Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Kliem Ġesù Jippromwovi l-Hena

Kif Kliem Ġesù Jippromwovi l-Hena

“[Ġesù] telaʼ fuq il-​muntanja; u . . . id-​dixxipli tiegħu resqu lejh; . . . u beda jgħallimhom.”—MT. 5:1, 2.

1, 2. (a) Ġesù f’liema ċirkustanzi taha l-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja? (b) Ġesù kif beda d-​diskors tiegħu?

 HIJA s-​sena 31 E.K. Ġesù jinterrompi għal ftit il-​vjaġġ taʼ l-​ippridkar tiegħu fil-​Galilija biex josserva l-​Qbiż f’Ġerusalemm. (Ġw. 5:1) Imbagħad jirritorna lejn il-​Galilija u jitlob il-​lejl kollu għall-​gwida t’Alla biex jagħżel 12-il appostlu. L-​għada tinġabar folla hekk kif Ġesù jfejjaq lill-​morda. Flimkien mad-​dixxipli tiegħu u oħrajn li kienu preżenti, hu joqgħod bil-​qiegħda fuq ġenb taʼ muntanja u jibda jgħallem.—Mt. 4:23–5:2; Lq. 6:12-19.

2 Ġesù jibda d-​diskors tiegħu—il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja—billi juri li l-​hena jirriżulta milli wieħed ikollu relazzjoni tajba m’Alla. (Aqra Mattew 5:1-12.) L-​hena hu ‘stat taʼ benesseri li jvarja minn kuntentizza sa ferħ kbir.’ Id-​disaʼ kuntentizzi li lissen Ġesù jenfasizzaw għala l-​Kristjani huma henjin, u llum dan il-​kliem huwa taʼ benefiċċju daqskemm kien kważi 2,000 sena ilu. Ejja issa nikkunsidraw kull waħda minnhom.

“Dawk li Huma Konxji tal-​Bżonn Spiritwali Tagħhom”

3. Xi jfisser li nkunu konxji tal-​bżonn spiritwali tagħna?

3 “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, għax tagħhom hi s-​saltna tas-​smewwiet.” (Mt. 5:3) “Dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom” jirrealizzaw li huma foqra spiritwalment u jeħtieġu l-​ħniena t’Alla.

4, 5. (a) Dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom għala huma henjin? (b) Il-​bżonn spiritwali tagħna kif jistaʼ jiġi sodisfat?

4 Dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom huma henjin, “għax tagħhom hi s-​saltna tas-​smewwiet.” Minħabba li aċċettaw lil Ġesù bħala l-​Messija, id-​dixxipli tal-​bidu tiegħu nfetħitilhom il-​possibbiltà li jaħkmu miegħu fis-​Saltna t’Alla fis-​sema. (Lq. 22:28-30) Kemm jekk nittamaw personalment li nkunu werrieta sħab maʼ Kristu fis-​sema u kemm jekk inħarsu ’l quddiem lejn il-​ħajja taʼ dejjem f’Ġenna taʼ l-​art taħt il-​ħakma tas-​Saltna, nistgħu nkunu henjin jekk aħna verament konxji tal-​bżonn spiritwali tagħna u konxji bis-​sħiħ li niddependu minn Alla.

5 Mhux kulħadd hu konxju tal-​bżonn spiritwali tiegħu, għax ħafna m’għandhomx fidi u ma japprezzawx l-​affarijiet sagri. (2 Tess. 3:1, 2; Ebr. 12:16) Modi kif nissodisfaw il-​bżonn spiritwali tagħna jinkludu studju diliġenti tal-​Bibbja, attività żeluża fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli, u preżenza regulari fil-​laqgħat Kristjani.—Mt. 28:19, 20; Ebr. 10:23-25.

