Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kliem Ġesù Jinfluwenzah it-Talb Tiegħek?

Kliem Ġesù Jinfluwenzah it-Talb Tiegħek?

“Meta Ġesù temm dan id-​diskors, ġara li l-​folol baqgħu mistagħġbin bil-​mod kif għallimhom.”—MT. 7:28.

1, 2. Il-​folol għala baqgħu mgħaġġbin bil-​mod kif għallem Ġesù?

 IL-​KLIEM taʼ Ġesù Kristu, l-​Iben uniġenitu t’Alla, għandna naċċettawh u napplikawh f’ħajjitna. Ċertament li ebda bniedem ieħor ma tkellem bħalma tkellem hu. Tant hu hekk li n-​nies baqgħu mgħaġġbin bil-​mod kif għallem fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja!—Aqra Mattew 7:28, 29.

2 Iben Ġeħova m’għallimx kif kienu jgħallmu l-​iskribi, li bbażaw id-​diskorsi twal tagħhom fuq it-​tagħlim taʼ bnedmin imperfetti. Kristu għallem “bħal wieħed li għandu l-​awtorità” għaliex dak li qal kien ġej minn Alla. (Ġw. 12:50) Għalhekk, ejja naraw kif il-​kliem l-​ieħor taʼ Ġesù fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja jistaʼ u għandu jinfluwenza t-​talb tagħna.

Qatt Titlob bħall-​Ipokriti

3. Għid fil-​qosor dak li qal Ġesù f’Mattew 6:5.

3 It-​talb hu parti importanti mill-​qima vera, u aħna għandna nitolbu lil Ġeħova regolarment. Imma t-​talb tagħna għandu jkun influwenzat mill-​kliem taʼ Ġesù fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja. Hu qal: “Meta titolbu, tkunux bħall-​ipokriti; għax dawn iħobbu jitolbu bil-​wieqfa fis-​sinagogi u fil-​kantunieri tat-​toroq prinċipali sabiex jarawhom in-​nies. Tassew ngħidilkom, Dawn qed jieħdu l-​premju tagħhom bis-​sħiħ.”Mt. 6:5.

4-6. (a) Il-​Fariżej għala kienu jieħdu pjaċir jitolbu “bil-​wieqfa fis-​sinagogi u fil-​kantunieri tat-​toroq prinċipali”? (b) Dawn l-​ipokriti kif kienu “qed jieħdu l-​premju tagħhom bis-​sħiħ”?

4 Meta jitolbu, id-​dixxipli taʼ Ġesù ma kellhomx jimitaw lil “ipokriti” bħalma kienu l-​Fariżej, nies ġusti f’għajnejhom stess li pprovaw iqarrqu b’ħaddieħor billi jippretendu li huma devoti. (Mt. 23:13-32) Dawn l-​ipokriti kienu jħobbu jitolbu “bil-​wieqfa fis-​sinagogi u fil-​kantunieri tat-​toroq prinċipali.” Għala? Sabiex “jarawhom in-​nies.” Il-​Lhud taʼ l-​ewwel seklu kellhom id-​drawwa li jitolbu bħala kongregazzjoni fil-​ħin taʼ l-​offerti tal-​ħruq fit-​tempju (madwar id-​disgħa taʼ fil-​għodu u t-​tlieta taʼ wara nofsinhar). Ħafna residenti taʼ Ġerusalemm kienu jitolbu flimkien maʼ folla t’aduraturi fil-​limiti tat-​tempju. ’Il barra minn din il-​belt, Lhud devoti spiss kienu jitolbu darbtejn kuljum waqt li kienu jkunu “bil-​wieqfa fis-​sinagogi.”—Qabbel Luqa 18:11, 13.

5 Ladarba l-​biċċa l-​kbira min-​nies ma kinux ikunu qrib it-​tempju jew xi sinagoga għat-​talb li għadu kif issemma, huma kienu jitolbu kulfejn kienu jinzertaw li jkunu dak il-​ħin. Xi wħud kienu jagħmlu ċert li fil-​ħin tat-​talb ikunu “fil-​kantunieri tat-​toroq prinċipali.” Huma riedu li “jarawhom in-​nies” li kienu jkunu għaddejjin minn dawk in-​naħat. L-​ipokriti li riduha taʼ qaddisin kienu “b’falzità joqogħdu jitolbu fit-​tul” sabiex ikunu ammirati minn dawk li jarawhom. (Lq. 20:47) Din m’hijiex l-​attitudni li għandu jkollna.

