Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Punti Prinċipali mill-Ktieb tar-Rivelazzjoni—II

Punti Prinċipali mill-Ktieb tar-Rivelazzjoni—II

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

X’HEMM jistenna lil dawk li jqimu lil Alla Ġeħova u lil dawk li ma jqimuhx? X’futur hemm għal Satana u d-​demonji tiegħu? X’barkiet se tesperjenza l-​umanità ubbidjenti matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet u għal mistoqsijiet vitali oħrajn huma rivelati f’Rivelazzjoni 13:1–22:21. a F’dawn il-​kapitli hemm l-​aħħar 9 mis-​16-il viżjoni li l-​appostlu Ġwanni rċieva qrib it-​tmiem taʼ l-​ewwel seklu E.K.

“Hieni min jaqra b’leħen għoli u dawk li jisimgħu l-​kliem taʼ din il-​profezija,” jikteb Ġwanni, “u josservaw dak li hemm miktub fiha.” (Riv. 1:3; 22:7) Il-​qari u l-​applikar taʼ dak li nitgħallmu mill-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jistgħu jeffettwawlna qalbna, isaħħulna l-​fidi f’Alla u f’Ibnu, Ġesù Kristu, u jagħtuna tama sabiħa għall-​futur. bEbr. 4:12.

JITFERRGĦU S-​SEBAʼ BWIEQI TAR-​RABJA T’ALLA

(Riv. 13:1–16:21)

“Il-​ġnus imtlew bil-​korla,” jgħid Rivelazzjoni 11:18, “u ġiet il-​korla [t’Alla], u wasal iż-​żmien stabbilit . . . biex teqred lil dawk li qed jeqirdu l-​art.” Biex turi għala ġiet il-​korla t’Alla, it-​tmien viżjoni turi l-​attività taʼ “bhima salvaġġa . . . b’għaxart iqrun u b’sebat irjus.”—Riv. 13:1.

Fid-disaʼ viżjoni, Ġwanni jara “l-​Ħaruf wieqaf fuq il-​Muntanja Sijon,” u miegħu “mija u erbgħa u erbgħin elf.” Dawn “inxtraw minn fost il-​bnedmin.” (Riv. 14:1, 4) Imbagħad ikun hemm xi dikjarazzjonijiet anġeliċi. Fil-​viżjoni li jmiss, Ġwanni jara “sebaʼ anġli b’sebaʼ kastigi.” B’mod evidenti, Ġeħova nnifsu jikkmanda lil dawn l-​anġli biex ‘iferrgħu s-​sebaʼ bwieqi tar-​rabja t’Alla’ fuq diversi karatteristiki tad-​dinja taʼ Satana. Il-​bwieqi fihom dikjarazzjonijiet u twissijiet tal-​ġudizzji li Alla se jesegwixxi. (Riv. 15:1; 16:1) Dawn iż-​żewġ viżjonijiet jagħtu dettalji taʼ iktar ġudizzji tas-​Saltna konnessi mat-​tielet gwaj u mad-​daqq tas-​sebaʼ trumbetta.—Riv. 11:14, 15.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

13:8X’inhu r-​“romblu tal-​ħajja tal-​Ħaruf”? Dan hu romblu figurattiv li fih biss l-​ismijiet taʼ dawk li jaħkmu maʼ Ġesù Kristu fis-​Saltna tiegħu fis-​sema. Dan jinkludi l-​ismijiet tal-​Kristjani midlukin li għadhom fuq l-​art u li għandhom it-​tama li jirċievu l-​ħajja fis-​sema.

