Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħalli Kliem Ġesù Jeffettwa l-Attitudni Tiegħek

Ħalli Kliem Ġesù Jeffettwa l-Attitudni Tiegħek

“Dak li ntbagħat minn Alla jgħid il-​kliem t’Alla.”—ĠW. 3:34.

1, 2. Kliem Ġesù fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja maʼ xiex jistaʼ jiġi mxebbah, u għala nistgħu ngħidu li kien ibbażat fuq “il-​kliem t’Alla”?

 WIEĦED mill-​akbar djamanti maqtugħin u magħrufin illum hu l-​Istilla taʼ l-​Afrika li tiżen 530 karat. Din hi verament ħaġra prezzjuża! Madankollu, ferm iktar taʼ valur hu l-​ħaġar prezzjuż spiritwali li jinsab fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja li ta Ġesù. Dan m’għandux għalfejn jissorprendina, għax is-​Sors tal-​kliem taʼ Kristu hu Ġeħova! Filwaqt li tirreferi għal Ġesù, il-​Bibbja tgħid: “Dak li ntbagħat minn Alla jgħid il-​kliem t’Alla.”—Ġw. 3:34-36.

2 Għalkemm il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja forsi ngħatat f’inqas minn nofs siegħa, kien fiha 21 kwotazzjoni minn tmien kotba taʼ l-​Iskrittura Ebrajka. Għalhekk, kienet ibbażata b’mod sod fuq “il-​kliem t’Alla.” Ejja issa naraw kif nistgħu napplikaw ftit mill-​ħafna kliem imprezzabbli li jinsab f’din il-​priedka li l-​Iben maħbub t’Alla ta b’sengħa kbira.

“L-​Ewwel Agħmel Paċi maʼ Ħuk”

3. Wara li wissa lid-​dixxipli tiegħu dwar l-​effetti tal-​korla, Ġesù liema parir ta?

3 Bħala Kristjani, aħna henjin u nġibu l-​paċi għaliex għandna l-​ispirtu qaddis t’Alla, u l-​frott tiegħu jinkludi l-​ferħ u l-​paċi. (Gal. 5:22, 23) Ġesù ma riedx li d-​dixxipli tiegħu jitilfu l-​paċi u l-​hena tagħhom, u għalhekk wissiehom dwar l-​effetti li jġibu l-​mewt meta xi ħadd jibqaʼ inkorlat għal żmien twil. (Aqra Mattew 5:21, 22.) Hu mbagħad iddikjara: “Allura, jekk waqt li tkun qed iġġib l-​għotja tiegħek lejn l-​artal tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, itlaq l-​għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-​artal, u mur l-​ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-​għotja tiegħek.”Mt. 5:23, 24.

4, 5. (a) X’kienet l-​“għotja” li saret referenza għaliha fl-​istqarrija taʼ Ġesù dokumentata f’Mattew 5:23, 24? (b) Kemm hu importanti li tagħmel paċi maʼ ħu li ġie offiż?

4 L-​“għotja” li semma Ġesù kienet kwalunkwe offerta preżentata fit-​tempju f’Ġerusalemm. Per eżempju, is-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali kienu importanti għaliex dak iż-​żmien kienu parti mill-​qima mogħtija lil Ġeħova mill-​poplu tiegħu. Madankollu, Ġesù enfasizza xi ħaġa taʼ importanza akbar—li wieħed jagħmel paċi maʼ ħu li ġie offiż qabel ma joffri għotja lil Alla.

5 Il-​frażi “agħmel paċi” tfisser ‘li tasal għal rikonċiljazzjoni.’ Għalhekk, liema lezzjoni nistgħu nieħdu minn dan il-​kliem taʼ Ġesù? Żgur li l-​lezzjoni hi li l-​mod kif nittrattaw maʼ l-​oħrajn jeffettwa direttament ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. (1 Ġw. 4:20) Tabilħaqq, offerti magħmulin lil Alla fil-​qedem ma kienu jfissru xejn jekk dak li kien jagħmilhom ma kienx jittratta lill-​bnedmin sħabu kif jixraq.—Aqra Mikea 6:6-8.