6 Ġesù ddikjara li dawn l-​ipokriti kienu “qed jieħdu l-​premju tagħhom bis-​sħiħ.” Huma xtaqu ħafna li jiġu rikonoxxuti u mfaħħrin minn sħabhom il-​bnedmin—u dan biss kienu se jiksbu. Kellu jkun il-​premju sħiħ tagħhom, għax Ġeħova ma kienx se jwieġeb it-​talb ipokritu tagħhom. Mill-​banda l-​oħra, Alla kien se jwieġeb it-​talb tas-​segwaċi veri taʼ Kristu, bħalma jidher minn stqarrija oħra taʼ Ġesù dwar dan is-​suġġett.

7. Xi jfisser il-​parir biex nitolbu f’‘kamritna’?

7 “Iżda int, meta titlob, idħol f’kamartek, agħlaq il-​bieb, u itlob lil Missierek li qiegħed fil-​moħbi; imbagħad Missierek li jara dak li hu moħbi se jroddlok lura.” (Mt. 6:6) It-​twissija taʼ Ġesù biex nitolbu f’kamra privata wara li nagħlqu l-​bieb ma kinitx tfisser li xi ħadd ma setax jirrappreżenta lil kongregazzjoni fit-​talb. Dan il-​parir kien maħsub biex jiskuraġġixxi t-​talb pubbliku li kien jiġi offrut biex jiġbed l-​attenzjoni lejn dak li kien ikun qed jitlob u biex dak li jkun jiġi mfaħħar minn oħrajn. Dan għandna niftakruh jekk ikollna l-​privileġġ li nirrappreżentaw lin-​nies t’Alla f’talb pubbliku. Ejja wkoll naġixxu fi qbil maʼ twissija oħra taʼ Ġesù dwar it-​talb.

8. Skond Mattew 6:7, liema talb mhux xieraq għandna nevitaw?

8 “Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-​istess ħaġa, bħalma jagħmlu n-​nies tal-​ġnus, għax dawn jimmaġinaw li se jinstemgħu għax jużaw ħafna kliem.” (Mt. 6:7) B’hekk, Ġesù semma mod ieħor kif it-​talb ma jkunx xieraq—ir-​ripetizzjoni. Hu ma riedx ifisser li qatt m’għandna nirripetu suppliki mill-​qalb u espressjonijiet taʼ radd il-​ħajr fit-​talb. Fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, fil-​lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù uża ripetutament “l-​istess kliem” fit-​talb.—Mk. 14:32-39.

9, 10. F’liema sens m’għandniex ngħidu talb ripetittiv?

9 Ikun ħażin jekk nimitaw it-​talb ripetittiv tan-​“nies tal-​ġnus.” Huma ‘jirripetu’ bl-​amment frażijiet li jinkludu ħafna kliem mhux neċessarju. Lill-​aduraturi taʼ Bagħal ma swielhom ebda ġid li qagħdu jsejħu l-​isem taʼ dak l-​alla falz “minn fil-​għodu sa nofsinhar, u jgħidu: ‘O Bagħal, wiġibna!’” (1 Slat. 18:26) Illum, miljuni sħaħ joffru talb twil u ripetittiv, billi jaħsbu għalxejn li “se jinstemgħu.” Imma Ġesù jgħinna nirrealizzaw li l-​użu taʼ “ħafna kliem” f’talb twil u ripetittiv ma jiswa xejn f’għajnejn Ġeħova. Ġesù qal ukoll:

10 “Għalhekk, tagħmlux bħalhom, għax Alla Missierkom jaf x’teħtieġu saħansitra qabel ma titolbuh.” (Mt. 6:8) Ħafna mexxejja reliġjużi Lhud kienu jużaw kliem żejjed meta jitolbu, u minħabba f’hekk it-​talb tagħhom kien bħal dak tal-​Ġentili. It-​talb mill-​qalb li jinkludi tifħir, radd il-​ħajr, u petizzjonijiet huwa parti importanti mill-​qima vera. (Flp. 4:6) Madankollu, ikun ħażin jekk nirripetu l-​istess affarijiet bil-​ħsieb li r-​ripetizzjoni hi bżonnjuża biex ngħidu lil Alla dwar il-​ħtiġijiet tagħna. Meta nitolbu, għandna niftakru li qed nindirizzaw lil Dak li ‘jaf x’neħtieġu saħansitra qabel ma nitolbuh.’

