Ġeħova Jistħoqqlu li Nfaħħruh Ilkoll Flimkien
“Faħħru lil Jah!”—SALM 111:1.
1, 2. Xi tfisser il-kelma “Alleluja,” u kif tintuża fl-Iskrittura Griega Kristjana?
“ALLELUJA!” Din l-esklamazzjoni tinstemaʼ kemm-il darba fil-knejjes tal-Kristjaneżmu. Xi wħud jużawha spiss din l-espressjoni fil-konversazzjonijiet taʼ kuljum tagħhom. Madankollu, ftit huma dawk li jafu t-tifsir sagru tagħha, u l-istil taʼ ħajja taʼ ħafna li jużawha jiddiżonora lil Alla. (Titu 1:16) Dizzjunarju Bibliku wieħed jispjega li “Alleluja” hija “kelma użata mill-kittieba taʼ diversi salmi biex jistiednu lil kulħadd jingħaqad magħhom ħalli jfaħħar lil Ġeħova.” Fil-fatt, għadd taʼ studjużi tal-Bibbja jindikaw li “Alleluja” tfisser “‘Faħħru lil Jah,’ [jiġifieri] Ġeħova.”
2 Wieħed jistaʼ jifhem għala fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida l-espressjoni li tinsab f’Salm 111:1 hi tradotta “Faħħru lil Jah!” Forma Griega taʼ din l-espressjoni tidher erbaʼ darbiet f’Rivelazzjoni 19:1-6 meta jiġi ċelebrat it-tmiem tar-reliġjon falza. Meta dan iseħħ, l-aduraturi veri se jkollhom raġuni speċjali biex jużaw l-espressjoni “Alleluja” b’rispett.
L-Għemejjel Kbar Tiegħu
3. X’inhu l-iskop prinċipali għala niltaqgħu flimkien regolarment?
3 Min ikkompona Salm 111 jagħti ħafna raġunijiet għala Ġeħova tant jistħoqqlu li nfaħħruh ilkoll flimkien. L-ewwel vers jgħid: “Jien se nfaħħar lil Ġeħova b’qalbi kollha fil-ġemgħa tal-ħbieb retti u fl-assemblea.” Illum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jħossuhom hekk ukoll. L-iskop prinċipali għala niltaqgħu flimkien regolarment, kemm fil-kongregazzjonijiet lokali u kemm fil-konvenzjonijiet kbar, hu biex infaħħru lil Ġeħova.
4. Il-bnedmin kif jistgħu jgħarblu l-għemejjel taʼ Ġeħova?
4 “L-għemejjel taʼ Ġeħova huma kbar, u dawk kollha li jitgħaxxqu bihom jgħarbluhom.” (Salm 111:2) Innota l-kelma “jgħarbluhom.” Skond xogħol taʼ referenza, il-vers jistaʼ japplika għal bnedmin li jagħmlu l-għemejjel t’Alla “l-mira taʼ meditazzjoni u studju bis-serjetà u b’devozzjoni.” Il-ħolqien taʼ Ġeħova għandu skop meraviljuż. Hu poġġa x-xemx, l-art, u l-qamar f’posthom, kollha f’relazzjoni xierqa maʼ xulxin, u b’hekk l-art tagħna hi provduta bis-sħana u bid-dawl, bil-lejl u bin-nhar, bl-istaġuni u bit-tifrigħ u l-mili tal-baħar.
5. L-avanzi li għamel il-bniedem biex jifhem l-univers xi rrivelaw?
5 Ix-xjenzati skoprew ħafna dwar il-pożizzjoni taʼ l-art fis-sistema solari tagħna kif ukoll dwar l-orbita, id-daqs, u l-massa tal-qamar kbir tagħna li huma perfetti. L-arranġament taʼ dawn l-oġġetti fis-sema u r-relazzjoni li għandhom bejniethom jagħmluha possibbli li l-istaġuni jinbidlu regolarment u b’mod sabiħ. Ukoll, sirna nafu ħafna dwar kemm il-forzi naturali huma disinjati bi preċiżjoni fl-univers. B’hekk, f’artiklu intitolat “The Designed ‘Just So’ Universe,” professur taʼ l-inġinerija mekkanika osserva: “Hu faċli biex tifhem għala tant u tant xjenzati biddlu l-opinjoni tagħhom f’dawn l-aħħar 30 sena, billi qablu li jrid ikollok fidi kbira biex temmen li l-univers jistaʼ jiġi spjegat bħala xejn iktar minn inċident kosmiku li seħħ b’kumbinazzjoni. L-evidenza li hemm disinjatur intelliġenti ssir iktar konvinċenti iktar ma nifhmu kemm l-art tagħna saret b’sengħa u b’attenzjoni.”