13:11-13—Il-​bhima salvaġġa b’żewġt iqrun kif taġixxi bħal dragun u ġġiegħel in-​nar jinżel mis-​sema? Il-​fatt li l-​bhima salvaġġa b’żewġt iqrun—il-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana—titkellem bħal dragun jindika li tuża t-​theddid, il-​pressjoni, u l-​vjolenza biex tisforza lin-​nies jaċċettaw il-​forma taʼ ħakma tagħha. Din il-​bhima ġġiegħel li nar jinżel mis-​sema fis-​sens li tassumi l-​irwol taʼ profeta billi ssostni li rebħet lill-​forzi tal-​ħażen fiż-​żewġ gwerer dinjin tas-​seklu 20 u li kellha rebħa fuq il-​Komuniżmu.

16:17X’inhi “l-​arja” li fuqha titferraʼ s-​sebaʼ bieqja? L-​“arja” tissimbolizza l-​ħsieb sataniku, “l-​ispirtu [l-inklinazzjoni mentali] li issa qed jaħdem f’ulied id-​diżubbidjenza.” Is-​sistema kollha kemm hi taʼ Satana qed tiblaʼ din l-​arja velenuża.—Efes. 2:2.

Lezzjonijiet Għalina

13:1-4, 18. “Bhima salvaġġa” li tissimbolizza l-​gvernijiet tal-​bniedem titlaʼ “mill-​baħar,” jiġifieri, mill-​mases instabbli taʼ bnedmin. (Is. 17:12, 13; Dan. 7:2-8, 17) Din il-​bhima, maħluqa u mogħtija l-​qawwa minn Satana, għandha n-​numru 666, li jenfasizza l-​imperfezzjoni tagħha. Meta nifhmu x’inhi din il-​bhima niġu megħjunin biex la nsegwuha b’ammirazzjoni u lanqas inqimuha kif jagħmlu l-​bnedmin in ġenerali.—Ġw. 12:31; 15:19.

13:16, 17. Minkejja t-​tbatijiet li nistgħu niltaqgħu magħhom meta nkunu għaddejjin b’attivitajiet taʼ kuljum bħal ‘li nixtru jew inbigħu,’ m’għandniex inċedu għall-​pressjonijiet u nħallu lill-​bhima salvaġġa taħkem lil ħajjitna. Jekk naċċettaw il-​‘marka tal-​bhima salvaġġa f’idna jew fuq ġbinna’ nkunu qisna qed nippermettu lill-​bhima salvaġġa tikkontrollalna l-​azzjonijiet tagħna jew teffettwalna l-​ħsibijiet tagħna.

14:6, 7. Il-​proklamazzjoni anġelika tgħallimna li għandna niddikjaraw b’urġenza l-​aħbar tajba tas-​Saltna stabbilita t’Alla. Għandna ngħinu lill-​istudenti tal-​Bibbja li nistudjaw magħhom biex jiżviluppaw biżaʼ bnin minn Alla u biex jagħtu glorja lil Ġeħova.

14:14-20. Meta “l-​prodott taʼ l-​art,” jiġifieri, il-​ħsad taʼ dawk li se jiġu salvati, ikun inġabar, se jkun wasal iż-​żmien biex l-​anġlu jitfaʼ l-​ġbir tad-​“dielja taʼ l-​art . . . fil-​magħsar taʼ l-​inbid il-​kbir tar-​rabja t’Alla.” Din id-​dielja—is-​sistema korrotta taʼ gvernijiet viżibbli taʼ Satana li tmexxi lill-​bnedmin, bl-​“għenieqed” tagħha taʼ frott mill-​agħar—imbagħad se tiġi meqruda għal dejjem. Aħna għandna nkunu determinati li ma niġux influwenzati mid-​dielja taʼ l-​art.

16:13-16. L-​“espressjonijiet imnebbħin, li ma kinux nodfa” jissimbolizzaw il-​propaganda demonika li l-​iskop tagħha hu li tagħmel ċert li s-​slaten taʼ l-​art ma jiġux influwenzati mit-​tferrigħ tas-​sebaʼ bwieqi tar-​rabja t’Alla, imma minflok jiġu manuvrati biex jopponu lil Ġeħova.—Mt. 24:42, 44.

