Funerali Kristjani—Dinjitużi, Sempliċi, u Jogħġbu lil Alla
ĦSEJJES taʼ niket jinstemgħu kullimkien. Dawk bil-vistu lebsin ilbies iswed speċjali u qed jibku u jintefgħu maʼ l-art b’mod iddisprat minħabba n-niket tagħhom. Żeffiena jiċċaqalqu mar-ritmu taʼ mużika qawwija. Jerġaʼ oħrajn qed jieklu u jiċċelebraw b’daħq storbjuż u briju. Xi wħud jinxteħtu maʼ l-art, fis-sakra minħabba l-ħafna nbid u birra. X’inhi l-okkażjoni? F’ċerti partijiet tad-dinja, dawn huma karatteristiki tipiċi li ssib fil-funerali li għalihom mijiet taʼ nies jinġabru biex jagħtu l-aħħar tislima lill-mejtin.
Ħafna mix-Xhieda taʼ Ġeħova jgħixu f’komunitajiet fejn il-qraba u l-ġirien huma superstizzjużi ħafna u jibżgħu mill-mejtin. Miljuni taʼ nies jemmnu li meta xi ħadd imut, hu jsir wieħed mill-ispirti taʼ l-antenati bl-abbiltà li jgħin jew jagħmel ħsara lill-ħajjin. Dan it-twemmin huwa konness mill-qrib mal-ħafna drawwiet tal-funerali. M’għandniex xi ngħidu, huwa normali li titnikket meta jmut xi ħadd. F’okkażjoni waħda, Ġesù u d-dixxipli tiegħu tnikktu minħabba l-mewt taʼ xi maħbubin. (Ġw. 11:33-35, 38; Atti 8:2; 9:39) Madankollu, qatt ma wrew espressjonijiet estremi taʼ niket li kienu komuni fi żmienhom. (Lq. 23:27, 28; 1 Tess. 4:13) Għala? Waħda mir-raġunijiet kienet li huma kienu jafu l-verità dwar il-mewt.
Il-Bibbja tgħid b’mod ċar: “Il-ħajjin jafu li għad imutu; imma l-mejtin ma jafu assolutament xejn . . . L-imħabba u l-mibegħda u l-għira tagħhom diġà għabu . . . La hemm xogħol, la ppjanar, la għarfien, u lanqas għerf fil-Qabar, il-post fejn int sejjer.” (Ekk. 9:5, 6, 10) Dawn il-versi Bibliċi ispirati jagħmluha ċara li meta xi ħadd imut ma jibqax konxju. Hu ma jistax jaħseb, iħoss, jikkomunika, jew jifhem xi ħaġa. Il-fatt li nifhmu din il-verità Biblika importanti kif se jeffettwa l-mod kif isiru l-funerali Kristjani?
“Tibqgħux Tmissu Dak li Mhux Nadif”
Minkejja l-isfond etniku jew kulturali, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jevitaw b’mod strett kwalunkwe drawwa li hija assoċjata mat-twemmin li l-mejtin huma konxji u jistgħu jinfluwenzaw lill-ħajjin. Drawwiet bħal meta xi ħadd jibqaʼ għassa mal-mejjet, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-funerali, l-anniversarji tal-funerali, is-sagrifiċċji għall-mejtin, u r-riti tar-romol huma kollha mhux nodfa u ma jogħġbux lil Alla minħabba li huma konnessi mat-tagħlim mhux Skritturali u demoniku li r-ruħ jew l-ispirtu ma jmutx. (Eżek. 18:4) Il-Kristjani veri ‘ma jistgħux jieħdu sehem mill-“mejda taʼ Ġeħova” u mill-mejda tad-demonji,’ u għalhekk ma jissiħbux f’dawn id-drawwiet. (1 Kor. 10:21) Huma jobdu l-kmand: “Oħorġu minn ġo nofshom, . . . u tibqgħux tmissu dak li mhux nadif.” (2 Kor. 6:17) Madankollu, li tieħu waqfa bħal din m’huwiex dejjem faċli.
