Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Qaddej taʼ Ġeħova—‘Minfud Minħabba li Ksirna l-Liġi’

Il-Qaddej taʼ Ġeħova—‘Minfud Minħabba li Ksirna l-Liġi’

“Hu kien qed jiġi minfud minħabba li aħna ksirna l-​liġi; kien qed jitfarrak għall-​iżbalji tagħna. . . . Minħabba l-​feriti tiegħu kellna l-​fejqan.”—IS. 53:5.

1. X’għandna nżommu f’moħħna meta nosservaw it-​Tifkira, u liema profezija se tgħinna nagħmlu dan?

 AĦNA nosservaw it-​Tifkira biex nikkommemoraw il-​mewt taʼ Kristu u biex niftakru f’kulma wettqu l-​mewt u l-​irxoxt tiegħu. It-​Tifkira tfakkarna fil-​vindikazzjoni tas-​sovranità taʼ Ġeħova, it-​taqdis taʼ ismu, u t-​twettiq taʼ l-​iskop tiegħu, inkluż is-​salvazzjoni tal-​bnedmin. Forsi ebda profezija oħra fil-​Bibbja ma tagħti stampa aħjar tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu u taʼ dak li wettaq minn dik dokumentata f’Isaija 53:3-12. Isaija bassar is-​sofferenzi tal-​Qaddej u pprovda dettalji speċifiċi dwar il-​mewt taʼ Kristu u dwar il-​barkiet li kellhom jirriżultaw mill-​mewt tiegħu għal ħutu l-​midlukin u għan-​“nagħaġ oħrajn” tiegħu.—Ġw. 10:16.

2. Il-​profezija taʼ Isaija taʼ xiex hija prova, u x’effett se jkollha fuqna?

2 Sebaʼ sekli qabel it-​twelid taʼ Ġesù fuq l-​art, Ġeħova nebbaħ lil Isaija biex jipprofetizza li l-​Qaddej magħżul Tiegħu kellu jibqaʼ leali saħansitra meta jiġi testjat sal-​limitu. Dan l-​istess fatt huwa prova tal-​fiduċja assoluta li għandu Ġeħova fil-​lealtà taʼ Ibnu. Hekk kif neżaminaw din il-​profezija, qlubna se jimtlew bil-​gratitudni u l-​fidi tagħna se tissaħħaħ.

“Mistmerr” u ‘Mhux Stmat’

3. Il-​Lhud għala kellhom jilqgħuh lil Ġesù, imma kif laqgħuh?

3 Aqra Isaija 53:3. Immaġina ftit x’kien ifisser għall-​Iben uniġenitu t’Alla li jissagrifika l-​ferħ taʼ li jaqdi maġenb Missieru u jiġi fuq l-​art biex jagħti ħajtu bħala sagrifiċċju sabiex isalva lill-​bnedmin mid-​dnub u l-​mewt! (Flp. 2:5-8) Is-​sagrifiċċju tiegħu kellu jġib il-​maħfra vera tad-​dnubiet, xi ħaġa li l-​offerta tas-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali fil-​Liġi Mosajka kienet biss tiffiguraha bil-​quddiem. (Ebr. 10:1-4) Ma kellux hu jiġi milqugħ u onorat, għallinqas mil-​Lhud li kienu qed jistennew il-​Messija mwiegħed? (Ġw. 6:14) Minflok, il-​Kristu kien “mistmerr” mil-​Lhud, u dawn ‘ma stmawhx,’ bħalma kien ipprofetizza Isaija. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Ġie f’daru stess, imma niesu ma laqgħuhx.” (Ġw. 1:11) L-​appostlu Pietru qal lil-​Lhud: “L-​Alla taʼ missirijietna . . . igglorifika lill-​Qaddej tiegħu, Ġesù, li intom, min-​naħa tagħkom, ittradejtuh u ċħadtuh quddiem Pilatu, meta dan iddeċieda li jeħilsu. Iva, intom ċħadtu lil dak ir-​raġel qaddis u sewwa.”—Atti 3:13, 14.

4. Ġesù kif sar midħla tal-​mard?