L-​Imnikktin li Huma “Henjin”

6. Min huma “l-​imnikktin,” u għala huma “henjin”?

6 “Henjin l-​imnikktin, għax għad jitfarrġu.” (Mt. 5:4) “L-​imnikktin” huma l-​istess tip taʼ nies bħal “dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.” M’humiex imnikktin fis-​sens li qed jilmentaw dwar xortihom fil-​ħajja. In-​niket tagħhom hu swied il-​qalb minħabba l-​istat midneb tagħhom stess u l-​kundizzjonijiet li jeżistu minħabba l-​imperfezzjoni umana. Dawn l-​imnikktin għala huma “henjin”? Għaliex jeżerċitaw il-​fidi f’Alla u fi Kristu u jiġu mfarrġin billi għandhom relazzjoni tajba maʼ Ġeħova.—Ġw. 3:36.

7. Kif għandna nħossuna dwar id-​dinja taʼ Satana?

7 Nitnikktu aħna individwalment għaliex il-​ħażen hu bla kontroll fid-​dinja taʼ Satana? Kif inħossuna tassew dwar dak li għandha x’toffri din id-​dinja? L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Kulma hemm fid-​dinja—ix-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja—ma joriġinax mill-​Missier.” (1 Ġw. 2:16) Imma xi ngħidu jekk inħossu li l-​ispiritwalità tagħna stess qed tiġi influwenzata mill-​“ispirtu tad-​dinja,” il-​forza li tqanqal u li tiddomina lis-​soċjetà umana mbiegħda minn Alla? Allura, ejja nitolbu bil-​ħrara, nistudjaw il-​Kelma t’Alla, u nfittxu l-​għajnuna taʼ l-​anzjani. Hekk kif nersqu eqreb lejn Ġeħova, se ‘nsibu l-​faraġ’ għalina nfusna, hu x’inhu dak li qed jikkaġunalna n-​niket.—1 Kor. 2:12; Salm 119:52; Ġak. 5:14, 15.

Kemm Huma Henjin il-​“Ġwejdin”!

8, 9. Xi jfisser li tkun ġwejjed, u l-​ġwejdin għala huma henjin?

8 “Henjin il-​ġwejdin, għax għad jirtu l-​art.” (Mt. 5:5) “It-​temperament ġwejjed,” jew l-​umiltà, ma jissuġġerix dgħjufija jew ġentilezza ipokrita. (1 Tim. 6:11) Jekk inkunu ġwejdin, se nuru l-​umiltà billi nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova u naċċettaw il-​gwida tiegħu. It-​temperament ġwejjed ikun evidenti wkoll fil-​mod kif nittrattaw maʼ sħabna fit-​twemmin u m’oħrajn. Din l-​umiltà hi f’armonija mal-​parir taʼ l-​appostlu Pawlu.—Aqra Rumani 12:17-19.

9 Il-​ġwejdin għala huma henjin? Għax “għad jirtu l-​art,” qal Ġesù li kien ġwejjed. Hu l-​Werriet prinċipali taʼ l-​art. (Salm 2:8; Mt. 11:29; Ebr. 2:8, 9) Madankollu, il-​“werrieta bi sħab maʼ Kristu,” li huma ġwejdin, ukoll se jirtu l-​art. (Rum. 8:16, 17) Fil-​qasam taʼ l-​art tas-​Saltna taʼ Ġesù, ħafna ġwejdin oħrajn se jgawdu ħajja taʼ dejjem.—Salm 37:10, 11.

10. In-​nuqqas taʼ ħlewwa kif jistaʼ jeffettwa l-​privileġġi tagħna taʼ servizz u r-​relazzjoni tagħna m’oħrajn?

10 Bħal Ġesù, aħna għandna nkunu ġwejdin. Imma xi ngħidu jekk aħna magħrufin li għandna spirtu ġelliedi? Attitudni aggressiva u ostili bħal din tistaʼ ġġiegħel lin-​nies jevitawna. Jekk aħna aħwa rġiel li nixtiequ li jkollna xi responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni, din il-​karatteristika tiskwalifikana. (1 Tim. 3:1, 3) Pawlu qal lil Titu biex jibqaʼ jfakkar lill-​Kristjani fi Kreta ħalli “ma jkunux ġellidin, imma jkunu raġunevoli, u kollhom ħlewwa maʼ kulħadd.” (Titu 3:1, 2) X’barka tkun din il-​ħlewwa għal oħrajn!