11. X’għandna niftakru jekk ikollna l-​privileġġ li noffru talb pubbliku?

11 Il-​kliem taʼ Ġesù dwar talb li m’huwiex aċċettabbli għandu jfakkarna li Alla ma jimpressjonax ruħu b’diskors bombastiku u bi kliem żejjed. Għandna nirrealizzaw ukoll li t-​talb pubbliku m’huwiex okkażjoni biex nipprovaw nimpressjonaw lil dawk li jisimgħuna jew inġegħluhom joqogħdu jaħsbu dwar kemm se ddum ma tispiċċa t-​talba. Il-​fatt li nużaw it-​talb biex nagħmlu xi avviż jew biex nagħtu xi parir lill-​udjenza wkoll ma jkunx f’armonija maʼ l-​ispirtu taʼ kliem Ġesù fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja.

Ġesù Jgħallimna Kif Nitolbu

12. Kif tispjegah int is-​sinifikat tar-​rikjesta “ħa jitqaddes ismek”?

12 Għalkemm wissa kontra li wieħed jabbuża mill-​privileġġ grandjuż tat-​talb, Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu kif jitolbu. (Aqra Mattew 6:9-13.) It-​talba mudell m’għandniex nitgħallmuha bl-​amment sabiex ngħiduha ripetutament. Minflok, tagħtina mudell għat-​talb tagħna stess. Per eżempju, Ġesù poġġa lil Alla l-​ewwel billi beda bil-​kliem: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek.” (Mt. 6:9) B’mod xieraq, aħna nindirizzaw lil Ġeħova bħala “Missierna” għax hu l-​Ħallieq tagħna, li jgħammar “fis-​smewwiet,” ferm ’il bogħod mill-​art. (Dt. 32:6; 2 Kron. 6:21; Atti 17:24, 28) L-​użu tat-​terminu fil-​plural “Missierna” għandu jfakkarna li sħabna fit-​twemmin ukoll għandhom relazzjoni mill-​qrib m’Alla. “Ħa jitqaddes ismek” hija petizzjoni biex Ġeħova jaġixxi ħalli jqaddes lilu nnifsu billi jnaddaf ismu minn kull tmaqdir li ġie mitfugħ fuqu mir-​ribelljoni fl-​Għeden ’l hawn. Biex iwieġeb din it-​talba, Ġeħova se jneħħi l-​ħażen minn fuq l-​art, u b’hekk iqaddes lilu nnifsu.—Eżek. 36:23.

13. (a) Ir-​rikjesta “ħa tiġi saltnatek” kif se titwettaq? (b) Il-​fatt li ssir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art x’se jinvolvi?

13 “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mt. 6:10) B’konnessjoni maʼ din ir-​rikjesta fit-​talba mudell, għandna niftakru li din is-​‘saltna’ hi l-​gvern Messjaniku fis-​sema f’idejn Kristu u l-​“qaddisin” irxoxtati mseħbin miegħu. (Dan. 7:13, 14, 18; Is. 9:6, 7) Il-​fatt li nitolbu biex “tiġi” hija rikjesta biex is-​Saltna t’Alla tiġi kontra dawk kollha fuq l-​art li jopponu l-​ħakma divina. Dan dalwaqt iseħħ u se jiftaħ it-​triq għal Ġenna taʼ l-​art globali taʼ ġustizzja, paċi, u prosperità. (Salm 72:1-15; Dan. 2:44; 2 Pt. 3:13) Ir-​rieda taʼ Ġeħova qed issir fis-​sema, u meta nitolbu biex issir fuq l-​art inkunu qed nitolbu bil-​ħrara biex Alla jwettaq l-​iskopijiet tiegħu rigward il-​pjaneta tagħna, inkluż it-​tneħħija taʼ l-​opponenti tiegħu llum bħalma għamel fil-​qedem.—Aqra Salm 83:1, 2, 13-18.