4 Isaija pprofetizza wkoll li Ġesù kellu jkun “midħla tal-​mard.” Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù ċertament li kien jgħejja kultant, imma m’hemm ebda indikazzjoni li kien jimrad. (Ġw. 4:6) Madankollu, hu fil-​fatt sar midħla tal-​mard taʼ dawk li ppridkalhom. Hu tħassarhom u fejjaq lil ħafna minnhom. (Mk. 1:32-34) B’hekk, Ġesù wettaq il-​profezija li tgħid: “Tassew, hu ġarr il-​mard tagħna; u inkwantu għall-​weġgħat tagħna, tgħabba bihom hu.”—Is. 53:4a; Mt. 8:16, 17.

Bħallikieku ‘Milqut Minn Alla’

5. Ħafna mil-​Lhud kif kienu jqisuha l-​mewt taʼ Ġesù, u dan għala żied mas-​sofferenza tiegħu?

5 Aqra Isaija 53:4b. Ħafna nies fi żmien Ġesù ma kinux jifhmu għala kellu jsofri u jmut. Huma kienu jemmnu li Alla kien qed jikkastigah, bħallikieku kien qed jolqtu b’marda moqżieża. (Mt. 27:38-44) Il-​Lhud akkużaw lil Ġesù li kien qed jidgħi. (Mk. 14:61-64; Ġw. 10:33) M’għandniex xi ngħidu, Ġesù la kien midneb u lanqas midgħi. Imma sforz l-​imħabba kbira li kellu għal Missieru, l-​istess idea li kellu jmut akkużat b’dagħa bilfors li żiditlu mas-​sofferenza tiegħu bħala l-​Qaddej taʼ Ġeħova. Minkejja dan, hu kien lest li jissottometti ruħu lejn ir-​rieda taʼ Ġeħova.—Mt. 26:39.

6, 7. Ġeħova f’liema sens ‘farrak’ lill-​Qaddej leali tiegħu, u dan għala kien ‘jogħġob’ lil Alla?

6 Ma nissorprendux ruħna li l-​profezija taʼ Isaija tgħid li oħrajn kellhom iqisu lil Kristu bħala ‘milqut minn Alla,’ imma forsi nissorprendu ruħna li l-​profezija tbassar: “Ġeħova għoġbu jfarrku.” (Is. 53:10) Ladarba Ġeħova kien stqarr ukoll: “Ara! Il-​qaddej tiegħi, . . . il-​magħżul tiegħi, li ruħi approvat,” kif setaʼ kien possibbli li Ġeħova “għoġbu jfarrku”? (Is. 42:1) F’liema sens jistaʼ jingħad li dan ferraħ lil Ġeħova?

7 Biex nifhmu din il-​parti mill-​profezija, għandna niftakru li meta sfida s-​sovranità taʼ Ġeħova, Satana xeħet id-​dubju dwar il-​lealtà tal-​qaddejja kollha t’Alla fis-​sema u fuq l-​art. (Ġob 1:9-11; 2:3-5) Billi baqaʼ leali sal-​mewt, Ġesù pprovda t-​tweġiba perfetta għall-​isfida taʼ Satana. B’hekk, filwaqt li Ġeħova ppermetta li Kristu jinqatel mill-​għedewwa tiegħu, ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju li Ġeħova sofra meta ra l-​Qaddej magħżul tiegħu jingħata l-​mewt. Madankollu, meta osserva l-​fedeltà assoluta taʼ Ibnu, Ġeħova tgħidx kemm feraħ. (Prov. 27:11) Barra minn hekk, il-​fatt li kien jaf x’benefiċċji kellha ġġib il-​mewt taʼ Ibnu fuq il-​bnedmin li jindmu ġab ferħ kbir lil Ġeħova.—Lq. 15:7.

‘Minfud Minħabba li Ksirna l-​Liġi’

8, 9. (a) Ġesù kif kien ‘minfud minħabba li ksirna l-​liġi’? (b) Pietru kif ikkonfermah dan?

