Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Punti Prinċipali mill-Ktieb tar-Rivelazzjoni—I

Punti Prinċipali mill-Ktieb tar-Rivelazzjoni—I

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

WAQT li qiegħed il-​ħabs fuq il-​gżira taʼ Patmos, l-​appostlu xwejjaħ Ġwanni, jirċievi serje taʼ 16-il viżjoni. Fihom hu jara dak li jwettqu Ġeħova u Ġesù Kristu matul jum il-​Mulej—il-​perijodu li jibda mill-​1914, meta ġiet stabbilita s-​Saltna t’Alla, u jibqaʼ sejjer sa tmiem ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu. Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, li nkiteb minn Ġwanni madwar is-​sena 96 E.K., huwa rakkont eċċitanti taʼ dawn il-​viżjonijiet.

Issa ejja nikkunsidraw il-​punti prinċipali minn Rivelazzjoni 1:1–12:17, li jkopru l-​ewwel sebaʼ viżjonijiet li rċieva Ġwanni. Dawn il-​viżjonijiet huma taʼ interess għalina għaliex japplikaw għal dak li qed jiġri fix-​xena dinjija issa u juru kif Ġeħova se jieħu azzjoni fil-​futur qarib. Dawk li jaqraw ir-​rakkont taʼ dawn il-​viżjonijiet bil-​fidi jkunu tabilħaqq imfarrġin u inkuraġġiti.—Ebr. 4:12.

“IL-​ĦARUF” JIFTAĦ SITTA MIS-​SEBAʼ SIĠILLI

(Riv. 1:1–7:17)

L-​ewwel, Ġwanni jara lil Ġesù Kristu glorifikat u jirċievi serje taʼ messaġġi li hu kellu ‘jiktibhom f’romblu u jibgħathom lis-​sebaʼ kongregazzjonijiet.’ (Riv. 1:10, 11) Imbagħad jara l-​viżjoni taʼ tron li qiegħed f’postu fis-​sema. Fl-​id il-​leminija taʼ Dak li qiegħed fuq it-​tron hemm romblu siġillat b’sebaʼ siġilli. Dak li kien meqjus li “jistħoqqlu jiftaħ ir-​romblu” m’hu ħadd ħlief “l-​Iljun tat-​tribù taʼ Ġuda,” jew “ħaruf . . . li kellu sebat iqrun u sebaʼ għajnejn.”—Riv. 4:2; 5:1, 2, 5, 6.

It-tielet viżjoni tirrivela dak li jiġri hekk kif “il-​Ħaruf” jiftaħ l-​ewwel sitt siġilli, wieħed wara l-​ieħor. Malli jinfetaħ is-​sitt siġill, iseħħ terremot kbir u jasal il-​jum il-​kbir taʼ korla. (Riv. 6:1, 12, 17) Imma l-​viżjoni li jmiss turi ‘erbaʼ anġli jżommu sew l-​erbat irjieħ taʼ l-​art’ sakemm jitlesta l-​issiġillar tal-​144,000. “Folla kbira” taʼ dawk li m’humiex siġillati tidher ‘wieqfa quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf.’—Riv. 7:1, 9.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

1:4; 3:1; 4:5; 5:6—X’inhu indikat mill-​espressjoni “s-​sebaʼ spirti”? In-​numru sebgħa jfisser kompletezza min-​naħa t’Alla. B’hekk, il-​messaġġ lis-​“sebaʼ kongregazzjonijiet” fl-​aħħar mill-​aħħar japplika għan-​nies kollha t’Alla miġburin flimkien f’iktar minn 100,000 kongregazzjoni mad-​dinja kollha. (Riv. 1:11, 20) Ladarba Ġeħova jagħti l-​ispirtu qaddis skond dak li jkun irid iwettaq, l-​espressjoni “s-​sebaʼ spirti” tindika l-​mod kif l-​ispirtu jopera bis-​sħiħ biex dawk li joqogħdu attenti għall-​profezija jifhmu u jitbierku. Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jidher li jsegwi mudell taʼ li jiddiskuti gruppi taʼ sebaʼ konċetti. Hawnhekk, in-​numru sebgħa jirrappreżenta kompletezza, u tabilħaqq, il-​ktieb jittratta dwar li “jitwettaq għalkollox is-​sigriet sagru t’Alla,” jew li tintlaħaq il-​milja tiegħu.—Riv. 10:7.

