Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Sib il-Ferħ fix-Xogħol taʼ li Tagħmel Dixxipli

Sib il-Ferħ fix-Xogħol taʼ li Tagħmel Dixxipli

“Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli.”—MT. 28:19.

1-3. (a) Ħafna kif iħossuhom dwar l-​opportunità li jikkonduċu studji tal-​Bibbja? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

 “I LNI nistudja maʼ familja mill-​Pakistan għal dawn l-​aħħar 11-il ġimgħa,” kitbet oħt li qed taqdi fi grupp tal-​Ħindi fl-​Istati Uniti. “M’għandniex xi ngħidu,” kompliet tgħid hi, “aħna sirna ħbieb. Jaqbiżli d-​dmugħ meta naħseb dwar din il-​familja li dalwaqt se titlaq lura l-​Pakistan. U nibki mhux biss għax jiddispjaċini li se nitlef il-​kumpanija tagħhom imma wkoll minħabba l-​ferħ li esperjenzajt waqt li kont qed ngħallimhom dwar Ġeħova.”

2 Qatt esperjenzajt int, bħal din l-​oħt, il-​ferħ li jiġi milli tistudja l-​Bibbja maʼ xi ħadd? Ġesù u d-​dixxipli tiegħu taʼ l-​ewwel seklu sabu ferħ kbir fix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli. Meta s-​70 dixxiplu li Ġesù kien ħarreġ ġew lura ferħanin bir-​rapport tagħhom, Ġesù nnifsu “ħass ferħ kbir bl-​ispirtu qaddis.” (Lq. 10:17-21) B’mod simili, ħafna llum isibu ferħ kbir f’li jagħmlu dixxipli. Fil-​fatt, fl-​2007, xi pubblikaturi henjin li jaħdmu iebes ikkonduċew madwar sitt miljun u nofs studju tal-​Bibbja kull xahar.

3 Iżda, xi pubblikaturi s’issa għad ma kellhomx l-​opportunità li jikkonduċu studju tal-​Bibbja. Oħrajn forsi ma kinux qed jikkonduċu wieħed fis-​snin reċenti. Liema sfidi nistgħu niffaċċjaw hekk kif nistinkaw biex nikkonduċu studju tal-​Bibbja? Kif nistgħu negħlbu dawn l-​isfidi? U liema premjijiet nirċievu meta nagħmlu dak kollu li nistgħu sabiex nobdu l-​kmand taʼ Ġesù: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli”?—Mt. 28:19.

Sfidi li Jistgħu Jisirqulna l-​Ferħ

4, 5. (a) Ħafna nies kif jirreaġixxu f’ċerti partijiet tad-​dinja? (b) Liema sfidi jiffaċċjaw xi pubblikaturi f’postijiet oħrajn?

4 F’xi partijiet tad-​dinja, in-​nies jaċċettaw bil-​qalb il-​letteratura tagħna u huma ħerqanin li jibdew jistudjaw il-​Bibbja magħna. Koppja mill-​Awstralja li kienu qed jaqdu temporanjament fiz-​Zambja kitbu: “L-​istejjer huma veri. Iz-​Zambja hija ġenna għall-​ippridkar. L-​għoti taʼ xiehda fit-​toroq huwa inkredibbli! In-​nies javviċinawna, u xi wħud saħansitra jistaqsu għal ħarġiet partikulari tar-​rivisti.” Fl-​2007, l-​aħwa fiz-​Zambja kkonduċew iktar minn 200,000 studju tal-​Bibbja—jiġifieri, bħala medja, iktar minn studju tal-​Bibbja wieħed kull pubblikatur.

5 Madankollu, f’postijiet oħrajn, il-​pubblikaturi jistgħu jsibuha diffiċli biex iħallu l-​letteratura u biex jikkonduċu studji tal-​Bibbja regulari. Għala? Spiss, in-​nies ma jkunux id-​dar meta pubblikatur iħabbtilhom il-​bieb, filwaqt li oħrajn li jkunu d-​dar għandhom mnejn juru apatija lejn ir-​reliġjon. Huma għandhom mnejn ikunu trabbew f’familja li ma tipprattika l-​ebda reliġjon jew forsi jħossuhom hekk minħabba li jistmerru l-​ipokrisija li hija evidenti fir-​reliġjon falza. Ħafna nies ġew feruti spiritwalment, maltrattati u mferrxin minn rgħajja foloz. (Mt. 9:36) Tistaʼ tifhem għala wħud bħal dawn għandhom mnejn joqogħdu attenti li ma jinvolvux ruħhom f’diskussjonijiet dwar il-​Bibbja.