14. Għala hu xieraq li nitolbu għal “ħobżna għal dan il-​jum”?

14 “Agħtina llum ħobżna għal dan il-​jum.” (Mt. 6:11; Lq. 11:3) Meta nagħmlu din ir-​rikjesta bit-​talb inkunu qed nitolbu lil Alla biex jipprovdi l-​ikel neċessarju “għal dan il-​jum.” Dan jindika li għandna l-​fidi fl-​abbiltà taʼ Ġeħova li jieħu ħsieb il-​ħtiġijiet tagħna minn jum għal jum. M’hijiex talba għal provvedimenti iktar milli neħtieġu. Din ir-​rikjesta għall-​ħtiġijiet tagħna taʼ kuljum għandha mnejn tfakkarna li Alla kien ikkmanda lill-​Israelin biex jiġbru l-​manna “kull wieħed l-​ammont tiegħu minn jum għal jum.”—Eżo. 16:4.

15. Spjega xi tfisser ir-​rikjesta “aħfrilna d-​djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lil min kellu d-​dejn magħna.”

15 Ir-​rikjesta li jmiss fit-​talba mudell iddawrilna l-​attenzjoni lejn xi ħaġa li għandna bżonn nagħmlu. Ġesù qal: “Aħfrilna d-​djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lil min kellu d-​dejn magħna.” (Mt. 6:12) L-​evanġelju taʼ Luqa juri li dawn id-​“djun” huma ‘dnubiet.’ (Lq. 11:4) Huwa biss jekk diġà “ħfirna” lil dawk li dinbu kontrina li nistgħu nistennew li Ġeħova jaħfrilna. (Aqra Mattew 6:14, 15.) Għandna naħfru lil oħrajn mill-​qalb.—Efes. 4:32; Kol. 3:13.

16. Kif għandna nifhmuhom ir-​rikjesti rigward it-​tentazzjoni u l-​ħelsien mill-​Ħażin?

16 “Iddaħħalniex fit-​tentazzjoni, imma eħlisna mill-​Ħażin.” (Mt. 6:13) Kif għandna nifhmuhom dawn iż-​żewġ rikjesti li huma relatati fit-​talba mudell taʼ Ġesù? Ħaġa waħda hi ċerta: Ġeħova ma jittantaniex biex nagħmlu dnub. (Aqra Ġakbu 1:13.) Fir-​realtà, Satana—‘il-​Ħażin’—hu “t-​Tentatur.” (Mt. 4:3) Madankollu, il-​Bibbja titkellem dwar Alla bħala li qed jagħmel affarijiet li fir-​realtà hu sempliċement qed jippermettihom. (Rut 1:20, 21; Ekk. 11:5) Għalhekk, “iddaħħalniex fit-​tentazzjoni” hija petizzjoni biex Ġeħova ma jippermettilniex li nċedu meta niġu ttantati biex ma nobduhx. Fl-​aħħarnett, it-​talba ħerqana “eħlisna mill-​Ħażin” hija rikjesta biex Ġeħova ma jħallix lil Satana jfixkilna. U nistgħu nkunu fiduċjużi li ‘Alla ma jħalliniex niġu ttantati iktar milli nifilħu.’—Aqra l-1 Korintin 10:13.

‘Ibqaʼ Itlob, Fittex, Ħabbat’

17, 18. Xi jfisser li ‘tibqaʼ titlob, tfittex, u tħabbat’?

17 L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin: “Ipperseveraw fit-​talb.” (Rum. 12:12) Ġesù ta kmand simili meta ddikjara: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom. Għax kulmin jitlob jaqlaʼ, u kulmin ifittex isib, u kulmin iħabbat jinfetaħlu.” (Mt. 7:7, 8) Huwa xieraq li ‘tibqaʼ titlob’ għal kwalunkwe ħaġa li hi f’armonija mar-​rieda t’Alla. Fi qbil mal-​kliem taʼ Ġesù, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Din hi l-​fiduċja li għandna fih, li, kulma nitolbuh skond ir-​rieda tiegħu, hu jismagħna.”—1 Ġw. 5:14.

