Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ara! Il-Qaddej Approvat taʼ Ġeħova

Ara! Il-Qaddej Approvat taʼ Ġeħova

Ara! Il-​Qaddej Approvat taʼ Ġeħova

“Ara! Il-​qaddej tiegħi, . . . li ruħi approvat!”—IS. 42:1.

1. In-​nies taʼ Ġeħova x’inhuma inkuraġġiti biex jagħmlu, partikolarment hekk kif toqrob it-​Tifkira, u għala?

 HEKK kif joqrob iż-​żmien biex jikkommemoraw il-​mewt taʼ Kristu, in-​nies t’Alla jagħmlu sew li jsegwu l-​parir taʼ l-​appostlu Pawlu biex ‘iħarsu fiss lejn Ġesù, l-​Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-​fidi tagħna.’ Pawlu żied: “Tabilħaqq, irriflettu sew dwar dak li ssaporta l-​kliem ostili minn dawk li jidinbu kontra l-​interessi tagħhom stess, biex ma tegħjewx u ċċedu f’ruħkom.” (Ebr. 12:2, 3) Il-​fatt li jħarsu mill-​qrib lejn il-​ħajja taʼ fedeltà taʼ Kristu, li laħqet il-​quċċata bis-​sagrifiċċju tiegħu, se jgħin kemm lill-​Kristjani midlukin u kemm lil sħabhom in-​nagħaġ oħrajn biex ikomplu jaqdu lil Ġeħova fedelment u biex jevitaw li ‘jċedu f’ruħhom.’—Qabbel Galatin 6:9.

2. X’nistgħu nitgħallmu mill-​profeziji taʼ Isaija li huma relatati maʼ l-​Iben t’Alla?

2 Permezz tal-​profeta Isaija, Ġeħova nebbaħ serje taʼ profeziji relatati direttament maʼ Ibnu. Dawn il-​profeziji se jgħinuna biex “inħarsu fiss lejn . . . l-​Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-​fidi tagħna,” Kristu Ġesù. a Jixħtu dawl fuq il-​personalità tiegħu, is-​sofferenzi tiegħu, u l-​eżaltazzjoni tiegħu bħala s-​Sultan u l-​Feddej tagħna. Se jgħinuna nifhmu iktar dwar it-​Tifkira, li din is-​sena se nikkommemorawha nhar il-​Ħamis, 9 t’April, wara nżul ix-​xemx.

Il-​Qaddej Identifikat

3, 4. (a) Fil-​ktieb taʼ Isaija, il-​kelma “qaddej” għal min tapplika? (b) Il-​Bibbja stess kif tidentifika l-​Qaddej imsemmi f’Isaija kapitli 42, 49, 50, 52, u 53?

3 Il-​kelma “qaddej” tidher ħafna drabi fil-​ktieb taʼ Isaija. Kultant tapplika għall-​profeta nnifsu. (Is. 20:3; 44:26) Xi drabi tapplika għall-​ġens kollu taʼ Israel, jew Ġakobb. (Is. 41:8, 9; 44:1, 2, 21) Imma xi ngħidu għall-​profeziji li jispikkaw rigward il-​Qaddej dokumentati f’Isaija kapitli 42, 49, 50, 52, u 53? L-​Iskrittura Griega Kristjana ma tħallilna ebda dubju dwar l-​identità tal-​Qaddej taʼ Ġeħova deskritt f’dawn il-​kapitli. Taʼ interess, l-​uffiċjal Etjopjan imsemmi fil-​ktieb taʼ l-​Atti kien qed jaqra waħda minn dawn il-​profeziji meta Filippu l-​evanġelizzatur kien immexxi mill-​ispirtu biex javviċinah. Wara li qara s-​silta Biblika li issa nsibuha f’Isaija 53:7, 8, l-​uffiċjal staqsa lil Filippu: “Nitolbok, Għal min qed jgħid dan il-​profeta? Għalih innifsu jew għal ħaddieħor?” Filippu ma tilifx ħin biex jispjegalu li Isaija kien qed jitkellem dwar il-​Messija, Ġesù.—Atti 8:26-35.