Fl-Afrika u f’postijiet oħrajn, huwa komuni t-twemmin li jekk ċerti drawwiet ma jiġux segwiti, l-ispirti taʼ l-antenati joffendu ruħhom. Il-fatt li dawn ir-riti ma jsirux huwa kunsidrat bħala offiża serja li tistaʼ tirriżulta f’saħta jew fi sfortuna għall-komunità. Minħabba li jirrifjutaw li jipparteċipaw f’riti taʼ funerali mhux Skritturali, ħafna min-nies taʼ Ġeħova ġew kritikati, insultati, u trattati bħala wħud imkeċċijin mill-komunitajiet tal-villaġġi jew mill-familji estiżi tagħhom. Xi wħud ġew akkużati li huma antisoċjali u li juru diżrispett lejn il-mejtin. Kultant, dawk li ma jemmnux ħadu ħsieb bil-forza l-arranġamenti taʼ
funerali Kristjani. Għalhekk, kif nistgħu nevitaw konflitti maʼ dawk li jinsistu b’mod sod biex iżommu mad-drawwiet tal-funerali li ma jogħġbux lil Alla? U saħansitra iktar importanti minn hekk, x’nistgħu nagħmlu sabiex inżommu lilna nfusna separati minn riti u prattiki mhux nodfa li jistgħu jħassru r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova?Uri X’Inhi l-Waqfa Tiegħek b’Mod Ċar
F’xi partijiet tad-dinja hija drawwa li l-anzjani tat-tribù u l-qraba li m’humiex mill-familja immedjata jinvolvu ruħhom fid-deċiżjonijiet li jittieħdu dwar id-difna tal-mejtin. Għalhekk, Kristjan leali għandu jagħmilha ċara li l-funeral se jkun organizzat u se jsir mix-Xhieda taʼ Ġeħova skond il-prinċipji Bibliċi. (2 Kor. 6:14-16) Dak li jsir f’funeral Kristjan m’għandux jiddisturba l-kuxjenzi taʼ sħabna fit-twemmin jew ifixkel lil oħrajn li jafu x’nemmnu u x’ngħallmu dwar il-mejtin.
Meta rappreżentant tal-kongregazzjoni Kristjana tintalab biex tieħu ħsieb funeral, l-anzjani maħturin jistgħu joffru suġġerimenti t’għajnuna u jipprovdu appoġġ spiritwali sabiex l-arranġamenti kollha jkunu fi qbil mal-prinċipji Skritturali. Jekk xi wħud li m’humiex Xhieda jkunu jixtiequ jinkludu prattiki mhux nodfa, huwa vitali li tibqaʼ sod u b’kuraġġ tispjega l-waqfa tagħna bħala Kristjani b’qalb tajba u b’rispett. (1 Pt. 3:15) Imma xi ngħidu jekk xi qraba li ma jemmnux xorta jinsistu biex jinkludu riti mhux nodfa fl-arranġamenti? Imbagħad il-familja Kristjana tistaʼ tiddeċiedi li titlaq mill-funeral. (1 Kor. 10:20) Meta jiġri dan, għandu mnejn tingħata taħdita sempliċi tal-funeral fis-Sala tas-Saltna tal-lokal jew f’post xieraq ieħor sabiex jingħata “faraġ mill-Iskrittura” lil dawk li sinċerament huma mnikktin mill-mewt taʼ xi ħadd maħbub. (Rum. 15:4) Avolja l-ġisem tal-mejjet ma jkunx preżenti, arranġament bħal dan ikun dinjituż u assolutament xieraq. (Dt. 34:5, 6, 8) Indħil mhux xieraq minn dawk li ma jemmnux jistaʼ jżid maʼ l-istress u n-niket taʼ l-okkażjoni, imma nistgħu nsibu l-faraġ f’li nkunu nafu li d-determinazzjoni tagħna biex nagħmlu dak li hu tajjeb huwa notat minn Alla, il-Wieħed li jistaʼ jagħtina l-“qawwa iktar min-normal.”—2 Kor. 4:7.
Ħalli bil-Miktub Dak li Tixtieq
Meta individwu jħalli bil-miktub l-istruzzjonijiet persunali tiegħu rigward l-arranġamenti tal-funeral tiegħu, ikun iktar faċli biex tirraġuna mal-membri tal-familja li m’humiex Xhieda ladarba huma wisq probabbli se jirrispettaw ix-xewqat tal-mejjet. Xi dettalji importanti li jridu jitniżżlu bil-miktub huma kif għandu jsir il-funeral, fejn għandu jsir, u min biss għandu jkun awtorizzat li jorganizzah u jagħmlu. (Ġen. 50:5) L-iktar ħaġa effettiva hi li jkollok dokument iffirmat u li jkollok ix-xhieda. Dawk li jippjanaw għall-futur b’dehen u b’għerf ibbażati fuq il-prinċipji Bibliċi jafu li m’għandhomx għalfejn jistennew sakemm jixjieħu ħafna jew li jkollhom xi mard li ma jitfejjaqx qabel ma jikkunsidraw li jagħmlu dan.—Prov. 22:3; Ekk. 9:12.
