“Din Hi t-Triq. Imxu Fiha”
L-Istorja t’Emilia Pederson
Kif rakkontata minn Ruth E. Pappas
OMMI, Emilia Pederson, twieldet fl-1878. Għalkemm saret għalliema taʼ l-iskola, dak li verament xtaqet kien li tuża ħajjitha biex tgħin lin-nies jersqu qrib lejn Alla. Evidenza tax-xewqa t’ommi kienet il-bagoll kbir li kellna d-dar tagħna, f’Jasper, belt żgħira fil-Minnesota, l-Istati Uniti. Din kienet akkwistatha biex iġġorr l-affarijiet tagħha lejn iċ-Ċina, fejn xtaqet taqdi bħala missjunarja. Madankollu, meta mietet ommha, kellha tbiddel il-pjanijiet tagħha u tibqaʼ d-dar biex tieħu ħsieb ħutha iżgħar minnha. Fl-1907 żżewġet lil Theodore Holien. Jien twilidt fit-2 taʼ Diċembru, 1925—l-iżgħar minn sebaʼ aħwa.
Ommi kellha xi mistoqsijiet fuq il-Bibbja u kienet tfittex bis-serjetà t-tweġibiet għalihom. Mistoqsija waħda kienet dwar it-tagħlim li l-infern hu post taʼ turment bin-nar għall-ħżiena. Hi staqsiet lil supervisor tal-Knisja Luterana, li kien qed iżurhom, fejn setgħet issib fil-Bibbja dak li kien jappoġġa dan it-tagħlim. Fi kliem ieħor, hu qalilha li ma jimpurtax x’tgħid il-Bibbja—kien hemm bżonn li jiġi mgħallem infern taʼ turment bin-nar.
Taqtaʼ x-Xewqa li Ssir Taf il-Verità
Ftit wara l-1900, Emma, oħt ommi, marret Northfield, il-Minnesota, biex tistudja l-mużika. Hi qagħdet fid-dar taʼ l-għalliem tagħha Milius Christianson u martu, li kienet Studenta tal-Bibbja, kif kienu magħrufin dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Emma semmiet li kellha oħtha li kienet qarrejja devota tal-Bibbja. Is-Sinjura Christianson ma damitx ma kitbet ittra lil ommi u wiġbitilha l-mistoqsijiet li kellha fuq il-Bibbja.
Darba waħda, Studenta tal-Bibbja jisimha Lora Oathout ġiet bil-ferrovija minn Sioux Falls, fis-South Dakota, biex tippriedka f’Jasper. Ommi studjat il-letteratura tal-Bibbja li kienet irċiviet, u fl-1915 bdiet taqsam il-veritajiet tal-Bibbja m’oħrajn, u qassmet il-letteratura li pprovditilha Lora.
Fl-1916, ommi semgħet li kien se jkun hemm Charles Taze Russell fil-konvenzjoni fil-Belt taʼ Sioux, f’Iowa. Riedet tattendi. Sa dan iż-żmien, ommi kellha ħamest itfal, u Marvin, l-iżgħar wieħed, kellu biss ħames xhur. Minkejja dan, bit-tfal kollha magħha, hi vjaġġat bil-ferrovija madwar 160 kilometru sal-Belt taʼ Sioux biex tattendi l-konvenzjoni. Hi semgħet it-taħditiet taʼ Ħuna Russell, rat il-“Photo Drama of Creation,” u tgħammdet. Malli waslet lura d-dar kitbet artiklu dwar il-konvenzjoni, li ġie pubblikat fil-Jasper Journal.