1:8, 17—Għal min jirreferu t-​titli “l-​Alfa u l-​Omega” u “l-​Ewwel u l-​Aħħar”? It-​titlu “l-​Alfa u l-​Omega” japplika għal Ġeħova, u jenfasizza li ma kien hemm l-​ebda Alla li jistaʼ kollox qablu, u ma se jkun hemm l-​ebda wieħed warajh. Hu “l-​bidu u t-​tmiem.” (Riv. 21:6; 22:13) Għalkemm f’Rivelazzjoni 22:13 issir referenza għal Ġeħova bħala “l-​ewwel u l-​aħħar,” għax m’hemm ħadd qablu u lanqas warajh, il-​kuntest fl-​ewwel kapitlu tar-​Rivelazzjoni juri li t-​titlu “l-​Ewwel u l-​Aħħar” hemmhekk japplika għal Ġesù Kristu. Hu kien l-​ewwel bniedem li ġie rxoxtat għall-​ħajja immortali fl-​ispirtu u l-​aħħar wieħed li ġie rxoxtat b’dan il-​mod minn Ġeħova personalment.—Kol. 1:18.

2:7—X’inhi l-​“ġenna t-​Alla”? Ladarba dan il-​kliem hu indirizzat lill-​Kristjani midlukin, il-​ġenna hawnhekk bilfors li tirreferi għall-​qasam tas-​sema bħal ġenna—l-​istess preżenza t’Alla nnifsu. Il-​midlukin leali se jiġu premjati billi jieklu “mis-​siġra tal-​ħajja.” Huma se jirċievu l-​immortalità.—1 Kor. 15:53.

3:7—Ġesù meta rċieva “l-​muftieħ taʼ David,” u dan il-​muftieħ kif kien u għadu qed jużah? Meta tgħammed fis-​sena 29 E.K., Ġesù sar is-​Sultan-Nominat fil-​linja taʼ David. Madankollu, Ġesù ma rċiviex il-​muftieħ taʼ David qabel is-​sena 33 E.K. meta hu ġie eżaltat lejn il-​leminija t’Alla fis-​sema. Hemmhekk hu wiret id-​drittijiet kollha tas-​Saltna Davidika. Minn dakinhar ’l hawn, Ġesù uża l-​muftieħ biex jestendi opportunitajiet u privileġġi li għandhom x’jaqsmu mas-​Saltna. Fl-​1919, Ġesù qiegħed “il-​muftieħ tad-​dar taʼ David” fuq spallet “l-​ilsir leali u għaqli” billi ħatar lil din il-​klassi taʼ l-​ilsir “fuq kulma għandu.”—Is. 22:22; Mt. 24:45, 47.

3:12—X’inhu “l-​isem il-​ġdid” taʼ Ġesù? Dan l-​isem għandu x’jaqsam maʼ l-​inkarigu u l-​privileġġi ġodda taʼ Ġesù. (Flp. 2:9-11) Filwaqt li ħadd iktar ma jsir jaf dan l-​isem bil-​mod kif jafu Ġesù, Ġesù jiktbu fuq ħutu leali fil-​qasam tas-​sema, billi jġibhom f’relazzjoni intima miegħu. (Riv. 19:12) Hu saħansitra jaqsam il-​privileġġi tiegħu magħhom.

Lezzjonijiet Għalina:

1:3. Peress li “qorob iż-​żmien stabbilit” biex Alla jesegwixxi l-​ġudizzji tiegħu fuq id-​dinja taʼ Satana, hemm ħtieġa urġenti biex nifhmu l-​messaġġ tal-​ktieb tar-​Rivelazzjoni u naġixxu fi qbil miegħu.

3:17, 18. Biex inkunu għonja spiritwalment jeħtieġ li nixtru “deheb irfinut bin-​nar” mingħand Ġesù. Jiġifieri, irridu nagħmlu ħilitna kollha biex inkunu għonja f’għemejjel tajbin. (1 Tim. 6:17-19) Jeħtieġ ukoll li nilbsu “ħwejjeġ bojod,” li jipproklamaw l-​identità tagħna bħala segwaċi taʼ Kristu, u nużaw l-​“ingwent taʼ l-​għajnejn,” bħalma huma l-​pariri pubblikati fir-​rivista t-​Torri taʼ l-​Għassa, biex niksbu dixxerniment spiritwali.—Riv. 19:8.