18 Il-​parir taʼ Ġesù biex ‘nibqgħu nitolbu u nfittxu’ jfisser li għandna nitolbu bis-​serjetà u ma niqfux nitolbu. Huwa bżonnjuż ukoll li ‘nibqgħu nħabbtu’ biex inkunu nistgħu nidħlu fis-​Saltna u ngawdu l-​barkiet, il-​benefiċċji, u l-​premjijiet tagħha. Imma nistgħu aħna nkunu fiduċjużi li Alla se jwieġeb it-​talb tagħna? Iva, nistgħu jekk inkunu leali lejn Ġeħova, għax Kristu qal: “Kulmin jitlob jaqlaʼ, u kulmin ifittex isib, u kulmin iħabbat jinfetaħlu.” Ħafna esperjenzi gawduti mill-​qaddejja taʼ Ġeħova juru li Alla hu verament “Semmiegħ it-​talb.”—Salm 65:2.

19, 20. Meta tqis il-​kliem taʼ Ġesù dokumentat f’Mattew 7:9-11, Ġeħova kif inhu bħal missier li jħobb?

19 Ġesù xebbah lil Alla maʼ missier li jħobb u li jipprovdi affarijiet tajbin għal nislu. Immaġina li kont preżenti għall-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja u smajt lil Ġesù jgħid: “Min hu dak il-​bniedem fostkom li jekk ibnu jitolbu l-​ħobż jagħtih ġebla? Jew, jekk forsi jitolbu ħuta jagħtih serp? Għalhekk, jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar Missierkom li hu fis-​smewwiet jagħti affarijiet tajbin lil dawk li jitolbuh!”Mt. 7:9-11.

20 Missier uman, għalkemm hu xi ftit jew wisq ‘ħażin’ minħabba d-​dnub li wiret, għandu affezzjoni naturali għal nislu. Mhux se jqarraq b’ibnu imma jagħmel ħiltu kollha biex jipprovdilu “għotjiet tajbin.” Missierna tas-​sema li jħobbna, li juri attitudni bħal taʼ missier lejna, jipprovdi “affarijiet tajbin,” bħalma hu l-​ispirtu qaddis tiegħu. (Lq. 11:13) Dan jistaʼ jsaħħaħna biex nagħtu servizz aċċettabbli lil Ġeħova, Dak li jipprovdi “kull għotja tajba u kull rigal perfett.”—Ġak. 1:17.

Kompli Bbenefika Minn Kliem Ġesù

21, 22. X’hemm li jispikka dwar il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, u kif tħossok int dwar dan il-​kliem taʼ Ġesù?

21 Il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja kienet tabilħaqq l-​aqwa taħdita li qatt ngħatat fuq l-​art. Hi rimarkevoli minħabba l-​kontenut spiritwali u ċ-​ċarezza tagħha. Kif jintwera mill-​punti li ħadna minnha f’din is-​serje t’artikli, aħna nistgħu nibbenefikaw bil-​kbir jekk napplikaw il-​pariri li fiha din il-​priedka. Dan il-​kliem taʼ Ġesù jistaʼ jtejbilna ħajjitna issa u jagħtina t-​tama taʼ futur hieni.

22 F’dawn l-​artikli, aħna eżaminajna biss ftit mill-​ħaġar prezzjuż spiritwali li hemm fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja li ta Ġesù. Mhux taʼ b’xejn li dawk li semgħu t-​taħdita tiegħu “baqgħu mistagħġbin bil-​mod kif għallimhom.” (Mt. 7:28) Bla dubju, din se tkun ukoll ir-​reazzjoni tagħna meta nimlew imħuħna u qlubna b’dan il-​kliem imprezzabbli u bi kliem imprezzabbli ieħor taʼ l-​Għalliem il-​Kbir, Ġesù Kristu.

Int Kif Twieġeb?

• Ġesù x’qal dwar talb ipokritu?

• Għala għandna nevitaw kliem ripetittiv meta nitolbu?

• It-​talba mudell taʼ Ġesù fiha liema rikjesti?

• Kif nistgħu ‘nibqgħu nitolbu, infittxu, u nħabbtu’?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 15]

Ġesù kkundanna lill-​ipokriti li talbu sempliċement biex ħaddieħor jarahom u jismagħhom

[Stampa f’paġna 17]

Taf għala hu xieraq li nitolbu għal ħobżna taʼ kuljum?