6. Xi wħud maʼ liema limitazzjonijiet għandhom mnejn jitqabdu?

6 Xi pubblikaturi leali jiffaċċjaw sfida differenti li tistaʼ tisirqilhom il-​ferħ. Għalkemm xi darba huma kienu attivi ħafna fix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli, illum il-​ġurnata huma dgħajfin minħabba saħħa batuta jew minħabba l-​limitazzjonijiet t’età avanzata. Ikkunsidra wkoll xi limitazzjonijiet li għandna mnejn nimponu fuqna nfusna. Per eżempju, tħossok int li m’intix kwalifikat biex tikkonduċi studju tal-​Bibbja? Għandek mnejn tħossok bħalma ħassu Mosè meta Ġeħova inkarigah biex jitkellem mal-​Fargħun. Mosè qal: “Skużani, Ġeħova, imma jien m’iniex kelliemi tajjeb, la mill-​bieraħ, [u lanqas] minn qabel il-​bieraħ.” (Eżo. 4:10) Il-​biżaʼ mill-​falliment jistaʼ jkun konness mill-​qrib mal-​fatt li ma tħossokx kapaċi. Forsi noqogħdu ninkwetaw li individwu mhux se jsir dixxiplu minħabba li m’aħniex għalliema perfetti. Sabiex ma ngħaddux minn din l-​esperjenza, għandna mnejn nitilfu l-​opportunità li nikkonduċu studju. Kif nistgħu nittrattaw l-​isfidi li għadna kif semmejna?

Ħejji Qalbek

7. Xi mmotiva lil Ġesù fil-​ministeru tiegħu?

7 L-​ewwel pass hu li nħejju qalbna stess. Ġesù qal: ‘Mill-​abbundanza li [ikun hemm] fil-​qalb jitkellem il-​fomm.’ (Lq. 6:45) Fil-​ministeru tiegħu, Ġesù kien motivat mill-​interess sinċier li kellu għall-​benesseri t’oħrajn. Per eżempju, meta osserva l-​kundizzjoni spiritwali fqira tal-​Lhud sħabu, hu “tħassarhom.” Hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Il-​ħsad hu kbir . . . Itolbu bil-​ħrara lil Sid il-​ħsad biex jibgħat il-​ħaddiema fil-​ħsad tiegħu.”—Mt. 9:36-38.

8. (a) Dwar xiex nagħmlu tajjeb li naħsbu? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-​kummenti taʼ studenta tal-​Bibbja?

8 Hekk kif nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli, nagħmlu tajjeb li naħsbu bis-​serjetà dwar kemm ibbenefikajna minħabba li xi ħadd ħa l-​ħin biex jistudja l-​Bibbja magħna. Aħseb ukoll dwar in-​nies li se niltaqgħu magħhom fil-​ministeru u dwar kif se jibbenefikaw meta jisimgħu l-​messaġġ li nxandru. Waħda mara kitbet lill-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​pajjiż fejn toqgħod: “Nixtieq ngħidilkom kemm napprezza lix-​Xhieda li jgħallmuni f’dari. Naf li kultant forsi jħossuhom frustrati minħabba fija peress li għandi ħafna mistoqsijiet u dejjem inżommhom wara l-​ħin. Imma huma paċenzjużi miegħi u ħerqanin biex jaqsmu dak li tgħallmu. Nirringrazzja lil Ġeħova u lil Ġesù li dawn in-​nies daħlu f’ħajti.”

9. Ġesù fuq xiex iffoka, u kif nistgħu nimitawh?

9 M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd wieġeb b’mod favorevoli għall-​isforzi taʼ Ġesù biex jgħinhom. (Mt. 23:37) Xi wħud segwewh għal xi żmien imma mbagħad oġġezzjonaw għat-​tagħlim tiegħu u “ma baqgħux mexjin warajh.” (Ġw. 6:66) Madankollu, Ġesù ma ħalliex il-​fatt li xi wħud ma wiġbux b’mod favorevoli jġiegħlu jħossu li l-​messaġġ tiegħu ma kellux valur. Għalkemm ħafna miż-​żerriegħa li żeraʼ ma tatx frott, Ġesù ffoka fuq il-​ġid li kien qed jagħmel. Hu ra li l-​għelieqi kienu bojod għall-​ħsad u kiseb ferħ kbir minħabba li għen f’dak il-​ħsad. (Aqra Ġwanni 4:35, 36.) Minflok ma naraw l-​art vojta bejn l-​isbul tal-​qamħ, nistgħu aħna bl-​istess mod niffokaw fuq il-​ħsad li jistaʼ jkun hemm fit-​territorju assenjat lilna? Ejja neżaminaw kif nistgħu nżommu attitudni pożittiva bħal din.