Fl-1922, ommi kienet fost it-18,000 ruħ li attendew il-konvenzjoni taʼ Cedar Point, f’Ohio. Wara din il-konvenzjoni, qatt ma waqfet tirreklama s-Saltna t’Alla. Fil-fatt, kienet tħeġġiġna Is. 30:21.
biex nagħtu kas it-twissija: “Din hi t-triq. Imxu fiha.”—Il-Ministeru tas-Saltna Jagħti l-Frott
Kmieni fis-snin għoxrin tas-seklu l-ieħor, il-ġenituri tiegħi marru joqogħdu f’dar ’il barra minn Jasper. Missieri kellu negozju li kien sejjer tajjeb u familja kbira x’jieħu ħsieb. Hu ma kienx jistudja l-Bibbja daqs ommi, imma appoġġa x-xogħol taʼ l-ippridkar b’qalbu kollha u kien jistieden lill-ministri li jivvjaġġaw, li dak iż-żmien kienu magħrufin bħala pellegrini, biex joqogħdu għandna. Spiss, meta wieħed mill-aħwa li jivvjaġġaw kien jagħti xi taħdita fid-dar tagħna, kien ikun hemm mal-mitt ruħ jew iktar—ippakkjati fis-salott, fil-kamra taʼ l-ikel, u fil-kamra tas-sodda tagħna.
Meta kelli madwar sebaʼ snin, ziti Lettie ċemplet u qalet li l-ġirien tagħha, Ed Larson u martu, riedu jistudjaw il-Bibbja. Huma aċċettaw bil-ħerqa l-veritajiet tal-Bibbja u iktar tard stiednu waħda mill-ġirien tagħhom jisimha Martha Van Daalen, omm taʼ tmint itfal, biex tingħaqad magħhom fl-istudju. Martha u l-familja tagħha kollha saru Studenti tal-Bibbja. a
Dik il-ħabta, Gordon Kammerud, żagħżugħ li kien jgħix ftit kilometri ’l bogħod minna, beda jaħdem maʼ missieri. Gordon kien ġie mwissi: “Oqgħod attent mill-bniet taʼ l-imgħallem. Għandhom reliġjon stramba.” Madankollu, Gordon beda jistudja l-Bibbja u ma damx ma kkonvinċa ruħu li kien sab il-verità. Tliet xhur wara, hu tgħammed. Il-ġenituri tiegħu wkoll ħaddnu l-verità, u l-familji tagħna—il-familja Holien, il-familja Kammerud, u l-familja Van Daalen—saru ħbieb tal-qalb.
Imsaħħin mill-Konvenzjonijiet
Ommi tant kienet inkuraġġita mill-konvenzjoni taʼ Cedar Point li minn dakinhar qatt ma riedet titlef konvenzjoni oħra. Għalhekk, l-ewwel memorji li għandi huma l-vjaġġi twal li għamilna biex nattendu dawn il-laqgħat. Il-konvenzjoni taʼ Columbus, f’Ohio, fl-1931 kienet speċjali għax kien dakinhar li ġie adottat l-isem Xhieda taʼ Ġeħova. (Is. 43:10-12) Jien niftakar sew ukoll il-konvenzjoni taʼ Washington, D.C., fl-1935, li fiha kien hemm taħdita storika li identifikat il-“kotra kbira,” jew il-“folla kbira,” li tissemma f’Rivelazzjoni. (Riv. 7:9; Għaqda Biblika Maltija) Ħuti Lilian u Eunice kienu fost l-iktar minn 800 ruħ li tgħammdu hemmhekk.
Il-familja tagħna vvjaġġat lejn il-konvenzjonijiet f’Columbus, Ohio, fl-1937; f’Seattle, Washington, fl-1938; u fil-Belt taʼ New York fl-1939. Il-familji Van Daalen u Kammerud u xi oħrajn ġew magħna, u aħna kkampjajna matul it-triq. Eunice żżewġet lil Leo Van Daalen fl-1940, u saru pijunieri. Dik l-istess sena, Lilian iżżewġet lil Gordon Kammerud, u huma wkoll saru pijunieri.
Il-konvenzjoni fl-1941 li saret f’St. Louis, fil-Missouri, kienet speċjali. Hemmhekk, eluf taʼ żgħażagħ irċivew il-ktieb Children. Dik il-konvenzjoni biddlitli ħajti. Ftit wara, fl-1 taʼ Settembru, 1941, sirt pijuniera flimkien maʼ ħija Marvin u martu, Joyce. Kelli 15-il sena.