6. Kif tħossok dwar il-mod kif Alla għamel lill-bniedem?
6 Għemil kbir ieħor tal-ħolqien huwa l-mod kif għamilna Alla. (Salm 139:14) Meta għamel il-bnedmin, hu tahom moħħ, ġisem b’sett sħiħ t’organi neċessarji, u l-abbiltà u l-kapaċità li jagħmlu x-xogħol. Per eżempju, hemm il-miraklu involut fl-abbiltajiet mogħtijin minn Alla biex nitkellmu u nisimgħu, kif ukoll biex niktbu u naqraw. Ħafna nies għandhom dawn l-abbiltajiet. Għandek ukoll ġisem li għandu l-abbiltà li jieqaf dritt—kapulavur meraviljuż taʼ kostruzzjoni. Tabilħaqq, id-disinn u l-bilanċ taʼ ġismek, il-mod mekkaniku kif jiffunzjona u l-kimika tiegħu, iħalluk b’ħalqek miftuħ. Iktar minn hekk, il-mod taʼ l-għaġeb kif in-nervituri huma konnessi maʼ xulxin, u b’hekk moħħok u s-sensi tiegħek jistgħu jiffunzjonaw, hu ferm superjuri għal dak li wettqu x-xjenzati. Fil-fatt, dak li jirnexxilhom iwettqu l-bnedmin hu possibbli biss minħabba l-moħħ u s-sensi li bihom huma mogħnijin. Saħansitra l-iktar inġinier imħarreġ u kapaċi qatt ma setaʼ jimmanifattura xi ħaġa sabiħa u utli daqs l-għaxar lievi disinjati b’mod meraviljuż—is-swabaʼ taʼ idejk u taʼ saqajk. Staqsi lilek innifsek, ‘Setgħu l-kapulavuri impressjonanti taʼ l-arti u tal-kostruzzjoni jsiru mingħajr l-użu bis-sengħa tas-swabaʼ mogħtijin minn Alla?’
L-Għemejjel Kbar t’Alla u l-Kwalitajiet Tiegħu
7. Għala għandna nqisu l-Bibbja bħala wieħed mill-għemejjel kbar t’Alla?
7 L-għemejjel kbar taʼ Ġeħova jinkludu affarijiet taʼ l-għaġeb oħrajn li hu għamel għall-bnedmin, kif inhuma deskritti fil-Bibbja. Dan il-ktieb stess hu kapulavur u l-kotba li fih huma f’armonija sħiħa. Kuntrarju għal kwalunkwe ktieb ieħor, hu tabilħaqq ‘imnebbaħ minn Alla u jiswa biex jgħallem.’ (2 Tim. 3:16) Per eżempju, Ġenesi, l-ewwel ktieb tal-Bibbja, jispjega kif Alla naddaf l-art mill-ħażen fi żmien Noè. Eżodu, it-tieni ktieb, juri kif Ġeħova vvindika d-Divinità tiegħu billi ħeles lil Israel mill-jasar fl-Eġittu. Is-salmista x’aktarx li kellu dawn il-ġrajjiet f’moħħu meta tqanqal biex jgħid: “L-attività [taʼ Ġeħova] mimlija dinjità u glorja, u s-sewwa tiegħu jibqaʼ għal dejjem. Hu waqqaf tifkira bl-għemejjel tiegħu taʼ l-għaġeb. Ġeħova grazzjuż u ħanin.” (Salm 111:3, 4) Ma taqbilx int li l-attività taʼ Ġeħova matul l-istorja, inkluż l-affarijiet li saru f’għomrok, hi tifkira għad-“dinjità u [l-]glorja” tiegħu?