4 Waqt li Ġesù kien għadu tarbija, raġel sewwa jismu Simegħon iddikjara bil-​qawwa taʼ l-​ispirtu qaddis li ċ-​“ċkejken Ġesù” kellu jsir “dawl biex ineħħi l-​velu lill-​ġnus,” bħalma tbassar f’Isaija 42:6 u 49:6. (Lq. 2:25-32) Barra minn hekk, l-​umiljazzjoni li esperjenza Ġesù fil-​lejl tal-​ġuri tiegħu kienet imbassra fil-​profezija taʼ Isaija 50:6-9. (Mt. 26:67; Lq. 22:63) Wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K., l-​appostlu Pietru identifika b’mod ċar lil Ġesù bħala l-​“Qaddej” taʼ Ġeħova. (Is. 52:13; 53:11; aqra Atti 3:13, 26.) X’nistgħu nitgħallmu minn dawn il-​profeziji Messjaniċi?

Ġeħova Jħarreġ lill-​Qaddej Tiegħu

5. Il-​Qaddej x’taħriġ irċieva?

5 Waħda mill-​profeziji taʼ Isaija dwar il-​Qaddej t’Alla titfaʼ dawl fuq ir-​relazzjoni intima bejn Ġeħova u l-​ewwel Iben imwieled tiegħu matul l-​eżistenza taʼ l-​Iben qabel ma sar bniedem. (Aqra Isaija 50:4-9.) Il-​Qaddej innifsu jirrivela li Ġeħova kien iħarrġu kontinwament, billi jgħid: “Hu jqajjimli widinti biex nismaʼ bħal wieħed li ġie mgħallem [jew dixxiplu].” (Is. 50:4) Matul dak iż-​żmien kollu, il-​Qaddej taʼ Ġeħova ta widen lil Missieru u tgħallem mingħandu, u b’hekk sar dixxiplu sottomess. Xi privileġġ uniku li tkun mgħallem mill-​Ħallieq taʼ l-​univers!

6. Il-​Qaddej kif indika s-​sottomissjoni perfetta tiegħu lejn Missieru?

6 F’din il-​profezija, il-​Qaddej jitkellem dwar Missieru bħala “l-​Mulej Sovran Ġeħova.” Dan juri li l-​Qaddej kien tgħallem il-​verità fundamentali dwar is-​sovranità universali taʼ Ġeħova. Billi indika s-​sottomissjoni perfetta tiegħu lejn Missieru, hu stqarr: “Il-​Mulej Sovran Ġeħova nnifsu fetaħli widinti, u jien, min-​naħa tiegħi, ma kontx ribelluż. Ma dortx fid-​direzzjoni opposta.” (Is. 50:5) Hu ‘kien maġenb Ġeħova bħala ħaddiem tas-​sengħa’ fil-​ħolqien taʼ l-​univers materjali u tal-​bniedem. Dan il-​“ħaddiem tas-​sengħa” ‘kien jieħu pjaċir quddiem Ġeħova l-​ħin kollu, jieħu pjaċir bil-​ħamrija produttiva taʼ l-​art tiegħu, u l-​affarijiet li kien jgħożż [l-Iben t’Alla] kienu marbutin maʼ wlied il-​bnedmin.’—Prov. 8:22-31.

7. X’juri li l-​Qaddej kellu fiduċja fl-​appoġġ taʼ Missieru matul il-​provi tiegħu?

7 Dan it-​taħriġ li rċieva l-​Qaddej u l-​affezzjoni tiegħu għall-​bnedmin ħejjewh għal meta ġie fuq l-​art u ffaċċja oppożizzjoni ħarxa. Hu baqaʼ jitgħaxxaq jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru, saħansitra meta ffaċċja persekuzzjoni ħarxa. (Salm 40:8; Mt. 26:42; Ġw. 6:38) Matul il-​provi tiegħu fuq l-​art, Ġesù kien fiduċjuż mill-​approvazzjoni u l-​appoġġ taʼ Missieru. Bħalma kien imbassar fil-​profezija taʼ Isaija, Ġesù setaʼ jgħid: “Qrib hu Dak li qed jiddikjarani ġust. Min jistaʼ jħaqqaqha miegħi? . . . Ara! Il-​Mulej Sovran Ġeħova nnifsu se jgħinni.” (Is. 50:8, 9) Ġeħova ċertament li għen lill-​Qaddej leali tiegħu matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, bħalma turi profezija oħra taʼ Isaija.