Bil-​Ġuħ għas-​“Sewwa”

11-13. (a) Xi jfisser li tkun bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa? (b) Dawk li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa kif “jimtlew”?

11 “Henjin dawk li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa, għax għad jimtlew.” (Mt. 5:6) Is-​“sewwa” li kellu f’moħħu Ġesù hu l-​kwalità taʼ li wieħed jagħmel dak li hu tajjeb billi jaġixxi fi qbil mar-​rieda u mal-​kmandamenti t’Alla. Is-​salmista qal li kien ‘tfarrak jixxennaq’ għad-​deċiżjonijiet ġudizzjarji ġusti t’Alla. (Salm 119:20) Napprezzawh aħna s-​sewwa tant li nkunu bil-​ġuħ u bil-​għatx għalih?

12 Ġesù qal li dawk li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għas-​sewwa għad ikunu henjin għaliex għad “jimtlew,” jew ikunu mxebbgħin għalkollox. Dan sar possibbli wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K., għax l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova dakinhar beda “jagħti prova konvinċenti lid-​dinja dwar . . . is-​sewwa.” (Ġw. 16:8) Permezz taʼ l-​ispirtu qaddis, Alla nebbaħ lil xi rġiel biex jiġbru u jgħaqqdu flimkien l-​Iskrittura Griega Kristjana, li tant hi taʼ ġid “biex . . . tiddixxiplina fis-​sewwa.” (2 Tim. 3:16) L-​ispirtu t’Alla jgħinna wkoll biex ‘nilbsu l-​personalità l-​ġdida li nħolqot skond ir-​rieda t’Alla fil-​ġustizzja vera.’ (Efes. 4:24) M’huwiex taʼ faraġ li nkunu nafu li dawk li bi ndiema jfittxu l-​maħfra għal dnubiethom fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù jistgħu jiksbu qagħda ġusta quddiem Alla?—Aqra Rumani 3:23, 24.

13 Jekk għandna tama għall-​art, il-​ġuħ u l-​għatx tagħna għas-​sewwa se jiġu mxebbgħin għalkollox meta ngawdu ħajja taʼ dejjem f’kundizzjonijiet sewwa u ġusti fuq l-​art. Sadanittant, ejja nkunu determinati li ngħixu f’armonija mal-​livelli taʼ Ġeħova. Ġesù qal: “Ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa” t’Alla. (Mt. 6:33) Meta nagħmlu dan, idejna jimtlew b’xogħol li jogħġob lil Alla u qalbna timtela bl-​hena veru.—1 Kor. 15:58.

Għala “Dawk li Jħennu” Huma Henjin

14, 15. Kif nistgħu nuru ħniena, u “dawk li jħennu” għala huma henjin?

14 “Henjin dawk li jħennu, għax għad jintwerew ħniena.” (Mt. 5:7) “Dawk li jħennu” jitqanqlu minħabba li jagħdru u jitħassru lil oħrajn. Ġesù mirakolożament fejjaq il-​mard taʼ ħafna għaliex tħassarhom. (Mt. 14:14) Il-​ħniena tidher f’sens ġudizzjarju meta n-​nies jaħfru lil dawk li jidinbu kontrihom, sewwasew bħalma Ġeħova bil-​ħniena jaħfer lil dawk li jindmu. (Eżo. 34:6, 7; Salm 103:10) Il-​ħniena nistgħu nuruha b’dan il-​mod u bi kliem ħelu u b’għemejjel li jġibu serħan lil individwi żvantaġġati. Mod mill-​aqwa kif nuru l-​ħniena hu billi naqsmu veritajiet Bibliċi m’oħrajn. Imqanqal mill-​ħasra għal folla, Ġesù “beda jgħallimhom ħafna affarijiet.”—Mk. 6:34.

15 Għandna għalxiex naqblu maʼ dak li qal Ġesù: “Henjin dawk li jħennu, għax għad jintwerew ħniena.” Jekk nittrattaw lil oħrajn bil-​ħniena, x’aktarx li huma se jittrattawna bl-​istess mod. Meta Alla jiġġudikana, hu għandu mnejn jagħżel li ma jgħaddix ġudizzju kontrina jekk inkunu wrejna ħniena m’oħrajn. (Ġak. 2:13) Il-​maħfra tad-​dnubiet u l-​ħajja eterna huma biss għal dawk li jħennu.—Mt. 6:15.