16:21. Hekk kif joqrob it-​tmiem taʼ din id-​dinja, il-​proklamazzjoni tal-​ġudizzji taʼ Ġeħova kontra s-​sistema mill-​agħar taʼ Satana tistaʼ tinvolvi espressjonijiet verbali serji ħafna tal-​ġudizzji t’Alla, li x’aktarx tingħata stampa tagħhom mis-​silġ. Xorta waħda, il-​biċċa l-​kbira mill-​bnedmin se jkomplu jidgħu b’Alla.

IS-​SULTAN TRIJUNFANTI JAĦKEM

(Riv. 17:1–22:21)

“Babilonja l-​Kbira,” l-​imperudinji taʼ reliġjon falza, hija parti moqżieża mid-​dinja taʼ Satana. Il-​11-il viżjoni tagħti stampa tagħha bħala ‘prostituta kbira’—mara immorali—“bil-​qiegħda fuq bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat.” Hi għandha tiġi meqruda għalkollox mill-​“għaxart iqrun” taʼ l-​istess bhima li qed iġġorrha. (Riv. 17:1, 3, 5, 16) Billi xxebbah lil din il-​prostituta maʼ ‘belt kbira,’ il-​viżjoni li jmiss tħabbar il-​waqgħa tagħha u toħroġ għajta urġenti lin-​nies t’Alla biex ‘joħorġu minnha.’ Ħafna jitnikktu minħabba l-​waqgħa taʼ din il-​belt il-​kbira. Madankollu, fis-​sema hemm ferħ kbir minħabba “ż-​żwieġ tal-​Ħaruf.” (Riv. 18:4, 9, 10, 15-19; 19:7) Fit-​13-il viżjoni, ir-​rikkieb taʼ “żiemel abjad” joħroġ jiggwerra kontra l-​ġnus. Hu jtemm id-​dinja mill-​agħar taʼ Satana.—Riv. 19:11-16.

Xi ngħidu dwar “is-​serp oriġinali, li hu x-​Xitan u Satana”? Meta se jiġi “mixħut fl-​għadira tan-​nar”? Dan hu wieħed mis-​suġġetti taʼ l-​14-il viżjoni. (Riv. 20:2, 10) L-​aħħar żewġ viżjonijiet jagħtu idea taʼ kif se tkun il-​ħajja matul il-​Millennju. Hekk kif ir-​“rivelazzjoni” tasal fi tmiemha, Ġwanni jara ‘xmara taʼ ilma tal-​ħajja nieżla min-​nofs it-​triq il-​prinċipali,’ u toħroġ stedina meraviljuża għal “kulmin hu bil-​għatx.”—Riv. 1:1; 22:1, 2, 17.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

17:16; 18:9, 10—“Is-​slaten taʼ l-​art” għala jitnikktu minħabba dik l-​istess ħaġa li qerdu huma nfushom? Ir-​raġuni għan-​niket tagħhom hi biss egoistika. Wara l-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira, is-​slaten taʼ l-​art b’mod evidenti jibdew jirrealizzaw kemm kienet utli għalihom. Hi pprovditilhom skuża biex l-​għemejjel oppressivi tagħhom jidhru aċċettabbli reliġjożament. Babilonja l-​Kbira għenithom ukoll biex jingaġġaw żgħażagħ għall-​kampijiet tal-​battalja. Iktar minn hekk, hi kellha parti importanti biex iżżomm lin-​nies sottomessi.

19:12—Kif inhu li ħadd ħlief Ġesù nnifsu ma jaf l-​isem tiegħu li qatt ma tlissen? Dan l-​isem jidher li jirrappreżenta l-​pożizzjoni u l-​privileġġi, bħal dawk li nsibu f’Isaija 9:6, li Ġesù jgawdi matul jum il-​Mulej. Ħadd ma jaf dan l-​isem ħliefu fis-​sens li l-​privileġġi tiegħu huma uniċi u hu biss jistaʼ jifhem xi jfisser li jkollok pożizzjoni għolja bħal din. Madankollu, Ġesù jaqsam xi ftit minn dawn il-​privileġġi mal-​membri tal-​klassi taʼ l-​għarusa tiegħu, billi fil-​fatt ‘jikteb fuqhom l-​isem il-​ġdid tiegħu.’—Riv. 3:12.