Ħafna min-nies fil-komunità tagħna kienu bdiewa, u għalhekk kien diffiċli għall-aħwa rġiel li jattendu l-konvenzjonijiet għaliex spiss dawn kienu jkunu fi żmien il-ħsad. Għalhekk, wara l-konvenzjonijiet, konna nagħmlu reviżjonijiet tal-konvenzjoni fil-bitħa taʼ wara tad-dar tagħna għall-benefiċċju taʼ dawk li ma kinux ikunu jistgħu jattendu. Dawn kienu laqgħat ferriħija.
Gilegħad u Inkarigi Barranin
Fi Frar taʼ l-1943 ġiet stabbilita l-iskola taʼ Gilegħad għat-taħriġ taʼ pijunieri għas-servizz missjunarju. L-ewwel klassi kienet tinkludi sitt membri tal-familja Van Daalen—l-aħwa rġiel Emil, Arthur, Homer, u Leo; il-kuġin tagħhom Donald; u oħti Eunice, mart Leo. Sellimna lil xulxin u konna emozzjonati, bejn ferħanin u bejn imdejqin għax ma konniex nafu meta se nerġgħu narawhom. Wara l-gradwazzjoni, is-sitta li huma ġew assenjati biex imorru Puerto Rico, fejn kien hemm inqas minn tużżana Xhieda dak iż-żmien.
Sena wara, Lilian u Gordon kif ukoll Marvin u Joyce attendew it-tielet klassi taʼ Gilegħad. Huma wkoll intbagħtu Puerto Rico. Imbagħad, f’Settembru taʼ l-1944, fl-età taʼ 18-il sena, attendejt ir-rabaʼ klassi taʼ Gilegħad. Wara li ggradwajt fi Frar taʼ l-1945, mort ħdejn ħuti Puerto Rico. X’dinja interessanti kelli quddiemi! Għalkemm kienet sfida biex nitgħallmu l-Ispanjol, xi wħud minna ma tantx domna biex bdejna nikkonduċu iktar minn 20 studju tal-Bibbja kull wieħed. Ġeħova bierek ix-xogħol. Illum, hemm madwar 25,000 Xhud f’Puerto Rico!
Traġedji Jolqtu lill-Familja Tagħna
Leo u Eunice baqgħu Puerto Rico wara t-twelid taʼ binhom Mark, fl-1950. Fl-1952 ippjanaw li jieħdu vaganza biex iżuru lil qrabathom lura f’pajjiżhom. Fil-11 t’April telqu bl-ajruplan. Diżgrazzjatament, ftit wara li telaq, l-ajruplan ikkraxxja fl-oċean. Leo u Eunice mietu. Mark, li kellu sentejn, instab f’wiċċ l-oċean. Xi ħadd li salva tefgħu fuq dgħajsa tas-salvataġġ u ngħata r-respirazzjoni artifiċjali—u baqaʼ ħaj. b
Ħames snin wara, fis-7 taʼ Marzu, 1957, ommi u missieri kienu sejrin bil-karozza lejn is-Sala tas-Saltna u ħadu panċer. Waqt li kien qed ibiddel it-tajer fil-ġenb tat-triq, missieri laqtitu karozza u miet mad-daqqa. Madwar 600 ruħ attendew it-taħdita tal-funeral, u ngħatat xiehda mill-aqwa lill-komunità, fejn missieri kien rispettat ħafna.
Inkarigi Ġodda
Eżatt qabel il-mewt taʼ missieri, irċivejt l-inkarigu biex immur naqdi fl-Arġentina. F’Awissu taʼ l-1957, wasalt fil-belt taʼ Mendoza fl-għoljiet biswit il-Muntanji Andes. Fl-1958, George Pappas, li kien iggradwa mit-30 klassi taʼ l-iskola taʼ Gilegħad, intbagħat l-Arġentina. Jien u George sirna ħbieb tal-qalb, u żżewwiġna f’April taʼ l-1960. Fl-1961 mietet ommi fl-età taʼ 83 sena. Kienet imxiet fedelment
fit-triq tal-qima vera u għenet lil ħafna u ħafna oħrajn jagħmlu l-istess.Jien u George qdejna għal għaxar snin maʼ missjunarji oħrajn f’diversi djar tal-missjunarji. Imbagħad qattajna sebaʼ snin fix-xogħol tas-circuit. Fl-1975 morna lura lejn l-Istati Uniti biex ngħinu lill-membri tal-familja li kienu morda. Fl-1980, żewġi ġie mistieden għax-xogħol tas-circuit fil-qasam tal-lingwa Spanjola. Dak iż-żmien, fl-Istati Uniti kien hemm madwar 600 kongregazzjoni li jitkellmu bl-Ispanjol. Għal 26 sena, aħna żorna lil ħafna minnhom u rajna n-numru tal-kongregazzjonijiet jiżdied għal iktar minn 3,000.