Iżraʼ bl-​Iskop li Taħsad

10, 11. X’tistaʼ tagħmel sabiex tibqaʼ żżomm il-​ferħ?

10 Bidwi jiżraʼ ż-​żerriegħa bl-​iskop li jaħsad il-​ħsad. Bl-​istess mod, aħna nippridkaw bl-​iskop li nibdew studji tal-​Bibbja. Imma xi ngħidu jekk tqattaʼ ħin regulari fil-​ministeru taʼ l-​għalqa imma ssib ftit nies id-​dar jew ikun jidher li ma tkunx tistaʼ terġaʼ tikkuntattja liż-​żjajjar lura li jkollok? Dan jistaʼ jkun frustranti. Għandek int taqtaʼ qalbek mill-​ministeru minn bieb għal bieb? Dażgur li le! Ħafna nies għadhom qed jiġu kuntattjati l-​ewwel permezz taʼ dan il-​metodu taʼ ppridkar li ilu jintuża għal ħafna żmien.

11 Madankollu, sabiex iżżomm il-​ferħ, tistaʼ int iżżid metodi oħrajn taʼ ppridkar, forsi billi tinkludi modi oħrajn taʼ kif tilħaq lin-​nies? Per eżempju, ipprovajt int tagħti xiehda lin-​nies fit-​toroq jew fil-​post tax-​xogħol tagħhom? Tistaʼ tikkuntattja lin-​nies bit-​telefon jew tikseb in-​numru tat-​telefon taʼ dawk li diġà qsamt magħhom il-​messaġġ tas-​Saltna sabiex tkun tistaʼ żżomm kuntatt magħhom? Billi turi perseveranza u tkun taf tadatta ruħek fil-​ministeru tiegħek, int se tesperjenza l-​ferħ li jiġi meta ssib individwi li jwieġbu b’mod favorevoli għall-​messaġġ tas-​Saltna.

Inkampaw maʼ l-​Apatija

12. X’nistgħu nagħmlu jekk ħafna fit-​territorju tagħna huma apatetiċi?

12 Xi ngħidu jekk fit-​territorju tiegħek ħafna juru apatija lejn ir-​reliġjon? Tistaʼ int tadatta l-​mod kif tavviċina lin-​nies sabiex tqanqlilhom l-​interess? L-​appostlu Pawlu kiteb lil sħabu fit-​twemmin f’Korintu: “Għal-​Lhud sirt bħal Lhudi . . . Għal dawk mingħajr liġi sirt bħal wieħed mingħajr liġi, għalkemm m’iniex mingħajr il-​liġi t’Alla.” X’kien il-​motiv taʼ Pawlu? “Sirt kollox għal nies taʼ kull xorta,” qal hu, “biex b’kull mezz insalva lil xi wħud.” (1 Kor. 9:20-22) Nistgħu aħna bl-​istess mod insibu suġġetti li jolqtu lil dawk fit-​territorju tagħna? Ħafna nies li m’humiex interessati fir-​reliġjon jixtiequ jtejbu l-​kwalità tar-​relazzjonijiet tal-​familja tagħhom. Għandhom mnejn ikunu wkoll qed ifittxu skop fil-​ħajja. Nistgħu aħna nippreżentaw il-​messaġġ tas-​Saltna lil nies bħal dawn b’mod li jiġbidhom?

13, 14. Kif nistgħu nżidu l-​ferħ li niksbu mix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli?

13 Iktar u iktar pubblikaturi żiedu l-​ferħ li jiksbu mix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli, anki fi nħawi fejn il-​maġġuranza tan-​nies jidhru li huma apatetiċi. Kif? Billi tgħallmu lingwa barranija. Koppja li għandhom ’il fuq minn 60 sena rrealizzaw li eluf taʼ studenti Ċiniżi u l-​familji tagħhom kienu qed jgħixu fit-​territorju assenjat lill-​kongregazzjoni tagħhom. “Minħabba dan, aħna konna inkuraġġiti nitgħallmu l-​lingwa Ċiniża,” jgħid ir-​raġel. “Għalkemm dan kien ifisser li kellna nqattgħu ħin kuljum nistudjaw il-​lingwa,” ikompli jgħid hu, “konna ferħanin għax dan irriżulta f’ħafna studji tal-​Bibbja maʼ Ċiniżi fl-​inħawi tagħna.”