7:13, 14. L-​24 anzjan jirrappreżentaw il-​144,000 fil-​glorja tagħhom tas-​sema, fejn ma jaqdux biss bħala slaten imma wkoll bħala qassisin. Il-​qassisin f’Israel tal-​qedem, li s-​Sultan David organizzahom f’24 taqsima, taw stampa tagħhom. Wieħed mill-​anzjani jirrivela l-​identità tal-​folla l-​kbira lil Ġwanni. Għalhekk, l-​irxoxt tal-​Kristjani midlukin bilfors li beda xi żmien qabel l-​1935. Għala? Għaliex f’dik is-​sena l-​identità korretta tal-​folla l-​kbira ġiet mgħarrfa lill-​qaddejja midlukin t’Alla fuq l-​art.—Lq. 22:28-30; Riv. 4:4; 7:9.

IL-​FTUĦ TAS-​SEBAʼ SIĠILL IWASSAL GĦAD-​DAQQ TAʼ SEBAʼ TRUMBETTI

(Riv. 8:1–12:17)

Il-​Ħaruf jiftaħ is-​sebaʼ siġill. Sebaʼ anġli jirċievu sebaʼ trumbetti. Sitta mill-​anġli jdoqqu t-​trumbetti tagħhom, u jħabbru messaġġi taʼ ġudizzju fuq “terz” mill-​umanità—il-​Kristjaneżmu. (Riv. 8:1, 2, 7-12; 9:15, 18) Hekk jara Ġwanni fil-​ħames viżjoni. Ġwanni jieħu sehem fil-​viżjoni li jmiss billi jiekol ir-​romblu ż-​żgħir u jkejjel is-​santwarju tat-​tempju. Wara li tindaqq is-​sebaʼ trumbetta, ilħna għoljin iħabbru: “Is-​saltna tad-​dinja saret is-​saltna tal-​Mulej tagħna u tal-​Kristu tiegħu.”—Riv. 10:10; 11:1, 15.

Is-sebaʼ viżjoni tagħti iktar dettalji dwar dak li ntqal f’Rivelazzjoni 11:15, 17. Sinjal kbir jidher fis-​sema. Il-​mara tas-​sema tiled iben, tifel. Ix-​Xitan jitkeċċa mis-​sema. Peress li jimtela bil-​korla għall-​mara tas-​sema, hu jitlaq “biex jiggwerra kontra l-​bqija taʼ nisilha.”—Riv. 12:1, 5, 9, 17.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

8:1-5—Għala seħħ skiet fis-​sema, u mbagħad xi twaddab lejn l-​art? Skiet simboliku seħħ fis-​sema sabiex it-​“talb tal-​qaddisin” fuq l-​art ikun jistaʼ jinstemaʼ. Dan kien fi tmiem l-​ewwel gwerra dinjija. Il-​Kristjani midlukin ma telgħux fis-​sema meta ntemmu Żminijiet il-​Ġentili, kif ħafna stennew li jiġri. Huma esperjenzaw żminijiet diffiċli matul il-​gwerra. Għalhekk, issa talbu bil-​ħerqa għall-​gwida. Bi tweġiba għat-​talb tagħhom, l-​anġlu waddab nar simboliku lejn l-​art li kebbes spiritwalment lill-​Kristjani midlukin. Għalkemm kienu ftit fl-​għadd, huma bdew kampanja taʼ ppridkar mad-​dinja kollha li permezz tagħha s-​Saltna t’Alla saret kwistjoni taħraq, u b’hekk tkebbes in-​nar fil-​Kristjaneżmu. Twissijiet bħal ragħad mill-​Bibbja bdew jinstemgħu, leħħiet taʼ verità Skritturali saru magħrufin, u l-​qasam tar-​reliġjon falza ġie mheżżeż sas-​sisien tiegħu, bħalma jitheżżeż bini minħabba xi terremot.