8 Aqra Isaija 53:6. Bħal nagħaġ mitlufin, il-​bnedmin midinbin iġġerrew ’l hemm u ’l hawn, ifittxu ħelsien mill-​mard u mill-​mewt li wirtu mingħand Adam. (1 Pt. 2:25) Peress li d-​dixxendenti taʼ Adam huma lkoll imperfetti, lanqas wieħed minnhom ma setaʼ jixtri lura dak li tilef Adam. (Salm 49:7) Madankollu, fl-​imħabba kbira tiegħu, “Ġeħova nnifsu ġiegħel li l-​iżball tagħna lkoll jaqaʼ fuq dak il-​wieħed,” Ibnu l-​għażiż u l-​Qaddej magħżul. Billi aċċetta li jiġi ‘minfud minħabba li ksirna l-​liġi’ u “jitfarrak għall-​iżbalji tagħna,” Kristu ġarr dnubietna fuq iz-​zokk u miet għalina.

9 L-​appostlu Pietru kiteb: “Għal dan il-​mod taʼ ħajja kontu msejħin, għax saħansitra Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu. Hu ġarr dnubietna f’ġismu stess fuq iz-​zokk, sabiex neħilsu mid-​dnubiet u ngħixu għall-​ġustizzja.” Imbagħad, billi kkwota mill-​profezija taʼ Isaija, Pietru żied: “U ‘bil-​ġrieħi tiegħu ġejtu mfejqin.’” (1 Pt. 2:21, 24; Is. 53:5) Dan fetaħ it-​triq biex il-​midinbin isiru rikonċiljati m’Alla, bħalma kompla qal Pietru: “Kristu miet darba għal dejjem minħabba d-​dnubiet, bniedem ġust għall-​inġusti, sabiex imexxikom lejn Alla.”—1 Pt. 3:18.

“Inġieb Bħal Nagħġa għall-​Qatla”

10. (a) Ġwanni l-​Għammied kif iddeskrivieh lil Ġesù? (b) Il-​kliem taʼ Ġwanni għala wera li kien xieraq?

10 Aqra Isaija 53:7, 8. Meta Ġwanni l-​Għammied ra lil Ġesù riesaq lejh, hu esklama: “Ara, il-​Ħaruf t’Alla li jneħħi d-​dnub tad-​dinja!” (Ġw. 1:29) Meta tkellem dwar Ġesù bħala Ħaruf, Ġwanni forsi kellu f’moħħu l-​kliem taʼ Isaija: “Inġieb bħal nagħġa [jew ħaruf] għall-​qatla.” (Is. 53:7) “Hu ferraʼ ruħu sal-​mewt,” ipprofetizza Isaija. (Is. 53:12) Taʼ interess, fil-​lejla meta Ġesù istitwixxa t-​Tifkira tal-​mewt tiegħu, hu ta kies inbid lill-​11-il appostlu leali u qal: “Dan jirrappreżenta d-​‘demm tiegħi tal-​patt,’ li se jixxerred għal ħafna għall-​maħfra tad-​dnubiet.”—Mt. 26:28.

11, 12. (a) Il-​fatt li Iżakk kien lest li jiġi offrut x’wera dwar is-​sagrifiċċju taʼ Kristu? (b) X’għandna nżommu f’moħħna dwar Abraham Akbar, Ġeħova, meta nosservaw it-​Tifkira?

11 Bħal Iżakk tal-​qedem, Ġesù kien lest li jiġi offrut bħala sagrifiċċju fuq l-​artal tar-​rieda taʼ Ġeħova għalih. (Ġen. 22:1, 2, 9-13; Ebr. 10:5-10) Filwaqt li Iżakk minn rajh aċċetta li jiġi sagrifikat, kien Abraham li pprova joffri s-​sagrifiċċju. (Ebr. 11:17) Bl-​istess mod, Ġesù minn rajh aċċetta li kellu jmut, imma Ġeħova kien l-​Awtur taʼ l-​arranġament tal-​fidwa. Is-​sagrifiċċju taʼ Ibnu kien espressjoni taʼ l-​imħabba profonda t’Alla għall-​bnedmin.

12 Ġesù nnifsu stqarr: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 3:16) L-​appostlu Pawlu kiteb: “Alla jirrikkmandalna mħabbtu għax, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rum. 5:8) Għalhekk, waqt li nonoraw lil Kristu billi nikkommemoraw il-​mewt tiegħu, qatt m’għandna ninsew li dak li għamel l-​arranġament tas-​sagrifiċċju possibbli kien Abraham Akbar, Ġeħova. Aħna nosservaw it-​Tifkira biex infaħħruh.