14 Anki jekk ma tistax titgħallem lingwa barranija, tistaʼ tagħmel użu tajjeb mill-​ktejjeb Good News for People of All Nations meta tiltaqaʼ maʼ dawk li jitkellmu lingwa oħra. Ġeneralment tistaʼ tikseb ukoll letteratura bil-​lingwa tan-​nies li tiltaqaʼ magħhom. M’għandniex xi ngħidu, jirrikjedi iktar ħin u sforz biex tikkomunika maʼ dawk li għandhom lingwa u kultura differenti. Imma tinjorax il-​prinċipju misjub fil-​Kelma t’Alla: “Min jiżraʼ bil-​kotra jaħsad ukoll bil-​kotra.”—2 Kor. 9:6.

Il-​Kongregazzjoni Kollha Hija Involuta

15, 16. (a) Ix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli għala jinvolvi l-​isforz tal-​kongregazzjoni kollha? (b) Liema rwol għandhom dawk li huma mdaħħlin fiż-​żmien?

15 Tabilħaqq, li nagħmlu dixxipli ma jiddependix mill-​isforzi taʼ individwu wieħed biss. Minflok, jiddependi mill-​isforz tal-​kongregazzjoni kollha. Għala? Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġw. 13:35) U tabilħaqq, meta l-​istudenti tal-​Bibbja jattendu l-​laqgħat, huma spiss jiġu impressjonati bl-​atmosfera kollha mħabba fil-​laqgħat tagħna. Studenta tal-​Bibbja kitbet: “Vera nieħu pjaċir nattendi l-​laqgħat. In-​nies verament ġegħluni nħossni milqugħa!” Ġesù qal li dawk li jsiru segwaċi tiegħu għandhom mnejn ikollhom oppożizzjoni mill-​familja letterali tagħhom. (Aqra Mattew 10:35-37.) Madankollu, hu wiegħed li fil-​kongregazzjoni huma kienu se jiksbu għadd t’“aħwa subien u aħwa bniet u ommijiet u tfal” spiritwali.—Mk. 10:30.

16 Ħutna mdaħħlin fiż-​żmien b’mod speċjali għandhom irwol vitali li jgħinu lill-​istudenti tal-​Bibbja jagħmlu progress. B’liema mod? Anki jekk xi ftit minn dawn l-​uħud imdaħħlin fiż-​żmien ma jkunux jistgħu jikkonduċu studji tal-​Bibbja huma stess, il-​kummenti inkuraġġanti tagħhom fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni jsaħħu l-​fidi taʼ dawk kollha li jisimgħuhom. Il-​fatt li ilhom jimxu “fit-​triq tas-​sewwa” jżid mas-​sbuħija tal-​kongregazzjoni u jiġbed lil dawk taʼ qalb onesta lejn l-​organizzazzjoni t’Alla.—Prov. 16:31.

Negħlbu l-​Biżaʼ Tagħna

17. X’nistgħu nagħmlu sabiex ma nħossuniex li m’aħniex kapaċi nikkonduċu studju tal-​Bibbja?

17 X’tistaʼ tagħmel jekk ma tħossokx kapaċi tikkonduċi studju tal-​Bibbja? Ftakar li Ġeħova għen lil Mosè billi pprovdielu l-​ispirtu qaddis u sieħeb, ħuh Aron. (Eżo. 4:10-17) Ġesù wiegħed li l-​ispirtu t’Alla kien se jappoġġa x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna. (Atti 1:8) Barra minn hekk, Ġesù bagħat ħaddiema biex jippridkaw tnejn tnejn. (Lq. 10:1) Għalhekk, jekk tħossha sfida biex tikkonduċi studju tal-​Bibbja, itlob għall-​ispirtu t’Alla biex jagħtik l-​għerf u mbagħad sib lil xi ħadd biex jakkumpanjak fl-​ippridkar li jistaʼ jgħinek ikollok fiduċja fik innifsek u li l-​esperjenza tiegħu tistaʼ tgħinek. Il-​fidi tiegħek se tissaħħaħ jekk tiftakar li Ġeħova għażel li juża nies komuni—“lid-​dgħajfin tad-​dinja”—biex iwettqu dan ix-​xogħol straordinarju.—1 Kor. 1:26-29.

