hemm wasslithom. M’għandniex aħna nistennew effetti taʼ ħsara bħal dawn jekk nagħmluha maʼ dawk li għandu mnejn ikunu dħulin imma li m’għandhomx l-​istess twemmin, valuri, u prinċipji Kristjani bħal tagħna? M’għandniex xi ngħidu, xi kuntatt maʼ nies li m’humiex taʼ l-​istess twemmin tagħna jistaʼ jkun neċessarju fuq ix-​xogħol, l-​iskola, jew forsi saħansitra fid-​dar. Iżda, l-​esperjenza taʼ l-​Iżraelin hija twissija għalina li jekk infittxu sħubija bħal din inkunu qed nistiednu l-​inkwiet b’idejna. Il-​Bibbja tistqarr din il-​verità ċerta: “Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.”—1 Kor. 15:33.

Illum, niffaċċjaw ħafna sfidi simili għal dawk li kienu jiffaċċjaw l-​Iżraelin. Is-​soċjetà moderna għandha ħafna idoli. Dawn jinkludu l-​flus, nies famużi fid-​dinja tad-​divertiment, taʼ l-​isports, u tal-​politika, ċerti mexxejja reliġjużi, u saħansitra membri tal-​familja. Kwalunkwe wieħed minn dawn jistaʼ possibbilment isir iċ-​ċentru taʼ ħajjitna. Jekk nikkultivaw ħbiberiji mill-​qrib maʼ dawk li ma jħobbux lil Ġeħova nistgħu naqgħu f’rovina spiritwali.

Is-sess illeċitu kien parti integrali mill-​qima taʼ Bagħal li ħajjar u waqqaʼ lil ħafna Iżraelin. Ħafna minn fost il-​poplu t’Alla għadhom qed jisfaw vittmi taʼ nasbiet simili. Per eżempju, kulma jrid jagħmel bniedem kurjuż jew li ma jkunx attent huwa li sempliċement jagħfas buttuna fuq il-​kompjuter fil-​privatezza taʼ daru stess biex jara affarijiet li jtebbgħulu l-​kuxjenza. Kemm tkun ħaġa taʼ niket li kieku Kristjan kellu jaqaʼ vittma tal-​pornografija fuq l-​Internet!

“Henjin Dawk li Jħarsu l-​Preċetti Tiegħu”

Id-​deċiżjoni jekk nobdux lil Ġeħova jew le rigward l-​għażla tagħna tal-​ħbieb hija waħda persunali. (Dt. 30:19, 20) Għaldaqstant, jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna: ‘Maʼ min nagħmilha jien waqt li nieħu sehem f’attivitajiet fil-​ħin tal-​mistrieħ? X’inhuma l-​valuri u l-​morali tagħhom? Iqimu huma lil Ġeħova? Is-​sħubija magħhom tinkuraġġini biex inkun Kristjan aħjar?’

Is-salmista għanna: “Henjin dawk li triqthom bla ħtija, li jimxu fil-​liġi tal-​Mulej. Henjin dawk li jħarsu l-​preċetti tiegħu, u li jfittxuh b’qalbhom kollha.” (Salm 119:1, 2) Tabilħaqq, “hieni kull min jibżaʼ mill-​Mulej, kull min jimxi fit-​triqat tiegħu!” (Salm 128:1) Meta niġu biex nagħżlu l-​ħbieb tagħna, jalla nitgħallmu mill-​iżbalji taʼ l-​Iżraelin u nobdu għalkollox lil Ġeħova.—Prov. 13:20.

[Stampa f’paġna 26]

Is-​sħubija maʼ dawk li ma jħobbux lil Ġeħova tistaʼ twassalna għall-​idolatrija