8:6-12; 9:1, 13; 11:15—Is-​sebaʼ anġli meta ppreparaw biex idoqqu t-​trumbetti tagħhom, u meta u kif indaqqu t-​trumbetti? It-​tħejjija biex jindaqqu s-​sebaʼ trumbetti kienet tinkludi li mill-​1919 sa l-​1922 tingħata direzzjoni lill-​membri tal-​klassi taʼ Ġwanni li kienu ngħataw il-​ħajja mill-​ġdid fuq l-​art. F’dak iż-​żmien, dawn il-​midlukin kellhom ħafna x’jagħmlu biex jorganizzaw mill-​ġdid il-​ministeru pubbliku u jibnu faċilitajiet għall-​ippubblikar. (Riv. 12:13, 14) Id-​daqq tat-​trumbetti jirrappreżenta l-​proklamazzjonijiet bla biżaʼ tal-​ġudizzji taʼ Ġeħova kontra d-​dinja taʼ Satana, permezz tan-​nies t’Alla li jikkooperaw maʼ l-​anġli. Taʼ min jinnota li dan beda bil-​konvenzjoni taʼ Cedar Point, f’Ohio, fl-​1922, u jibqaʼ sejjer dritt sat-​tribulazzjoni l-​kbira.

8:13; 9:12; 11:14—Id-​daqq taʼ l-​aħħar tliet trumbetti b’liema mod hu “gwajijiet”? Filwaqt li d-​daqq taʼ l-​ewwel erbaʼ trumbetti huma proklamazzjonijiet li jikxfu l-​kundizzjoni mejta spiritwalment tal-​Kristjaneżmu, l-​aħħar tlieta huma gwajijiet għaliex għandhom x’jaqsmu maʼ ġrajjiet speċifiċi. Id-​daqq tal-​ħames trumbetta għandu x’jaqsam mal-​ħelsien tan-​nies t’Alla mill-​“abbiss” taʼ inattività fl-​1919 u max-​xogħol bla waqfien tagħhom t’għoti taʼ xiehda, li sar bħal kastig li jitturmenta lill-​Kristjaneżmu. (Riv. 9:1) Is-​sitt wieħed hu dwar l-​akbar attakk taʼ kavallerija li qatt sar fl-​istorja u l-​kampanja taʼ ppridkar mad-​dinja kollha li bdiet fl-​1922. L-​aħħar daqq tat-​trumbetta għandu x’jaqsam mat-​twelid tas-​Saltna Messjanika.

Lezzjonijiet Għalina:

9:10, 19. L-​istqarrijiet awtorevoli bbażati fuq il-​Bibbja li nsibu fil-​pubblikazzjonijiet taʼ “l-​ilsir leali u għaqli” fihom messaġġ li jniggeż. (Mt. 24:45) Dan il-​messaġġ jikkorrispondi mad-​denb tal-​ġurati li kellu “niggieża bħal skorpjuni” u maʼ żwiemel taʼ kavallerija, li “denbhom kien bħal serp.” Għala? Għaliex dawn il-​pubblikazzjonijiet iwissu dwar “jum il-​vendetta” taʼ Ġeħova. (Is. 61:2) Ejja nkunu kuraġġużi u żelużi biex inqassmuhom.

9:20, 21. Bosta nies ġwejdin li jgħixu fl-​hekk imsejħin ġnus mhux Kristjani jwieġbu b’mod favorevoli għall-​messaġġ li nxandru. Madankollu, m’aħniex nistennew li se jkun hemm konverżjoni taʼ massa taʼ nies li m’humiex parti mill-​qasam tal-​Kristjaneżmu, li ssir referenza għalihom bħala “l-​bqija tal-​bnedmin.” Minkejja dan, aħna nipperseveraw fil-​ministeru.

12:15, 16. “L-​art”—l-​elementi fis-​sistema taʼ Satana nnifsu, jew il-​potenzi li jaħkmu f’diversi pajjiżi—appoġġat il-​libertà tal-​qima. Mis-​snin 40 tas-​seklu l-​ieħor ’l hawn, dawn il-​potenzi ‘belgħu x-​xmara [taʼ persekuzzjoni] li d-​dragun kien qalaʼ minn ħalqu.’ Tabilħaqq, meta Ġeħova jagħżel li jagħmel dan, hu jistaʼ jinfluwenza lill-​awtoritajiet governattivi biex iwettqu r-​rieda tiegħu. Għalhekk, b’mod xieraq Proverbji 21:1 jgħid: “Il-​qalb taʼ sultan hi bħal nixxigħat taʼ ilma f’id Ġeħova. Idawwarha kulfejn jogħġbu.” Dan għandu jsaħħaħ il-​fidi tagħna f’Alla.