Il-​Qaddej Iġib “Qagħda Ġusta lil Ħafna”

13, 14. Il-​Qaddej taʼ Ġeħova kif ġab “qagħda ġusta lil ħafna”?

13 Aqra Isaija 53:11, 12. Dwar il-​Qaddej magħżul tiegħu, Ġeħova stqarr: “Il-​ġust, il-​qaddej tiegħi, se jġib qagħda ġusta lil ħafna nies.” B’liema mod? It-​tmiem taʼ vers 12 jagħtina ħjiel għat-​tweġiba. “U [il-Qaddej] qabeż għal dawk li jiksru l-​liġi.” Id-​dixxendenti kollha taʼ Adam jitwieldu midinbin, “jiksru l-​liġi,” u għalhekk jirċievu “l-​ħlas li jagħti d-​dnub,” jiġifieri, il-​mewt. (Rum. 5:12; 6:23) Ir-​rikonċiljazzjoni bejn Ġeħova u bejn il-​bniedem midneb hi neċessarja. Kapitlu 53 tal-​profezija taʼ Isaija jiddeskrivi b’mod sabiħ kif Ġesù “qabeż,” jew interċeda, għan-​nom tal-​bnedmin midinbin, billi stqarr: “Kellu fuqu s-​swat maħsub għall-​paċi tagħna, u minħabba l-​feriti tiegħu kellna l-​fejqan.”—Is. 53:5.

14 Billi ġarr id-​dnubiet tagħna u miet għalina, Kristu ġab “qagħda ġusta lil ħafna nies.” Pawlu kiteb: “Alla raha ħaġa tajba li tgħammar fih [fi Kristu] il-​milja taʼ kollox, u li permezz tiegħu Alla jerġaʼ jħabbeb l-​affarijiet l-​oħrajn kollha Miegħu billi jagħmel paċi magħhom permezz tad-​demm li xerred fuq iz-​zokk tat-​tortura, kemm l-​affarijiet fuq l-​art u kemm l-​affarijiet fis-​smewwiet.”—Kol. 1:19, 20.

15. (a) Min huma “l-​affarijiet fis-​smewwiet” li semma Pawlu? (b) Min biss hu intitolat li jieħu mill-​emblemi tat-​Tifkira, u għala?

15 “L-​affarijiet fis-​smewwiet” li huma rikonċiljati maʼ Ġeħova permezz tad-​demm imxerred taʼ Kristu huma l-​Kristjani midlukin, imsejħin biex isaltnu maʼ Kristu fis-​smewwiet. Kristjani li ‘għandhom sehem fis-​sejħa tas-​sema’ jiġu dikjarati “ġusti għall-​ħajja.” (Ebr. 3:1; Rum. 5:1, 18) Ġeħova mbagħad jaċċettahom bħala wlied spiritwali. L-​ispirtu qaddis jixhdilhom li huma “werrieta bi sħab maʼ Kristu,” imsejħin biex isiru slaten u qassisin fis-​Saltna tiegħu fis-​sema. (Rum. 8:15-17; Riv. 5:9, 10) Huma jsiru parti minn Israel spiritwali, “l-​Israel t’Alla,” u jiddaħħlu fil-​“patt ġdid.” (Ġer. 31:31-34; Gal. 6:16) Bħala membri tal-​patt il-​ġdid, huma intitolati biex jieħdu mill-​emblemi tat-​Tifkira, inkluż il-​kies taʼ l-​inbid aħmar, li dwaru Ġesù stqarr: “Dan il-​kies jirrappreżenta l-​patt il-​ġdid konfermat b’demmi li se jixxerred għalikom.”—Lq. 22:20.

16. Min huma “l-​affarijiet fuq l-​art,” u b’liema mod jingħataw qagħda ġusta quddiem Ġeħova?

16 “L-​affarijiet fuq l-​art” huma n-​nagħaġ oħrajn taʼ Kristu, li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Il-​Qaddej magħżul taʼ Ġeħova lil dawn ukoll iġibilhom qagħda ġusta quddiem Ġeħova. Peress li għandhom il-​fidi fis-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Kristu, u b’hekk “ħaslu l-​ilbiesi tagħhom u għamluhom bojod fid-​demm tal-​Ħaruf,” Ġeħova jiddikjarahom ġusti bħala l-​ħbieb tiegħu, u mhux bħala wlied spiritwali, billi jagħtihom il-​prospett meraviljuż li jibqgħu ħajjin wara t-​“tribulazzjoni l-​kbira.” (Riv. 7:9, 10, 14; Ġak. 2:23) Minħabba li m’humiex fil-​patt il-​ġdid, u għalhekk m’għandhomx it-​tama li jgħixu fis-​sema, dawn in-​nagħaġ oħrajn ma jiħdux mill-​emblemi tat-​Tifkira imma jattendu bħala osservaturi li juru rispett.