Huma Mxew fit-“Triq”
Ommi kellha wkoll il-ferħ li tara lill-membri żgħar tal-familja tagħha jidħlu fil-ministeru full-time. Per eżempju, Carol, bint oħti l-kbira Ester, bdiet taqdi bħala pijuniera fl-1953. Hi żżewġet lil Dennis Trumbore, u flimkien ilhom jaqdu fil-ministeru full-time minn dakinhar. Lois, it-tifla l-oħra t’Ester, iżżewġet lil Wendell Jensen. Huma attendew il-41 klassi taʼ Gilegħad u qdew bħala missjunarji għal 15-il sena fin-Niġerja. Mark, li l-ġenituri tiegħu mietu fl-ajruplan li kkraxxja, ġie adottat u mrobbi minn oħt Leo, Ruth La Londe, u żewġha Curtiss. Mark u martu, Lavonne, qdew bħala pijunieri għal snin sħaħ u rabbew l-erbat itfal tagħhom fit-“triq” tal-verità.—Is. 30:21.
Orlen, l-uniku wieħed minn ħuti li għadu ħaj, għandu madwar 95 sena. Hu għadu jaqdi lil Ġeħova fedelment. Jien u George għadna naqdu bil-ferħ fil-ministeru full-time.
Dak li Ħalliet Ommi
Jien issa għandi waħda mill-iktar affarijiet prezzjużi li kellha ommi—l-iskrivanija tagħha. Din kien tahielha missieri bħala rigal tat-tieġ. F’wieħed mill-kxaxen hemm l-iscrapbook qadim tagħha, li fih ittri u artikli pubblikati fuq il-gazzetti li kienet kitbet hi u li kienu taw xiehda mill-aqwa dwar is-Saltna. Xi wħud minnhom kienu miktubin kmieni fis-seklu 20. Fl-iskrivanija hemm ukoll l-ittri li ommi rċiviet mingħand uliedha missjunarji. Kemm nieħu gost naqrahom u nerġaʼ naqrahom! U l-ittri li kitbet lilna kienu dejjem inkuraġġanti ħafna, mimlijin bi ħsibijiet pożittivi. Ommi qatt ma qatgħet xewqitha biex tkun missjunarja. Madankollu, kellha żelu għas-servizz missjunarju li qanqal il-qlub t’oħrajn għall-ġenerazzjonijiet taʼ warajha. Kemm inħares ’il quddiem lejn iż-żmien meta bħala familja ningħaqdu mill-ġdid m’ommi u missieri fil-ġenna taʼ l-art!—Riv. 21:3, 4.
[Noti taʼ taħt]
a Ara The Watchtower tal-15 taʼ Ġunju, 1983, paġni 27-30, għall-bijografija taʼ Emil H. Van Daalen.
b Ara l-Awake! tat-22 taʼ Ġunju, 1952, paġni 3-4.
[Stampa f’paġna 17]
Emilia Pederson
[Stampa f’paġna 18]
1916: Ommi, missieri (iżomm lil Marvin); isfel, mix-xellug għal-lemin: Orlen, Ester, Lilian, Mildred
[Stampa f’paġna 19]
Leo u Eunice, ftit qabel ma mietu
[Stampa f’paġna 20]
1950: Mix-xellug għal-lemin, fuq: Ester, Mildred, Lilian, Eunice, Ruth; isfel: Orlen, ommi, missieri, u Marvin
[Stampa f’paġna 20]
George u Ruth Pappas fix-xogħol tas-“circuit,” 2001