Xi wħud ma ħassewhomx komdi jniżżlu dawn l-istruzzjonijiet f’dokument bil-miktub. Madankollu, meta dan isir ikun hemm evidenza taʼ maturità Kristjana u tħassib kollu mħabba għal oħrajn. (Flp. 2:4) Huwa ħafna aħjar li tieħu ħsieb dawn l-affarijiet int personalment milli tħalli arranġamenti bħal dawn jiġu setiljati minn membri tal-familja mnikktin li għandu mnejn issirilhom pressjoni biex jaċċettaw prattiki mhux nodfa li l-mejjet la kien jaċċetta u lanqas japprova.
Żomm il-Funeral Sempliċi
F’ħafna partijiet taʼ l-Afrika, hemm twemmin komuni li funeral għandu jkun kbir u impressjonanti sabiex l-ispirti taʼ l-antenati ma jirrabjawx. Oħrajn jużaw il-funerali bħala opportunità sabiex ‘jiffanfraw’ bl-istat soċjali u ekonomiku tagħhom. (1 Ġw. 2:16) Sabiex il-mejjet ikollu difna “xierqa,” jiġu dedikati ħafna ħin u sforzi kif ukoll ħafna riżorsi. Sabiex jiġbdu kemm jistaʼ jkun nies, jitpoġġew kartelluni kbar b’ritratt tal-mejjet f’postijiet differenti, u b’hekk isir reklam pubbliku tal-funeral. Jintgħamlu u jitqassmu flokkijiet bir-ritratt taʼ wiċċ il-mejjet sabiex ikunu jistgħu jintlibsu minn dawk li jkunu bil-vistu. Twiebet elaborati u li jiswew ħafna jinxtraw sabiex jimpressjonaw lil dawk li jkunu qed jaraw il-funeral. F’pajjiż Afrikan minnhom, xi wħud jaslu sal-punt li jagħmlu twiebet forma taʼ karozzi, ajruplani, dgħajjes, u oġġetti oħrajn sabiex juru l-ġid, il-kobor, u l-lussu tagħhom. Il-ġisem mejjet jistaʼ jitneħħa mit-tebut u jintwera fuq sodda mżejna b’mod speċjali. Mara tistaʼ tiġi mlibbsa libsa bajda tat-tieġ u tiġi mżejna b’ħafna ġojjelli, ġawhar, u makeup. Huwa xieraq għall-poplu t’Alla li jieħu sehem fi prattiki bħal dawn?
Kristjani maturi jaraw l-għerf li jevitaw l-estremi li jieħdu sehem fihom in-nies li la jafu l-prinċipji t’Alla u lanqas jimpurtahom minnhom. Aħna konxji li drawwiet u prattiki mhux xierqa u mhux Skritturali ‘ma joriġinawx mill-Missier, imma mid-dinja li qed tgħaddi.’ (1 Ġw. 2:15-17) Irridu noqogħdu attenti ħafna li ma ninġibdux lejn spirtu taʼ kompetizzjoni li m’huwiex Kristjan, billi nipprovaw inkunu aħjar minn oħrajn. (Gal. 5:26) L-esperjenza turi li meta l-biżaʼ mill-mejtin ikun parti importanti minn ħajja kulturali u soċjali taʼ xi pajjiż, il-funerali spiss ikunu kbar u diffiċli biex tieħu ħsiebhom, u għalhekk il-kontroll tas-sitwazzjoni malajr jistaʼ jintilef. Il-qima tal-mejtin tistaʼ malajr twassal lil dawk li ma jemmnux biex jieħdu sehem f’kondotta mhix nadifa. F’funerali bħal dawn, jistaʼ jkun hemm min jibki ħafna u bla kontroll, jgħannaq il-ġisem mejjet, jitkellem miegħu daqslikieku kien għadu ħaj, u jqiegħed flus u oġġetti oħrajn fuq il-ġisem. Li kieku dan kellu jiġri f’funeral Kristjan, kien iġib tmaqdir kbir fuq isem Ġeħova u l-poplu tiegħu.—1 Pt. 1:14-16.