19:14Min se jirkeb maʼ Ġesù f’Armageddon? Inklużi fost ‘l-​armati fis-​sema’ li jingħaqdu maʼ Ġesù fil-​gwerra t’Alla se jkun hemm l-​anġli kif ukoll il-​midlukin li kkonkwistaw u li diġà rċivew il-​premju tagħhom fis-​sema.—Mt. 25:31, 32; Riv. 2:26, 27.

20:11-15—L-​ismijiet taʼ min huma miktubin fir-​“romblu [jew, “fil-​ktieb”] tal-​ħajja”? Dan hu r-​romblu li fih l-​ismijiet taʼ dawk kollha li se jingħataw il-​ħajja taʼ dejjem—il-​Kristjani midlukin, il-​membri tal-​folla l-​kbira, u l-​qaddejja leali t’Alla li se jesperjenzaw ‘l-​irxoxt tan-​nies sewwa.’ (Atti 24:15; Riv. 2:10; 7:9) Dawk li se jerġgħu jieħdu l-​ħajja fl-​‘irxoxt tan-​nies li m’humiex sewwa’ se jkollhom isimhom miktub fir-​“romblu tal-​ħajja” biss jekk jaġixxu fi qbil maʼ “dak li kien miktub fir-​rombli” taʼ istruzzjonijiet li jinfetħu matul il-​Millennju. Madankollu, l-​ismijiet ma jinkitbux b’linka li ma titħassarx. L-​ismijiet tal-​midlukin isiru permanenti meta huma jagħtu prova tal-​fedeltà tagħhom sal-​mewt. (Riv. 3:5) L-​ismijiet taʼ dawk li jirċievu l-​ħajja fuq l-​art isiru permanenti meta jgħaddu mill-​prova finali fi tmiem l-​elf sena.—Riv. 20:7, 8.

Lezzjonijiet Għalina

17:3, 5, 7, 16. “L-​għerf li ġej minn fuq” jgħinna nifhmu “l-​misteru tal-​mara u tal-​bhima salvaġġa [lewn l-​iskarlat] li qed iġġorrha.” (Ġak. 3:17) Din il-​bhima salvaġġa simbolika bdiet bħala l-​Lega tan-​Nazzjonijiet u iktar tard reġgħet ħadet il-​ħajja bħala l-​Ġnus Magħquda. M’għandux il-​fatt li nistgħu nifhmu dan il-​misteru jqanqalna biex inkunu żelużi fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla u nipproklamaw jum il-​ġudizzju taʼ Ġeħova?

21:1-6. Aħna nistgħu nkunu assolutament ċerti li l-​barkiet li kienu mbassrin taħt il-​ħakma tas-​Saltna se jsiru realtà. Għala? Għaliex dwarhom jintqal: “Dan seħħ!”

22:1, 17. Ix-​“xmara taʼ ilma tal-​ħajja” tirrappreżenta l-​provvedimenti taʼ Ġeħova biex jeħles lill-​bnedmin ubbidjenti mid-​dnub u l-​mewt. Ftit minn dan l-​ilma huwa disponibbli issa. Jalla aħna mhux biss naċċettaw bi gratitudni l-​istedina biex niġu u ‘nieħdu l-​ilma tal-​ħajja b’xejn,’ imma wkoll nistiednu bil-​ħeġġa lil oħrajn biex jagħmlu l-​istess!

[Noti taʼ taħt]

b Għal konsiderazzjoni vers b’vers tal-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, ara l-​ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand!

[Stampa f’paġna 5]

X’barkiet meraviljużi se jesperjenzaw il-​bnedmin ubbidjenti taħt il-​ħakma tas-​Saltna!