Grazzi lil Ġeħova u lill-​Qaddej Approvat Tiegħu!

17. Studju dwar il-​profeziji fil-​ktieb taʼ Isaija li jiċċentraw fuq il-​Qaddej kif għenna nippreparaw imħuħna għat-​Tifkira?

17 L-​eżaminar tal-​profeziji fil-​ktieb taʼ Isaija li jiċċentraw fuq il-​Qaddej hu mod mill-​aħjar biex nippreparaw imħuħna għat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu. Għenna “nħarsu fiss lejn . . . l-​Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-​fidi tagħna.” (Ebr. 12:2) Aħna tgħallimna li l-​Iben t’Alla m’huwiex ribelluż. Kuntrarju għal Satana, hu jitgħaxxaq jiġi mgħallem minn Ġeħova, billi jirrikonoxxih bħala l-​Mulej Sovran. Rajna li matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù wera mogħdrija għan-​nies li ppridkalhom, billi fejjaq ħafna minnhom kemm fiżikament u kemm spiritwalment. B’hekk, hu wera x’se jagħmel bħala s-​Sultan Messjaniku fis-​sistema l-​ġdida meta “jġib il-​ġustizzja fuq l-​art.” (Is. 42:4) Iż-​żelu li wera fl-​ippridkar tas-​Saltna, bħala “dawl għall-​ġnus,” huwa tfakkira għas-​segwaċi tiegħu biex jippridkaw l-​aħbar tajba b’mod żeluż madwar l-​art.—Is. 42:6.

18. Il-​profezija taʼ Isaija għala timlielna qlubna bil-​gratitudni lejn Ġeħova u lejn il-​Qaddej leali tiegħu?

18 Il-​profezija taʼ Isaija tkabbrilna wkoll l-​abbiltà li nifhmu s-​sagrifiċċju kbir li għamel Ġeħova meta bagħat lil Ibnu l-​għażiż fuq l-​art biex isofri u jmut għalina. Ġeħova ma tgħaxxaqx meta ra lil Ibnu jsofri, imma tgħaxxaq meta osserva l-​fedeltà assoluta taʼ Ġesù sal-​mewt. Aħna għandna nitgħaxxqu, bħalma jagħmel Ġeħova, billi nirrikonoxxu kulma għamel Ġesù biex juri li Satana hu giddieb u biex iqaddes l-​isem taʼ Ġeħova, u b’hekk jivvindika d-​dritt tas-​sovranità Tiegħu. Iżjed minn hekk, Kristu ġarr id-​dnubiet tagħna u miet għan-​nom tagħna. B’dan il-​mod, hu għamilha possibbli għall-​merħla ż-​żgħira taʼ ħutu l-​midlukin u għan-​nagħaġ oħrajn biex ikollhom qagħda ġusta quddiem Ġeħova. Hekk kif ninġabru flimkien għat-​Tifkira, jalla qlubna jimtlew bil-​gratitudni lejn Ġeħova u lejn il-​Qaddej leali tiegħu.

Bħala Reviżjoni

• Ġeħova f’liema sens ‘għoġbu jfarrak’ lil Ibnu?

• Ġesù kif kien ‘minfud minħabba li ksirna l-​liġi’?

• Il-​Qaddej kif ‘ġab qagħda ġusta lil ħafna’?

• Studju dwar il-​profeziji rigward il-​Qaddej kif ippreparalek moħħok u qalbek għat-​Tifkira?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 26]

“Hu kien mistmerr, u aħna ma stmajniehx”

[Stampa f’paġna 28]

“Hu ferraʼ ruħu sal-​mewt”

[Stampa f’paġna 29]

In-​“nagħaġ oħrajn” jattendu t-​Tifkira bħala osservaturi li juru rispett