Minħabba li nafu l-kundizzjoni vera tal-mejtin żgur li se jkollna l-kuraġġ biex il-funerali tagħna jkunu mingħajr ebda traċċa dinjija. (Efes. 4:17-19) Għalkemm Ġesù kien l-akbar u l-iktar raġel importanti li qatt għex, hu ndifen b’mod diskret u sempliċi. (Ġw. 19:40-42) Dawk li għandhom “il-moħħ taʼ Kristu” ma jħossux li huwa għajb li jkollok funeral sempliċi. (1 Kor. 2:16) Tabilħaqq, li nżommu l-funerali Kristjani sempliċi u raġunevoli huwa l-aħjar mod sabiex nevitaw dak li Skritturalment m’huwiex nadif u biex inżommu atmosfera kalma li hija dinjituża, f’postha, u xierqa għal dawk li jħobbu lil Alla.
Għandu Jkun Hemm Iffesteġġjar?
Wara d-difna, għandha mnejn tkun id-drawwa għal xi qraba, ġirien, u oħrajn li jinġabru fi gruppi kbar biex jiffesteġġaw u jiżfnu għal mużika tgħajjat. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet spiss huma assoċjati maʼ xorb żejjed u atti immorali. Xi wħud jirraġunaw li briju bħal dan jgħin biex ineħħi d-dwejjaq li ġġib magħha l-mewt. Oħrajn iħossu li din hija sempliċement parti mill-kultura tagħhom. Madankollu, ħafna jemmnu li xalar bħal dan huwa rit neċessarju li għandu jsir biex jonora u jfaħħar lill-mejtin u biex permezz tiegħu ruħ il-mejjet tinħeles u tkun tistaʼ tingħaqad maʼ l-antenati tagħha.
Il-Kristjani veri jaraw l-għerf li jinsab fit-twissija Skritturali: “Aħjar id-dwejjaq mid-daħq, għax minħabba wiċċ serju l-qalb issir aħjar.” (Ekk. 7:3) Iktar minn hekk, huma jafu l-benefiċċji li jiġu meta timmedita fil-kwiet fuq kemm hi qasira l-ħajja u fuq it-tama taʼ l-irxoxt. Tabilħaqq, għal dawk li għandhom relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova, “jum il-mewt aħjar minn jum it-twelid” tagħhom. (Ekk. 7:1) Għalhekk, minħabba li jafu li l-briju fil-funerali huwa assoċjat maʼ twemmin spiritistiku u m’attività immorali, verament ma jkunx xieraq li l-Kristjani veri jorganizzaw jew saħansitra jattendu ċelebrazzjonijiet bħal dawn. Jekk nissieħbu maʼ wħud li jħobbu jixxalaw fil-funerali nkunu qed nuru nuqqas taʼ rispett lejn Alla u lejn il-kuxjenzi taʼ sħabna l-aduraturi taʼ Ġeħova.
Ħalli lil Oħrajn Jaraw id-Distinzjoni
Kemm aħna grati li aħna meħlusin mill-biżaʼ mill-mejtin li jwaħħxek u li hu tant komuni fost dawk li huma fi dlam spiritwali! (Ġw. 8:32) Bħala “wlied id-dawl,” aħna nesprimu d-diqa u n-niket tagħna b’tali mod li jirrifletti tidwil spiritwali, b’mod li huwa raġunevoli, mimli rispett, u influwenzat mit-tama ċerta taʼ l-irxoxt. (Efes. 5:8; Ġw. 5:28, 29) Tama bħal din se żżommna milli niġu influwenzati mill-espressjonijiet eċċessivi taʼ niket li spiss juru dawk li “m’għandhomx tama.” (1 Tess. 4:13) Din se tagħtina l-kuraġġ biex nieħdu waqfa soda għall-qima pura, u ma nċedux għall-biżaʼ mill-bniedem.—1 Pt. 3:13, 14.
Jekk b’mod leali nimxu skond il-prinċipji Skritturali se nagħtu lin-nies l-opportunità li ‘jaraw id-distinzjoni bejn dawk li jaqdu lil Alla u dawk li ma jaqduhx.’ (Mal. 3:18) Xi darba, il-mewt ma tkunx iktar. (Riv. 21:4) Sakemm nistennew li sseħħ din il-wegħda grandjuża, jalla Ġeħova jsibna bla tebgħa, bla difett, u kompletament separati minn din id-dinja mill-agħar u l-prattiki tagħha li jiddiżonoraw lil Alla.—2 Pt. 3:14.
[Stampa f’paġna 30]
Huwa għaqli li nħallu bil-miktub x’inhuma x-xewqat persunali tagħna dwar l-arranġamenti tal-funeral
[Stampa f’paġna 31]
Il-funerali Kristjani għandhom ikunu sempliċi u dinjitużi