Il-​Ministeru tal-​Qaddej fuq l-​Art

8. X’jagħti prova li Ġesù kien il-​“magħżul” taʼ Ġeħova, bħalma tbassar f’Isaija 42:1?

8 Il-​Bibbja tgħidilna x’ġara meta tgħammed Ġesù fis-​sena 29 E.K.: “Niżel fuqu l-​ispirtu qaddis . . . u ġie leħen mis-​sema: ‘Int Ibni, il-​maħbub; jien approvajtek.’” (Lq. 3:21, 22) B’hekk, Ġeħova identifika b’mod ċar il-​“magħżul” tiegħu, imsemmi fil-​profezija taʼ Isaija. (Aqra Isaija 42:1-7.) Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù wettaq din il-​profezija b’mod meraviljuż. Fir-​rakkont taʼ l-​Evanġelju tiegħu, Mattew ikkwota l-​kliem li nsibu f’Isaija 42:1-4 u applikah għal Ġesù.—Mt. 12:15-21.

9, 10. (a) Ġesù kif wettaq Isaija 42:3 matul il-​ministeru tiegħu? (b) Kristu kif ‘wera l-​ġustizzja’ meta kien fuq l-​art, u meta se “jġib il-​ġustizzja fuq l-​art”?

9 In-​nies komuni fost il-​Lhud kienu mistmerrin mill-​mexxejja reliġjużi Lhud. (Ġw. 7:47-49) In-​nies kienu trattati ħażin u setgħu jitqabblu maʼ ‘qasab miksur’ jew ‘ftejjel tal-​kittien’ meta jkunu fl-​aħħar tnemnima tagħhom. Madankollu, Ġesù wera mogħdrija lejn il-​foqra u l-​magħkusin. (Mt. 9:35, 36) Hu offra stedina ħelwa lil uħud bħal dawn, billi qalilhom: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom.” (Mt. 11:28) Barra minn hekk, Ġesù ‘wera l-​ġustizzja’ billi għallem il-​livelli taʼ Ġeħova dwar it-​tajjeb u l-​ħażin. (Is. 42:3) Hu wera wkoll li l-​Liġi t’Alla kellha bżonn tiġi applikata bir-​raġunevolezza u bil-​ħniena. (Mt. 23:23) Ġesù wera wkoll il-​ġustizzja billi ppriedka mingħajr preġudizzju kemm lill-​għonja u kemm lill-​foqra.—Mt. 11:5; Lq. 18:18-23.

10 Il-​profezija taʼ Isaija tbassar ukoll li l-​“magħżul” taʼ Ġeħova “jġib il-​ġustizzja fuq l-​art.” (Is. 42:4) Dan se jagħmlu dalwaqt meta, bħala Sultan tas-​Saltna Messjanika, jeqred is-​saltniet politiċi kollha u jissostitwihom bil-​ħakma ġusta tiegħu stess. Hu se jintroduċi dinja ġdida, fejn “tgħammar il-​ġustizzja.”—2 Pt. 3:13; Dan. 2:44.

“Dawl” u “Patt”

11. Ġesù f’liema sens kien “dawl għall-​ġnus” fl-​ewwel seklu, u kif għadu hekk sa llum?

11 Bi twettiq taʼ Isaija 42:6, Ġesù tabilħaqq wera li kien “dawl għall-​ġnus.” Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, hu ġab dawl spiritwali primarjament għal-​Lhud. (Mt. 15:24; Atti 3:26) Imma Ġesù stqarr: “Jien id-​dawl tad-​dinja.” (Ġw. 8:12) Hu sar dawl kemm għal-​Lhud u kemm għall-​ġnus mhux biss billi ġab tidwil spiritwali imma wkoll billi offra l-​ħajja umana u perfetta tiegħu bħala fidwa għall-​bnedmin kollha. (Mt. 20:28) Wara l-​irxoxt tiegħu, hu inkariga lid-​dixxipli tiegħu biex ikunu xhieda tiegħu “sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Matul il-​ministeru tagħhom, Pawlu u Barnaba kkwotaw l-​espressjoni “dawl għall-​ġnus” u applikawha għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar li kienu qed iwettqu fost dawk li ma kinux Lhud. (Atti 13:46-48; qabbel Isaija 49:6.) Dan ix-​xogħol għadu qed isir hekk kif l-​aħwa midlukin taʼ Ġesù fuq l-​art u sħabhom ixerrdu d-​dawl spiritwali u jgħinu lin-​nies biex ipoġġu l-​fidi tagħhom f’Ġesù, id-​“dawl għall-​ġnus.”