L-​Umiltà Hi Meħtieġa

6, 7. L-​umiltà għala hi meħtieġa meta nagħmlu ħilitna kollha biex jerġaʼ jkollna relazzjonijiet paċifiċi maʼ ħu li nkunu offendejnieh?

6 Il-​fatt li nagħmlu paċi maʼ ħu li ġie offiż x’aktarx li juri jekk aħniex umli. Nies umli ma jargumentawx jew iħaqquha maʼ sħabhom fit-​twemmin fi sforz biex jistabbilixxu xi drittijiet li jistaʼ jkollhom. Dan kieku joħloq sitwazzjoni li xejn m’hi xierqa—waħda bħal dik li darba kienet teżisti fost il-​Kristjani f’Korintu tal-​qedem. Dwar din is-​sitwazzjoni, l-​appostlu Pawlu għamel dan il-​punt li jqanqal il-​ħsieb: “Dan ifisser telfa sħiħa għalikom li qed tiftħu kawżi l-​qorti kontra xulxin. Minflok għax ma tħallux min jonqoskom? Għax ma tħallux min jimbroljakom?”—1 Kor. 6:7.

7 Ġesù ma qalx li għandna mmorru għand ħuna sempliċement biex nikkonvinċuh li aħna għandna raġun u hu għandu tort. Il-​mira tagħna għandha tkun li jerġaʼ jkollna relazzjonijiet paċifiċi. Sabiex nagħmlu paċi, irridu nesprimu kif inħossuna b’mod onest. Għandna bżonn ukoll nirrikonoxxu li s-​sentimenti tal-​persuna l-​oħra ġew imweġġgħin. U jekk konna aħna li żbaljajna, żgur li nkunu rridu nitolbu apoloġija bl-​umiltà.

‘Jekk Għajnek il-​Leminija Tfixklek’

8. Għid fil-​qosor x’qal Ġesù f’Mattew 5:29, 30.

8 Fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù ta parir f’loku fuq il-​moralità. Hu kien jaf li l-​membri imperfetti taʼ ġisimna jistaʼ jkollhom influwenza perikoluża fuqna. Għalhekk, Ġesù qal: “Issa, jekk għajnek il-​leminija qed tfixklek, aqlagħha u armiha ’l bogħod minnek, għax ikun aħjar għalik li titlef wieħed mill-​membri taʼ ġismek milli ġismek kollu jintefaʼ f’Geħenna. Ukoll, jekk idek il-​leminija qed tfixklek, aqtagħha u armiha ’l bogħod minnek, għax ikun aħjar għalik li titlef wieħed mill-​membri taʼ ġismek milli ġismek kollu jispiċċa f’Geħenna.”Mt. 5:29, 30.

9. ‘Għajna’ jew ‘idna’ kif tistaʼ ġġegħelna ‘nitfixklu’?

9 L-​‘għajn’ li tkellem dwarha Ġesù tirrappreżenta l-​qawwa jew l-​abbiltà li niffokaw l-​attenzjoni tagħna fuq xi ħaġa, u l-​‘id’ hi relatata maʼ dak li nagħmlu b’idejna. Jekk ma noqogħdux attenti, dawn il-​partijiet tal-​ġisem jistgħu jġegħluna ‘nitfixklu’ u ma nibqgħux ‘nimxu m’Alla.’ (Ġen. 5:22; 6:9) Għalhekk, meta niġu ttantati biex ma nobdux lil Ġeħova jkollna bżonn nieħdu azzjoni drastika, billi b’mod figurattiv naqilgħu għajn jew naqtgħu id barra.

10, 11. X’jistaʼ jgħinna nevitaw l-​immoralità sesswali?

10 Kif nistgħu rrażżnu għajnejna biex ma nikkonċentrawx fuq affarijiet immorali? “Patt m’għajnejja għamilt,” qal ir-​raġel Ġob, li kien jibżaʼ minn Alla. “Għalhekk, kif nistaʼ nkun moħħni f’xi verġni?” (Ġob 31:1) Ġob kien raġel miżżewweġ li kien determinat li ma jiksirx il-​liġijiet morali t’Alla. Din għandha tkun l-​attitudni tagħna sew jekk aħna miżżewġin u sew jekk m’aħniex. Sabiex nevitaw l-​immoralità sesswali, għandna bżonn li nkunu gwidati mill-​ispirtu qaddis t’Alla, li jipproduċi r-​rażna f’dawk li jħobbu lil Alla.—Gal. 5:22-25.