8, 9. (a) L-għemejjel t’Alla b’liema mod huma differenti minn ħafna għemejjel tal-bniedem? (b) Liema huma ftit mill-kwalitajiet t’Alla li tapprezza int?
8 Innota li s-salmista jenfasizza wkoll il-kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova, bħalma huma s-sewwa, il-grazzja, u l-ħniena. Int taf li l-għemejjel tal-bnedmin midinbin rari jkunu bbażati fuq is-sewwa. Spiss jesprimu regħba, għira, u kburija. Dan hu evidenti mill-armi makabri li jipproduċu l-bnedmin għall-gwerer li jqajmu huma u għal qligħ ekonomiku. Dawn iġibu miżerja kbira u orrur li ma bħalu lil miljuni taʼ vittmi innoċenti. Ukoll, ħafna għemejjel umani twettqu għad-dannu tal-foqra maħqurin. Eżempju li ħafna għandhom mnejn isemmu hu l-użu taʼ l-ilsiera biex jibnu l-piramidi. Dawn servew prinċipalment bħala postijiet għad-dfin għall-Fargħunijiet imkabbrin. Iktar minn hekk, ħafna mill-għemejjel tal-bnedmin fi żmienna m’humiex biss oppressivi imma wkoll “qed jeqirdu l-art.”—Aqra Rivelazzjoni 11:18.
9 Kemm huma differenti l-għemejjel taʼ Ġeħova, li dejjem huma bbażati fuq dak li hu sewwa! L-għemejjel tiegħu jinkludu l-provvediment mimli ħniena għas-salvazzjoni tal-bnedmin midinbin. Meta pprovda l-fidwa, Alla kien qed “juri l-ġustizzja tiegħu.” (Rum. 3:25, 26) Tabilħaqq, “is-sewwa tiegħu jibqaʼ għal dejjem”! Mill-mod kif ittratta bil-paċenzja lill-bnedmin midinbin nistgħu naraw kemm hu grazzjuż Alla. Kultant, hu saħansitra uża l-espressjoni “jekk jogħġbok” meta kien jitlobhom bil-ħniena biex iduru lura mit-triqat ħżiena tagħhom u jagħmlu dak li hu sewwa.—Aqra Eżekjel 18:25.
Leali Lejn il-Wegħdi Tiegħu
10. Ġeħova liema eżempju taʼ fedeltà ta rigward il-patt tiegħu m’Abraham?
10 “Ta l-ikel lil dawk li jibżgħu minnu. Għal żmien indefinit se jibqaʼ jiftakar fil-patt tiegħu.” (Salm 111:5) Donnu jidher li s-salmista hawnhekk irrefera għall-patt Abrahamiku. Ġeħova wiegħed li jbierek lil nisel Abraham u qal li dan in-nisel għad jieħu f’idejh bieb l-għedewwa tiegħu. (Ġen. 22:17, 18; Salm 105:8, 9) Fl-ewwel twettiq taʼ dawn il-wegħdi, in-nisel t’Abraham sar il-ġens taʼ Israel. Dan il-ġens dam żmien twil fil-jasar fl-Eġittu, imma mbagħad “Alla ftakar fil-patt tiegħu m’Abraham” u ħelishom. (Eżo. 2:24) Il-mod kif Ġeħova mbagħad ittratta magħhom juri kemm hu ġeneruż. Hu pprovda ikel għal ġisimhom u ikel spiritwali għal imħuħhom u qlubhom. (Dt. 6:1-3; 8:4; Neħ. 9:21) Fis-sekli taʼ wara, il-ġens spiss tbiegħed minn Alla, għalkemm Hu bagħat profeti biex iħeġġiġhom jiġu lura. Iktar minn 1,500 sena wara li ħeles lill-Israelin mill-Eġittu, Alla bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fuq l-art. Il-maġġuranza mil-Lhud ċaħdu lil Ġesù u ħallewh jiġi maqtul. Imbagħad Ġeħova fforma ġens ġdid, wieħed spiritwali, “l-Israel t’Alla.” Flimkien maʼ Kristu, dan il-ġens jifforma n-nisel spiritwali t’Abraham, li Ġeħova bassar li kien se jużah biex ibierek lill-bnedmin.—Gal. 3:16, 29; 6:16.
11. Ġeħova kif ikompli ