Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”

“Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-​zokk tat-​tortura tiegħu jum wara l-​ieħor u jibqaʼ miexi warajja.”—LQ. 9:23.

1, 2. (a) Ġesù liema stedina b’qalb tajba offra? (b) Int kif wiġibt għall-​istedina taʼ Ġesù?

 LEJN l-​aħħar tal-​ministeru tiegħu, Ġesù kien qed jagħti xiehda fil-​Perija, reġjun fuq in-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan, lejn il-​grigal tal-​Lhudija. Hu ġie avviċinat minn żagħżugħ li staqsieh x’kellu jagħmel biex jiret il-​ħajja taʼ dejjem. Wara li rrealizza li ż-​żagħżugħ kien qed josserva lealment il-​Liġi Mosajka, Ġesù għamillu stedina mill-​aqwa. Hu qallu: “Mur, bigħ dak li għandek u agħti lill-​foqra, u jkollok teżor fis-​sema, u ejja kun segwaċi tiegħi.” (Mk. 10:21) Aħseb ftit—stedina biex issegwi lil Ġesù, l-​Iben uniġenitu taʼ l-​Alla l-​Iktar Għoli!

2 Dan iż-​żagħżugħ irrifjuta l-​istedina, imma oħrajn aċċettawha. Qabel, Ġesù kien qal lil Filippu: “Kun segwaċi tiegħi.” (Ġw. 1:43) Filippu aċċetta u iktar tard sar appostlu. Ġesù rripeta l-​istedina lil Mattew, u hu wkoll aċċettaha. (Mt. 9:9; 10:2-4) Tabilħaqq, Ġesù offra l-​istess stedina lil dawk kollha li jħobbu s-​sewwa meta qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-​zokk tat-​tortura tiegħu jum wara l-​ieħor u jibqaʼ miexi warajja.” (Lq. 9:23) Għaldaqstant, kulħadd jistaʼ jkun is-​segwaċi taʼ Ġesù jekk verament irid. Għandek int din ix-​xewqa? Ħafna minna diġà wiġibna b’mod pożittiv għall-​istedina b’qalb tajba taʼ Ġesù, u fil-​ministeru taʼ l-​għalqa, aħna nagħmlu din l-​istedina lil oħrajn.

3. Kif nistgħu nevitaw li ninġarru mal-​kurrent u ma nibqgħux insegwu lil Ġesù?

3 Iżda, b’sogħba xi wħud li juru interess fil-​verità tal-​Bibbja ma jibqgħux jistudjaw. Minflok, huma jnaqqsu l-​pass u eventwalment ‘jinġarru mal-​kurrent’ u ma jibqgħux isegwu lil Ġesù. (Ebr. 2:1) Kif nistgħu nevitaw li naqgħu f’din in-​nassa? Ikun t’għajnuna jekk nistaqsu lilna nfusna: ‘X’inhi fil-​fatt ir-​raġuni għala nagħżlu li nsegwu lil Ġesù? Xi jfisser li ssegwih?’ Jekk inżommu dawn iż-​żewġ mistoqsijiet f’moħħna se niġu megħjunin insaħħu d-​determinazzjoni tagħna sabiex nibqgħu fit-​triq għaqlija li għażilna. Se niġu megħjunin ukoll biex ninkuraġġixxu lil oħrajn isegwu lil Ġesù.

Għala Nsegwu lil Ġesù?

4, 5. Ġesù għala huwa kwalifikat biex imexxi?

4 Il-​profeta Ġeremija qal: “Jien naf, O Ġeħova, li triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh. Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-​passi tiegħu.” (Ġer. 10:23) L-​istorja tikkonferma kemm hu veru l-​kliem taʼ Ġeremija. Sar iktar evidenti li l-​bnedmin imperfetti ma jistgħux imexxu lilhom infushom b’suċċess. Aħna aċċettajna l-​istedina biex insegwu lil Ġesù minħabba li tgħallimna li hu kwalifikat biex ikun il-​Mexxej tagħna b’tali mod li l-​ebda bniedem ma jistaʼ jimita. Ikkunsidra ftit mill-​kwalifiki li għandu Ġesù.

5 L-​ewwel, Ġesù ntgħażel bħala l-​Messija l-​Mexxej minn Ġeħova nnifsu. Min jaf aħjar mill-​Ħallieq tagħna lil min għandu jaħtar bħala Mexxej fuqna? It-​tieni, Ġesù għandu kwalitajiet li nistgħu nammiraw u nimitaw. (Aqra Isaija 11:2, 3.) Ġesù huwa eżempju perfett. (1 Pt. 2:21) It-​tielet, Ġesù jimpurtah profondament minn dawk li jsegwuh, bħalma wera meta miet għalihom. (Aqra Ġwanni 10:14, 15.) U hu juri li huwa ragħaj li jimpurtah hekk kif jiggwidana lejn ħajja li ġġib hena issa u twassal għal futur etern u glorjuż. (Ġw. 10:10, 11; Riv. 7:16, 17) Għal dawn ir-​raġunijiet u għal raġunijiet oħrajn, aħna ħadna deċiżjoni għaqlija meta għażilna li nsegwuh. Madankollu, x’tinvolvi din id-​deċiżjoni?

6. X’jinvolvi li nsegwu lil Ġesù?

6 Il-​fatt li nkunu segwaċi taʼ Kristu jfisser iktar milli sempliċement insejħu lilna nfusna Kristjani. Illum, madwar żewġ biljun ruħ jgħidu li huma Kristjani, imma l-​azzjonijiet tagħhom juru li ‘jiksru l-​liġi.’ (Aqra Mattew 7:21-23.) Meta xi wħud juru interess fl-​istedina biex isegwu lil Ġesù, aħna nispjegawlhom li l-​Kristjani veri jfasslu ħajjithom kollha skond it-​tagħlim u l-​eżempju tiegħu—u jagħmlu dan kull jum taʼ ħajjithom. Sabiex nagħtu eżempju dwar dan xi jfisser, ikkunsidra xi ftit mill-​affarijiet li nafu dwar Ġesù.

Imita l-​Eżempju taʼ l-​Għerf taʼ Ġesù

7, 8. (a) X’inhu l-​għerf, u Ġesù għala kellu abbundanza t’għerf? (b) Ġesù kif wera l-​għerf, u aħna kif nistgħu nimitawh?

7 Ġesù wera ħafna kwalitajiet li jispikkaw fil-​personalità tiegħu, imma aħna se niffokaw fuq erbgħa: l-​għerf, l-​umiltà, iż-​żelu, u l-​imħabba tiegħu. L-​ewwel, ikkunsidra l-​għerf tiegħu—l-​abbiltà tiegħu li japplika l-​għarfien u l-​fehma b’mod prattiku. L-​appostlu Pawlu kiteb: “[F’Ġesù] hemm moħbijin bil-​għaqal it-​teżori kollha taʼ l-​għerf u taʼ l-​għarfien.” (Kol. 2:3) Ġesù minfejn ġabu dan l-​għerf? Hu nnifsu qal: “Dan ngħidu skond kif għallimni l-​Missier.” (Ġw. 8:28) L-​għerf tiegħu oriġina minn Ġeħova, u għalhekk m’aħniex sorpriżi li Ġesù kien raġunevoli.

8 Per eżempju, Ġesù uża l-​għaqal meta għażel x’kien se jagħmel b’ħajtu. Hu ddeċieda li jżomm ħajtu sempliċi, billi jiffoka biss fuq ħaġa waħda: li jagħmel ir-​rieda t’Alla. B’mod għaqli, hu ddedika l-​ħin u l-​enerġija tiegħu biex iġib ’il quddiem l-​interessi tas-​Saltna. Aħna nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù billi nistinkaw biex inżommu ‘għajn sempliċi,’ u b’hekk nevitaw li ntaqqlu lilna nfusna b’affarijiet mhux neċessarji li jieħdu ħafna mill-​enerġija u l-​attenzjoni tagħna. (Mt. 6:22) Ħafna Kristjani ħadu passi biex jissimplifikaw ħajjithom ħalli jkunu jistgħu jiddedikaw iktar ħin għall-​ministeru. Xi wħud setgħu jidħlu fis-​servizz taʼ pijunier. Jekk int wieħed minn dawn ħaqqek prosit. Il-​fatt li wieħed ‘ifittex l-​ewwel is-​saltna’ jġib hena u sodisfazzjon kbir.—Mt. 6:33.

Kun Umli Bħal Ġesù

9, 10. Ġesù kif wera l-​umiltà tiegħu?

9 It-​tieni aspett tal-​personalità taʼ Ġesù li se nikkunsidraw hu l-​umiltà tiegħu. Meta l-​bnedmin imperfetti jingħataw l-​awtorità, ħafna drabi jsiru minfuħin bihom infushom. Kemm kien differenti Ġesù! Minkejja l-​irwol vitali li kellu fit-​twettiq taʼ l-​iskop taʼ Ġeħova, Ġesù kien ħieles minn saħansitra l-​inqas traċċa taʼ suppervja. U aħna inkuraġġiti li nimitawh f’dan. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Żommu din l-​attitudni mentali fikom li kienet ukoll fi Kristu Ġesù, li, għalkemm kien jeżisti fis-​sura t’Alla, ma qagħadx jaħseb li għandu jaħtaf, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla. Le, iżda xejjen lilu nnifsu u ħa s-​sura taʼ lsir u sar jixbah lill-​bnedmin.” (Flp. 2:5-7) Dan x’kien jinvolvi?

10 Ġesù kellu l-​privileġġ glorjuż li jgħix fil-​preżenza taʼ Missieru fis-​sema, imma hu kien lest li ‘jxejjen lilu nnifsu.’ Ħajtu ġiet trasferita għal ġol-​ġuf taʼ verġni Lhudija, biex hemmhekk jiżviluppa għal disaʼ xhur sakemm twieled bħala tarbija bla difiża fil-​familja taʼ mastrudaxxa umli. F’dar Ġużeppi, Ġesù bil-​mod il-​mod beda jitfarfar, sar tfajjel, u mbagħad adoloxxenti. Hu kien bla dnub. Madankollu, matul żgħożitu hu baqaʼ sottomess lejn ġenituri li kienu midinbin imperfetti. (Lq. 2:51, 52) X’umiltà straordinarja!

11. B’liema modi nistgħu nimitaw l-​umiltà taʼ Ġesù?

11 Aħna nimitaw l-​umiltà taʼ Ġesù meta minn jeddna naċċettaw inkarigi li jistgħu jidhru umiljanti. Per eżempju, ikkunsidra l-​inkarigu li nippridkaw l-​aħbar tajba. Dan ix-​xogħol għandu mnejn jidher umiljanti, speċjalment meta n-​nies juru apatija, jirridikolawna, jew jopponuna. Madankollu, billi nippersistu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, aħna ngħinu lil oħrajn iwieġbu għall-​istedina taʼ Ġesù biex isegwuh. B’hekk, ngħinu biex insalvaw il-​ħajjiet. (Aqra t-2 Timotju 4:1-5.) Eżempju ieħor hu x-​xogħol taʼ manutenzjoni fis-​Sala tas-​Saltna tagħna. Dan jistaʼ jinvolvi li niżvojtaw il-​bramel taʼ l-​iskart, naħslu l-​art, u nnaddfu t-​tojlits—kollha huma xogħlijiet umiljanti! Xorta waħda, aħna nirrikonoxxu li l-​manutenzjoni tas-​Sala tas-​Saltna tagħna—iċ-​ċentru taʼ qima pura fil-​lokalità—hi parti mis-​servizz sagru tagħna. Billi minn jeddna nagħmlu xogħlijiet li jistgħu jidhru umiljanti, aħna nuru l-​umiltà, u b’hekk insegwu l-​passi taʼ Kristu.

Kun Żeluż Bħal Ġesù

12, 13. (a) Ġesù kif wera żelu, u x’kien dak li mmotivah? (b) X’se jimmotivana biex inkunu żelużi fil-​ministeru?

12 Ikkunsidra ż-​żelu taʼ Ġesù fil-​ministeru. Ġesù għamel ħafna affarijiet meta kien fuq l-​art. Fi tfulitu, hu x’aktarx li ħadem bħala mastrudaxxa maʼ missieru tar-​rispett Ġużeppi. Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù wettaq il-​mirakli, inkluż li jfejjaq lill-​morda u jqajjem lill-​mejtin. Imma x-​xogħol prinċipali tiegħu kien li jippriedka l-​aħbar tajba u jgħallem lil dawk li riedu jisimgħu. (Mt. 4:23) Bħala s-​segwaċi tiegħu, aħna għandna l-​istess xogħol x’nagħmlu. Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju tiegħu? Mod wieħed hu billi nikkultivaw motivi bħal dawk taʼ Ġesù.

13 Fuq kollox, l-​imħabba għal Alla mmotivat lil Ġesù biex jippriedka u jgħallem. Imma Ġesù kien ukoll iħobb il-​veritajiet li kien jgħallem. Għalih, dawn il-​veritajiet kienu teżori taʼ valur kbir, u kien ħerqan li jaqsamhom m’oħrajn. Aħna bħala għalliema, jew bħala wħud ‘li ngħallmu fil-​pubbliku,’ inħossuna bħalu. Aħseb dwar ftit mill-​veritajiet prezzjużi li tgħallimna mill-​Kelma t’Alla! Aħna nafu dwar il-​kwistjoni tas-​sovranità universali u kif se tiġi solvuta. Nifhmu sewwa x’tgħallem l-​Iskrittura dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin u l-​barkiet li ġejjin fid-​dinja l-​ġdida t’Alla. Kemm jekk tgħallimna dawn il-​veritajiet dan l-​aħħar u kemm jekk żmien twil ilu, il-​valur tagħhom qatt ma jonqos. Kemm jekk ġodda u kemm jekk qodma, dawn il-​veritajiet huma tabilħaqq teżori taʼ valur kbir. (Aqra Mattew 13:52.) Billi nippridkaw b’entużjażmu mill-​qalb, lil oħrajn ngħaddulhom l-​imħabba tagħna għal dak li għallimna Ġeħova.

14. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù fil-​mod kif kien jgħallem?

14 Innota wkoll kif għallem Ġesù. Hu kien dejjem jidderieġi lis-​semmiegħa tiegħu lejn l-​Iskrittura. Hu spiss kien jintroduċi xi punt importanti billi jgħid: “Hu miktub.” (Mt. 4:4; 21:13) Fil-​kliem tiegħu li nsibu dokumentat, hu kkwota direttament minn iktar minn nofs il-​kotba taʼ l-​Iskrittura Ebrajka jew inkella rrefera indirettament għalihom. Bħal Ġesù, aħna dejjem nistrieħu fuq il-​Bibbja fil-​ministeru tagħna u nistinkaw biex nużaw l-​Iskrittura kulmeta jkun possibbli. B’dan il-​mod, aħna ngħinu lil uħud li għandhom attitudni xierqa biex jaraw għalihom infushom li aħna qed ngħallmu l-​ħsibijiet t’Alla, mhux tagħna nfusna. Kemm nieħdu gost meta xi ħadd jaċċetta li jaqra mill-​Bibbja u jiddiskuti magħna l-​valur u t-​tifsir tal-​Kelma t’Alla! U meta wħud bħal dawn jaċċettaw l-​istedina biex isegwu lil Ġesù, il-​ferħ tagħna jkun bla tarf.

Li Nsegwu lil Ġesù Jfisser li Nħobbu lil Oħrajn

15. Liema kwalità kienet tispikka f’Ġesù, u jekk nirriflettu fuqha kif nistgħu niġu effettwati?

15 L-​aħħar aspett tal-​personalità taʼ Ġesù li se niddiskutu hu l-​iktar wieħed li jqawwilna qalbna—l-​imħabba tiegħu għall-​umanità. L-​appostlu Pawlu kiteb: “L-​imħabba li għandu l-​Kristu ġġegħelna.” (2 Kor. 5:14) Meta nimmeditaw dwar l-​imħabba li għandu Ġesù għall-​umanità in ġenerali u għalina bħala individwi, qalbna titqanqal u nħossuna mġegħlin insegwu l-​eżempju tiegħu.

16, 17. Ġesù b’liema modi wera mħabbtu għal oħrajn?

16 Ġesù kif wera mħabba għal oħrajn? Il-​fatt li kien lest li jagħti ruħu għall-​umanità kien l-​aqwa espressjoni taʼ mħabbtu. (Ġw. 15:13) Madankollu, matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù wera wkoll imħabbtu b’modi oħrajn. Per eżempju, hu kien iħoss għal dawk li kienu qed ibatu. Meta ra lil Marija u lil dawk li kienu magħha jibku minħabba l-​mewt taʼ Lazzru, hu ħassu mqanqal ħafna minħabba n-​niket tagħhom. Għalkemm dalwaqt kien se jirxoxta lil Lazzru, Ġesù tant tqanqal li “qabiżlu d-​dmugħ.”—Ġw. 11:32-35.

17 Fil-​bidu tal-​ministeru taʼ Ġesù, raġel imġiddem avviċina lil Ġesù u qallu: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” Ġesù kif wieġbu? Ir-​rakkont jgħid: “Ħassu mqanqal u tħassru.” Imbagħad għamel xi ħaġa straordinarja. “Ħareġ idu, messu, u qallu: ‘Irrid. Indaf.’ U minnufih il-​ġdiem għab minn fuqu, u ndaf.” Skond il-​Liġi Mosajka, l-​imġiddmin ma kinux nodfa, u Ġesù żgur li kien kapaċi jfejjaq lil dan ir-​raġel mingħajr kuntatt fiżiku. Madankollu, hekk kif Ġesù fejjaq lill-​imġiddem, hu ħallieh iħoss bniedem ieħor imissu, forsi għall-​ewwel darba fi snin sħaħ. X’ġest teneru taʼ mogħdrija!—Mk. 1:40-42.

18. Kif nistgħu nuru li ‘nħossu għal xulxin’?

18 Bħala segwaċi taʼ Kristu, ġejna kmandati biex nuru mħabbitna billi ‘nħossu għal xulxin.’ (1 Pt. 3:8) Jistaʼ ma jkunx faċli li nifhmu xi jkun qed iħoss seħibna fit-​twemmin li jkun qed ibati minn marda kronika jew dipressjoni qawwija—speċjalment jekk qatt m’esperjenzajna affarijiet bħal dawn aħna stess. Xorta waħda, Ġesù wera empatija mal-​morda avolja hu stess qatt ma marad. Kif nistgħu nikkultivaw empatija simili? Billi nisimgħu bil-​paċenzja hekk kif dawk li jkunu qed ibatu jiftħu qalbhom magħna. Nistgħu wkoll nistaqsu lilna nfusna, ‘Kieku kont fis-​sitwazzjoni tagħhom, kif kont inħossni?’ Jekk nitgħallmu nkunu iktar sensittivi għas-​sentimenti t’oħrajn, se nkunu nistgħu iktar ‘nikkonslaw lid-​dipressi.’ (1 Tess. 5:14) B’hekk, inkunu qed insegwu lil Ġesù.

19. B’liema modi aħna effettwati mill-​eżempju taʼ Ġesù?

19 X’qasam taʼ studju kommoventi nsibu fil-​kliem u l-​għemejjel taʼ Ġesù Kristu! Iktar ma nitgħallmu dwaru, iktar inkunu rridu nkunu bħalu—u iktar inkunu rridu ngħinu lil oħrajn jagħmlu l-​istess. Mela, ejja nagħmlu kulma nistgħu u nsibu l-​għaxqa tagħna f’li nsegwu lis-​Sultan Messjaniku—issa u għal dejjem!

Tistaʼ Tispjega?

• Kif nistgħu nuru l-​għerf, bħalma wrieh Ġesù?

• B’liema modi nistgħu nuru l-​umiltà?

• Kif nistgħu nikkultivaw żelu għall-​ministeru?

• B’liema modi nistgħu nimitaw lil Ġesù f’li nuru mħabba għal oħrajn?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 5]

PUBBLIKAZZJONI LI TGĦINNA NIMITAW LIL KRISTU

Matul il-​programm tal-​konvenzjoni distrettwali taʼ l-​2007, inħareġ ktieb taʼ 192 paġna bl-​Ingliż intitolat “Come Be My Follower” (“Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”). Din il-​pubblikazzjoni hi disinjata biex tgħin lill-​Kristjani jiffokaw fuq Ġesù, speċjalment fuq il-​kwalitajiet u l-​azzjonijiet tiegħu. Wara żewġ kapitli taʼ introduzzjoni, l-​ewwel sezzjoni tipprovdi ġabra fil-​qosor tal-​kwalitajiet li jispikkaw taʼ Ġesù—l-​umiltà, il-​kuraġġ, l-​għerf, l-​ubbidjenza, u s-​sabar tiegħu.

Wara dan, hemm sezzjonijiet li jitkellmu dwar l-​attivitajiet taʼ Ġesù bħala għalliem u predikatur taʼ l-​aħbar tajba u dwar xi modi kif intweriet l-​imħabba kbira tiegħu. Matul il-​ktieb, l-​informazzjoni hi preżentata biex tgħin lil Kristjan jimita lil Ġesù.

Aħna fiduċjużi li din il-​pubblikazzjoni se tqanqal lil kull wieħed minna biex jeżamina lilu nnifsu u jistaqsi: ‘Qiegħed jien verament insegwi lil Ġesù? Kif nistaʼ nsegwih iktar mill-​qrib?’ Se tgħin ukoll lil “dawk kollha li [għandhom] attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem” isiru segwaċi taʼ Kristu.—Atti 13:48.

[Stampa f’paġna 4]

Ġesù aċċetta li jiġi fuq l-​art u jitwieled bħala tarbija umana. Dan liema kwalità kien jirrikjedi?

[Stampa f’paġna 6]

X’se jimmotivana biex inkunu żelużi fil-​ministeru?