11 Sabiex nevitaw l-​immoralità sesswali, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Inħalli jien lil għajnejja jqanqlu ġo fija aptit għal materjal immorali li jinsab faċilment fil-​kotba, fuq it-​televixin, jew fuq l-​Internet?’ Ejja niftakru wkoll dan il-​kliem tad-​dixxiplu Ġakbu: “Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-​xewqa ssir fertili, tiled id-​dnub; u meta d-​dnub jitwettaq, iġib il-​mewt.” (Ġak. 1:14, 15) Fil-​fatt, jekk xi individwu dedikat lil Alla “jibqaʼ jħares” b’motivi immorali lejn xi ħadd tas-​sess oppost, hu għandu bżonn jagħmel bidliet drastiċi li jitqabblu maʼ li jaqlaʼ l-​għajn u jarmiha ’l bogħod minnu.—Aqra Mattew 5:27, 28.

12. Liema parir taʼ Pawlu jistaʼ jgħinna niġġieldu kontra x-​xewqat immorali?

12 Peress li l-​użu mhux xieraq taʼ idejna jistaʼ jirriżulta fi ksur serju tal-​livelli morali taʼ Ġeħova, irridu nkunu determinati b’mod sod li nibqgħu nodfa moralment. Għalhekk, għandna nagħtu kas il-​parir taʼ Pawlu: “Mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali, ix-​xewqa li twassal għall-​ħsara, u x-​xenqa b’għira, li hi idolatrija.” (Kol. 3:5) Il-​kelma “mewtu” tenfasizza l-​miżuri drastiċi li jridu jittieħdu biex niġġieldu kontra x-​xewqat immorali tal-​laħam.

13, 14. Għala hu vitali li nevitaw ħsibijiet u atti immorali?

13 Sabiex jibqaʼ ħaj, individwu x’aktarx li jkun lest li jħalli li riġlu jew driegħu jiġi maqtugħ permezz t’operazzjoni. Ir-​‘rimi ’l bogħod’ figurattiv taʼ l-​għajn u taʼ l-​id huwa vitali biex nevitaw ħsibijiet u azzjonijiet immorali li jistgħu jiswewlna l-​ħajja spiritwali tagħna. L-​uniku mod biex niskansaw il-​qerda taʼ dejjem simbolizzata minn Geħenna hu li nibqgħu nodfa mentalment, moralment, u spiritwalment.

14 Minħabba d-​dnub u l-​imperfezzjoni li writna rridu nagħmlu sforz biex inżommu l-​indafa morali. “Insawwat lil ġismi u njassru,” qal Pawlu, “sabiex, wara li nkun ippridkajt lil oħrajn, jien stess ma niġix diżapprovat b’xi mod.” (1 Kor. 9:27) Għalhekk, ejja nkunu determinati li napplikaw il-​parir taʼ Ġesù dwar il-​moralità, u qatt ma nħallu lilna nfusna naġixxu b’modi li juru nuqqas taʼ gratitudni għas-​sagrifiċċju tiegħu bħala fidwa.—Mt. 20:28; Ebr. 6:4-6.

‘Idra Agħti’

15, 16. (a) Ġesù kif kien t’eżempju fil-​ġenerożità? (b) Xi jfisser il-​kliem taʼ Ġesù dokumentat f’Luqa 6:38?

15 Il-​kliem u l-​eżempju superlattiv taʼ Ġesù jippromwovu spirtu ġeneruż. Hu wera ġenerożità kbira billi ġie fuq l-​art għall-​benefiċċju taʼ l-​umanità imperfetta. (Aqra t-2 Korintin 8:9.) Ġesù minn rajh ħalla l-​glorja tas-​sema biex isir bniedem u jagħti ħajtu għal bnedmin midinbin, li xi wħud minnhom kienu se jiksbu rikkezzi fis-​sema bħala werrieta sħab miegħu fis-​Saltna. (Rum. 8:16, 17) U Ġesù ċertament li inkuraġġixxa l-​ġenerożità meta qal:

16 “Idraw agħtu, u n-​nies jagħtukom. Iferrgħulkom f’ħoġorkom kejl tajjeb, marsus, mheżżeż, u mfawwar. Għax bil-​kejl li tkejlu, ikejlulkom lura.” (Lq. 6:38) Il-​frażi “jferrgħulkom f’ħoġorkom” tirreferi għad-​drawwa taʼ xi bejjiegħa li jimlew il-​parti wiesgħa tal-​libsa taʼ fuq taʼ xerrej li kienet tkun marbuta bi ħżiem u li setgħu jagħmluha bħala ħorġa biex iġorru l-​affarijiet. Il-​ġenerożità spontanja tagħna tistaʼ tirriżulta f’li nirċievu kejl tajjeb biex ipattulna, forsi meta jkollna bżonn.—Ekk. 11:2.

17. Ġeħova kif ta l-​aqwa eżempju f’dak li hu għoti, u liema tip t’għoti jistaʼ jġibilna l-​ferħ?

17 Ġeħova jħobb u jippremja lil dawk li jagħtu bil-​ferħ. Hu nnifsu ta l-​aqwa eżempju, billi ta l-​Iben uniġenitu tiegħu “biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 3:16) Pawlu kiteb: “Min jiżraʼ bil-​kotra jaħsad ukoll bil-​kotra. Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.” (2 Kor. 9:6, 7) Il-​fatt li nagħtu mill-​ħin, mill-​enerġija, u mir-​riżorsi materjali tagħna biex nippromwovu l-​qima vera żgur li jġibilna ferħ u premjijiet għonja.—Aqra Proverbji 19:17; Luqa 16:9.

“Toqgħodx Iddoqq it-​Trombi”

18. F’liema ċirkustanzi ma ‘jkollna ebda premju’ mingħand Missierna tas-​sema?

18 “Oqogħdu attenti li s-​sewwa li tagħmlu ma tagħmluhx għal għajn in-​nies, biex tidhru; inkella ma jkollkom l-​ebda premju mingħand Missierkom li hu fis-​smewwiet.” (Mt. 6:1) Bis-​“sewwa,” Ġesù ried ifisser kondotta li hi fi qbil mar-​rieda divina. Ma riedx ifisser li għemejjel li jogħġbu lil Alla m’għandhom qatt isiru fil-​pubbliku, għax hu kien qal lid-​dixxipli tiegħu biex iħallu ‘d-​dawl tagħhom jiddi quddiem il-​bnedmin.’ (Mt. 5:14-16) Imma ma ‘jkollna ebda premju’ mingħand Missierna tas-​sema jekk nagħmlu l-​affarijiet ‘biex nidhru’ u niġu ammirati, bħal xi atturi li jirreċtaw fuq il-​palk f’teatru. Jekk ikollna dawn il-​motivi, ma ngawdux relazzjoni mill-​qrib m’Alla jew il-​barkiet eterni tal-​ħakma tas-​Saltna.

19, 20. (a) Ġesù x’ried ifisser meta tkellem kontra li ‘ndoqqu t-​trombi’ meta nagħmlu “għotjiet taʼ ħniena”? (b) Kif ma nħallux l-​id ix-​xellugija tkun taf x’qed tagħmel il-​leminija?

19 Jekk ikollna attitudni xierqa, se nsegwu t-​twissija taʼ Ġesù: “Għalhekk, meta tagħti għotjiet taʼ ħniena, toqgħodx iddoqq it-​trombi, bħalma jagħmlu l-​ipokriti fis-​sinagogi u fit-​toroq, sabiex ifaħħruhom in-​nies. Tassew ngħidilkom, Dawn qed jieħdu l-​premju tagħhom bis-​sħiħ.” (Mt. 6:2) L-​“għotjiet taʼ ħniena” kienu donazzjonijiet mogħtijin biex jappoġġaw lil dawk fil-​bżonn. (Aqra Isaija 58:6, 7.) Ġesù u l-​appostli tiegħu kellhom fond komuni biex jużawh ħalli jgħinu lill-​foqra. (Ġw. 12:5-8; 13:29) Ladarba l-​għoti lill-​foqra ma kienx preċedut letteralment mid-​daqq tat-​trombi, Ġesù b’mod evidenti uża iperbole, jew esaġerazzjoni, meta qal li m’għandniex ‘indoqqu t-​trombi’ meta nagħmlu “għotjiet taʼ ħniena.” M’għandniex ngħidu lil kulħadd dwar għotjiet bħal dawn, bħalma kienu jagħmlu l-​Fariżej Lhud. Ġesù sejħilhom ipokriti għax irreklamaw id-​donazzjonijiet taʼ karità tagħhom “fis-​sinagogi u fit-​toroq.” Dawn l-​ipokriti kienu “qed jieħdu l-​premju tagħhom bis-​sħiħ.” Il-​premju kollu li kienu se jieħdu kien jikkonsisti mit-​tifħir tan-​nies u possibbilment xi wieħed mis-​siġġijiet taʼ quddiem fis-​sinagoga maġenb xi rabbini magħrufin, għax Ġeħova ma kien se jagħtihom xejn. (Mt. 23:6) Iżda, id-​dixxipli taʼ Kristu kif kellhom jaġixxu? Ġesù qal lilhom—u lilna:

20 “Imma int, meta tagħti għotjiet taʼ ħniena, tħallix lil idek ix-​xellugija tkun taf x’qed tagħmel il-​leminija, biex l-​għotjiet taʼ ħniena tiegħek isiru fil-​moħbi; imbagħad Missierek li jara dak li hu moħbi se jroddlok lura.” (Mt. 6:3, 4) Idejna ġeneralment jaħdmu flimkien. Għalhekk, li ma nħallux l-​id ix-​xellugija tkun taf x’inhi tagħmel il-​leminija jfisser li ma nirreklamawx l-​għemejjel taʼ karità tagħna, saħansitra quddiem dawk li huma qribna daqskemm l-​id ix-​xellugija tagħna hi qrib l-​id il-​leminija tagħna.

21. Fost affarijiet oħrajn, il-​Wieħed “li jara dak li hu moħbi” xi jroddilna lura?

21 Jekk ma niftaħrux dwar il-​karità li nagħtu, l-​“għotjiet taʼ ħniena” tagħna jsiru fil-​moħbi. Imbagħad Missierna, “li jara dak li hu moħbi,” se jroddilna lura. Peress li jgħammar fis-​smewwiet u hu inviżibbli għal għajnejn il-​bniedem, Missierna tas-​sema jibqaʼ “fil-​moħbi” safejn huma konċernati l-​bnedmin. (Ġw. 1:18) Ġeħova, il-​Wieħed “li jara dak li hu moħbi,” iroddilna lura billi, fost affarijiet oħrajn, idaħħalna f’relazzjoni intima miegħu, jaħfrilna dnubietna, u jagħtina ħajja eterna. (Prov. 3:32; Ġw. 17:3; Efes. 1:7) Dan hu ferm u ferm aħjar milli jfaħħruna l-​bnedmin!

Kliem Prezzjuż li Għandek Tgħożż

22, 23. Għala għandna ngħożżuh kliem Ġesù?

22 Il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja ċertament li hi mimlija ħaġar prezzjuż spiritwali li għandu ħafna aspetti sbieħ. Bla dubju, fiha kliem imprezzabbli li jistaʼ jġibilna l-​ferħ anki f’din id-​dinja mimlija inkwiet. Iva, se nkunu henjin jekk ngħożżu kliem Ġesù u nħalluh jeffettwa l-​attitudni u l-​mod taʼ ħajja tagħna.

23 Kulmin “jismaʼ” u ‘jagħmel’ dak li għallem Ġesù se jkun imbierek. (Aqra Mattew 7:24, 25.) Għalhekk, ejja nkunu determinati li naġixxu fi qbil mal-​pariri taʼ Ġesù. Fl-​aħħar artiklu taʼ din is-​serje se nikkunsidraw iktar kliem mill-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja.

Int Kif Twieġeb?

• Għala hu importanti li tagħmel paċi maʼ ħu li jkun offiż?

• Kif nistgħu nevitaw li niġu mfixklin minn ‘għajna l-​leminija’?

• X’għandha tkun l-​attitudni tagħna rigward l-​għoti?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 11]

Kemm hu tajjeb li ‘tagħmel paċi’ maʼ sieħeb offiż taʼ l-​istess twemmin!

[Stampi f’paġna 12, 13]

Ġeħova jbierek lil dawk li jagħtu bil-​ferħ