12. Ġeħova kif ta lill-​Qaddej tiegħu “bħala patt għan-​nies”?

12 F’din l-​istess profezija, Ġeħova qal lill-​Qaddej magħżul tiegħu: “Se nħarsek u nagħtik bħala patt għan-​nies.” (Is. 42:6) Satana għamel sforzi persistenti biex jeqred lil Ġesù u ma jħallihx ilesti l-​ministeru tiegħu fuq l-​art, imma Ġeħova pproteġieh sakemm wasal iż-​żmien stabbilit għalih biex imut. (Mt. 2:13; Ġw. 7:30) Imbagħad Ġeħova rxoxta lil Ġesù u tah bħala “patt,” jew pleġġ, għan-​nies fuq l-​art. Din il-​wegħda solenni pprovdiet assiguranza li l-​Qaddej leali t’Alla kien se jkompli bħala “dawl għall-​ġnus,” billi jeħles lil dawk li qegħdin fi dlam spiritwali.—Aqra Isaija 49:8, 9. b

13. Ġesù b’liema mod ħeles “lil dawk bil-​qiegħda fid-​dlam” matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, u kif ikompli jagħmel hekk?

13 Fi qbil maʼ dan il-​pleġġ, il-​Qaddej magħżul taʼ Ġeħova kellu ‘jiftaħ l-​għajnejn għomja,’ ‘joħroġ mill-​kalzri lill-​ħabsi,’ u jeħles “lil dawk bil-​qiegħda fid-​dlam.” (Is. 42:7) Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù għamel dan billi kixef it-​tradizzjonijiet reliġjużi foloz u ppriedka l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Mt. 15:3; Lq. 8:1) B’hekk, hu ħeles mill-​jasar spiritwali lil xi Lhud li saru d-​dixxipli tiegħu. (Ġw. 8:31, 32) B’mod simili, Ġesù ħeles spiritwalment lil miljuni taʼ wħud li m’humiex Lhud. Hu inkariga lis-​segwaċi tiegħu biex ‘imorru u jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha,’ u wiegħed li se jkun mas-​segwaċi tiegħu “sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mt. 28:19, 20) Mill-​pożizzjoni tiegħu fis-​sema, Kristu Ġesù qed jindokra x-​xogħol taʼ l-​ippridkar globali.

Ġeħova Refaʼ lill-​“Qaddej” Għal Pożizzjoni Ogħla

14, 15. Ġeħova għala u kif refaʼ lill-​Qaddej tiegħu għal pożizzjoni ogħla?

14 Jerġaʼ fi profezija oħra rigward il-​Qaddej Messjaniku tiegħu, Ġeħova jistqarr: “Ara! Il-​qaddej tiegħi se jaġixxi bid-​dehen. Se jkollu pożizzjoni għolja u se jintrefaʼ u jiġi eżaltat ferm.” (Is. 52:13) Minħabba s-​sottomissjoni leali taʼ Ibnu lejn is-​sovranità Tiegħu u l-​fedeltà tiegħu taħt l-​iktar prova estrema, Ġeħova refgħu għal pożizzjoni ogħla.

15 L-​appostlu Pietru kiteb dwar Ġesù: “Hu qiegħed fuq il-​leminija t’Alla, għax mar fis-​sema; u l-​anġli u l-​awtoritajiet u l-​qawwiet intgħamlu sottomessi lejh.” (1 Pt. 3:22) Bl-​istess mod, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-​mewt, iva, sal-​mewt fuq zokk tat-​tortura. Kien ukoll għalhekk li Alla eżaltah għal pożizzjoni superjuri u b’qalb tajba tah l-​isem li hu fuq kull isem ieħor, sabiex f’isem Ġesù tintlewa kull irkoppa fis-​sema, fuq l-​art, u taħt l-​art, u kull ilsien jistqarr quddiem kulħadd li Ġesù Kristu hu Mulej għall-​glorja t’Alla l-​Missier.”—Flp. 2:8-11.