Għala “Dawk taʼ Qalbhom Safja” Huma Henjin

16. Xi jfisser li tkun ‘qalbek safja,’ u dawk li għandhom din il-​kwalità kif “jaraw lil Alla”?

16 “Henjin dawk taʼ qalbhom safja, għax għad jaraw lil Alla.” (Mt. 5:8) Jekk aħna ‘qalbna safja,’ is-​safa jkun evidenti f’dak li ngħożżu u fix-​xewqat u l-​motivi tagħna. Se nuru “mħabba li tiġi minn qalb nadifa.” (1 Tim. 1:5) Peress li aħna nodfa minn ġewwa, se ‘naraw lil Alla.’ Dan ma jfissirx neċessarjament li naraw lil Ġeħova letteralment, għax “ebda bniedem ma jistaʼ [jara lil Alla] u madankollu jibqaʼ ħaj.” (Eżo. 33:20) Minkejja dan, ladarba rrifletta perfettament il-​personalità t’Alla, Ġesù setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.” (Ġw. 14:7-9) Bħala l-​aduraturi taʼ Ġeħova fuq l-​art, aħna nistgħu ‘naraw lil Alla’ billi nosservawh jaġixxi għan-​nom tagħna. (Ġob 42:5) Għall-​Kristjani midlukin, il-​quċċata taʼ li jaraw lil Alla tintlaħaq meta jiġu rxoxtati għall-​ħajja fl-​ispirtu u attwalment jaraw lil Missierhom tas-​sema.—1 Ġw. 3:2.

17. Li nkunu qalbna safja x’effett se jkollu fuqna?

17 Peress li qalb safja hi nadifa moralment u spiritwalment, ma toqgħodx taħseb fuq affarijiet li m’humiex nodfa f’għajnejn Ġeħova. (1 Kron. 28:9; Is. 52:11) Jekk aħna qalbna safja, dak li ngħidu u nagħmlu jkun safi, u ma jkun hemm ebda ipokrisija fis-​servizz tagħna lil Ġeħova.

“Dawk li Jġibu l-​Paċi” Jsiru Wlied Alla

18, 19. “Dawk li jġibu l-​paċi” kif iġibu ruħhom?

18 “Henjin dawk li jġibu l-​paċi, għax għad jissejħu ‘wlied Alla.’” (Mt. 5:9) “Dawk li jġibu l-​paċi” jiġu identifikati minn dak li jagħmlu u minn dak li ma jagħmlux. Jekk aħna t-​tip taʼ nies li kellu f’moħħu Ġesù, aħna nġibu l-​paċi u ‘ma rroddux ħsara bi ħsara lil ħaddieħor.’ Minflok, ‘dejjem infittxu l-​ġid taʼ kulħadd.’—1 Tess. 5:15.

19 It-​terminu Grieg tradott “iġibu l-​paċi” f’Mattew 5:9 jfisser letteralment “jippromwovu l-​paċi.” Sabiex inkunu inklużi fost dawk li jġibu l-​paċi, irridu naħdmu għall-​paċi b’mod attiv. Dawk li jippromwovu l-​paċi ma jagħmlu xejn li “jifred lil dawk li jafu lil xulxin sew.” (Prov. 16:28) Bħala dawk li jġibu l-​paċi, aħna nieħdu passi pożittivi biex ‘inkunu fil-​paċi man-​nies kollha.’—Ebr. 12:14.