18. Kif nistgħu negħlbu l-​biżaʼ mill-​falliment?

18 Kif nistgħu negħlbu l-​biżaʼ mill-​falliment? Ikun tajjeb li niftakru li biex tagħmel dixxiplu m’huwiex bħal meta tipprepara xi ikla li s-​suċċess jew il-​falliment tagħha jiddependi primarjament minn individwu wieħed—il-​kok. Minflok, li tagħmel dixxiplu jinvolvi minn taʼ l-​inqas tliet individwi. Ġeħova jagħmel l-​iktar parti importanti, jiġifieri, jiġbed lill-​individwu lejh. (Ġw. 6:44) Aħna u oħrajn fil-​kongregazzjoni nagħmlu l-​aħjar tagħna biex nużaw l-​arti tat-​tagħlim sabiex ngħinu lill-​istudent jagħmel progress. (Aqra t-2 Timotju 2:15.) U l-​istudent irid jaġixxi fuq dak li jitgħallem. (Mt. 7:24-27) Jistaʼ jkun taʼ diżappunt jekk individwu ma jibqax jistudja l-​Bibbja. Aħna nittamaw li l-​istudenti tal-​Bibbja jagħmlu l-​aħjar għażla, imma kull individwu jrid “jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.”—Rum. 14:12.

X’Inhuma l-​Premjijiet?

19-21. (a) X’benefiċċji nirċievu meta nikkonduċu studji tal-​Bibbja? (b) Ġeħova kif iqis lil dawk kollha li jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar?

19 Meta nikkonduċu studji tal-​Bibbja niġu megħjunin nibqgħu ffokati fuq li nfittxu l-​ewwel is-​Saltna. Ukoll niġu megħjunin biex innaqqxu l-​veritajiet tal-​Kelma t’Alla iktar fil-​fond f’moħħna u f’qalbna. Għala? Pijunier li jismu Barak jispjega: “Meta tikkonduċi studju tal-​Bibbja jkollok tkun student aħjar tal-​Kelma t’Alla. Jien insib li rrid insaħħaħ il-​konvinzjonijiet persunali tiegħi qabel ma nkun nistaʼ ngħallem sew lil ħaddieħor.”

20 Jekk m’intix qed tikkonduċi studju tal-​Bibbja, ifisser li s-​servizz tiegħek m’għandux valur f’għajnejn Alla? Dażgur li le! Ġeħova japprezza ħafna l-​isforzi tagħna biex infaħħruh. Dawk kollha li jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar huma “ħaddiema sħab m’Alla.” Madankollu, li nikkonduċu studju tal-​Bibbja jżidilna l-​ferħ hekk kif naraw li Alla jkabbar iż-​żerriegħa li nkunu żrajna. (1 Kor. 3:6, 9) “Meta tara student jagħmel progress,” tgħid pijuniera jisimha Amy, “tħoss sens kbir taʼ gratitudni lejn Ġeħova talli ħalliek tintuża biex tagħti lil dak l-​individwu rigal taʼ l-​għaġeb—l-​opportunità li jsir jaf lil Ġeħova u li jirċievi l-​ħajja taʼ dejjem.”

21 Jekk nagħmlu l-​aħjar tagħna biex nibdew u nikkonduċu studji tal-​Bibbja se niġu megħjunin nibqgħu ffokati fuq li naqdu lil Alla issa u nsaħħu t-​tama tagħna li nsalvaw għal ġod-​dinja l-​ġdida. Bl-​appoġġ taʼ Ġeħova, aħna għandna mnejn ukoll ngħinu lil dawk li jisimgħuna biex isalvaw. (Aqra l-1 Timotju 4:16.) Kemm ikollna għalfejn nifirħu!

Tiktakar Int?

• Liema sfidi għandhom mnejn iżommu lil xi wħud milli jikkonduċu studji tal-​Bibbja?

• X’nistgħu nagħmlu jekk ħafna fit-​territorju tagħna jidhru li huma apatetiċi?

• Liema premjijiet nirċievu meta nikkonduċu studju tal-​Bibbja?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 9]

Iżżid int metodi oħrajn taʼ ppridkar sabiex tkun tistaʼ ssib individwi taʼ qalb onesta?