16. Ġesù kif ġie “eżaltat ferm” fl-​1914, u x’wettaq minn dakinhar ’l hawn?

16 Fl-​1914, Ġeħova refaʼ lil Ġesù għal pożizzjoni saħansitra ogħla. Hu ġie “eżaltat ferm” meta Ġeħova poġġieh fuq it-​tron bħala s-​Sultan tas-​Saltna Messjanika. (Salm 2:6; Dan. 7:13, 14) Minn dakinhar ’l hawn, Kristu ‘mar irażżan f’nofs l-​għedewwa tiegħu.’ (Salm 110:2) Hu l-​ewwel rażżan lil Satana u lid-​demonji tiegħu, billi waddabhom għal isfel fil-​viċinanza taʼ l-​art. (Riv. 12:7-12) Imbagħad, billi aġixxa bħala Ċiru Akbar, Kristu ħeles lill-​fdal taʼ ħutu l-​midlukin fuq l-​art minn taħt difrejn “Babilonja l-​Kbira.” (Riv. 18:2; Is. 44:28) Hu dderieġa x-​xogħol taʼ l-​ippridkar madwar id-​dinja li rriżulta fil-​ġbir tal-​“bqija” taʼ ħutu spiritwali u mbagħad fil-​ġbir taʼ miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn,” l-​imseħbin leali tal-​“merħla żgħira.”—Riv. 12:17; Ġw. 10:16; Lq. 12:32.

17. X’tgħallimna s’issa billi studjajna l-​profeziji taʼ Isaija rigward il-​“qaddej”?

17 L-​istudju taʼ dawn il-​profeziji meraviljużi fil-​ktieb taʼ Isaija żgur li żidilna l-​apprezzament lejn is-​Sultan u l-​Feddej tagħna, Kristu Ġesù. Is-​sottomissjoni tiegħu bħala iben matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art irriflettiet it-​taħriġ li rċieva meta kien maġenb Missieru qabel ma ġie fuq l-​art. Hu wera li hu d-​“dawl għall-​ġnus” permezz tal-​ministeru tiegħu stess u permezz tax-​xogħol taʼ l-​ippridkar li indokra sa żmienna. Bħalma se naraw fl-​artiklu li jmiss, profezija oħra rigward il-​Qaddej Messjaniku tirrivela li hu kellu jsofri u jagħti ħajtu għall-​benefiċċju tagħna, kwistjonijiet li għandna ‘nirriflettu sew’ dwarhom hekk kif toqrob it-​Tifkira tal-​mewt tiegħu.—Ebr. 12:2, 3.

[Noti taʼ taħt]

a Dawn il-​profeziji tistaʼ ssibhom f’Isaija 42:1-7; 49:1-12; 50:4-9; u 52:13–53:12.

b Għal diskussjoni dwar il-​profezija f’Isaija 49:1-12, ara Il-​Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-​Bnedmin Kollha II, paġni 136-145.

Bħala Reviżjoni

• Min hu l-​“qaddej” imsemmi fil-​profeziji taʼ Isaija, u kif nafu?

• Il-​Qaddej x’taħriġ irċieva minn Ġeħova?

• Ġesù kif inhu “dawl għall-​ġnus”?

• Il-​Qaddej kif ġie merfugħ għal pożizzjoni ogħla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 21]

Filippu identifika b’mod ċar il-​“qaddej” imsemmi minn Isaija bħala Ġesù, il-​Messija

[Stampa f’paġna 23]

Bħala l-​Qaddej magħżul taʼ Ġeħova, Ġesù wera mogħdrija lejn il-​foqra u l-​magħkusin

[Stampa f’paġna 24]

Ġesù ġie eżaltat minn Missieru u mpoġġi fuq it-​tron bħala s-​Sultan tas-​Saltna Messjanika