20. Illum min huma “wlied Alla,” u eventwalment min iktar se jsir in-​nisel t’Alla?

20 Dawk li jġibu l-​paċi huma henjin għaliex “għad jissejħu ‘wlied Alla.’” Il-​Kristjani midlukin li huma leali ġew adottati minn Ġeħova u huma “wlied Alla.” Diġà għandhom relazzjoni intima maʼ Ġeħova bħala wliedu għaliex jeżerċitaw il-​fidi fi Kristu u b’qalbhom kollha jqimu lill-​“Alla taʼ l-​imħabba u tal-​paċi.” (2 Kor. 13:11; Ġw. 1:12) Xi ngħidu għan-​“nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù li jġibu l-​paċi? Dawn se jkollhom lil Ġesù bħala l-​“Missier Etern” tagħhom matul ir-​Renju Millennjali tiegħu, imma fit-​tmiem taʼ dan ir-​renju hu se jissottometti ruħu lejn Ġeħova u huma se jsiru wlied Alla f’sens komplet.—Ġw. 10:16; Is. 9:6; Rum. 8:21; 1 Kor. 15:27, 28.

21. Kif se naġixxu jekk qed “ngħixu bl-​ispirtu”?

21 Jekk qed “ngħixu bl-​ispirtu,” waħda mill-​kwalitajiet li oħrajn jaraw sew fina tkun li nġibu l-​paċi. Ma nkunux qed “inqanqlu l-​kompetizzjoni bejnietna,” jew skond in-​New International Version ‘nipprovokaw lil xulxin.’ (Gal. 5:22-26) Minflok, nagħmlu ħilitna kollha biex ‘inżommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha.’—Rum. 12:18.

Henjin Għalkemm Persegwitati!

22-24. (a) X’inhuma r-​raġunijiet għall-​hena taʼ dawk li jiġu persegwitati minħabba s-​sewwa? (b) X’se nikkunsidraw fiż-​żewġ artikli għall-​istudju li ġejjin?

22 “Henjin dawk li ġew persegwitati minħabba s-​sewwa, għax tagħhom hi s-​saltna tas-​smewwiet.” (Mt. 5:10) Billi kompla jitkellem fuq dan, Ġesù żied: “Henjin intom meta n-​nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-​gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija. Thennew u aqbżu bil-​ferħ, għax il-​premju tagħkom hu kbir fis-​smewwiet; għax hekk kienu jippersegwitawhom lill-​profeti li ġew qabilkom.”Mt. 5:11, 12.

23 Bħall-​profeti li kellu Alla fil-​qedem, il-​Kristjani jistennew li jiġu mżebilħin, persegwitati, u li jingħad il-​gideb kontrihom—kollox “minħabba s-​sewwa.” Madankollu, billi nissaportu lealment provi bħal dawn, aħna jkollna s-​sodisfazzjon li nogħġbu u nonoraw lil Ġeħova. (1 Pt. 2:19-21) Is-​sofferenza tagħna ma tistax tnaqqas l-​għaxqa tagħna li naqdu lil Ġeħova la issa u lanqas fil-​futur. La tistaʼ tnaqqas l-​hena taʼ dawk li jaħkmu maʼ Kristu fis-​Saltna tas-​sema u lanqas il-​ferħ taʼ dawk li jingħataw ħajja taʼ dejjem bħala wieħed jew waħda mis-​sudditi fuq l-​art taʼ dan il-​gvern. Barkiet bħal dawn jipprovdu evidenza li Alla japprovana, iridilna l-​ġid, u hu ġeneruż magħna.

24 Hemm ħafna iktar x’nitgħallmu mill-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja. Diversi lezzjonijiet se jiġu kunsidrati fiż-​żewġ artikli għall-​istudju li ġejjin. Ejja naraw kif nistgħu napplikaw dan il-​kliem taʼ Ġesù Kristu.

Int Kif Twieġeb?

• “Dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom” għala huma henjin?

• X’inhuma r-​raġunijiet għall-​hena tal-​“ġwejdin”?

• Il-​Kristjani għala huma henjin minkejja li huma persegwitati?

• Liema waħda mill-​kuntentizzi li lissen Ġesù timpressjonak l-​iktar?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 7]

Id-​disaʼ kuntentizzi li enfasizza Ġesù huma taʼ benefiċċju llum daqskemm kienu dak iż-​żmien

[Stampa f’paġna 8]

Mod mill-​aqwa kif turi l-​ħniena hu billi taqsam veritajiet Bibliċi m’oħrajn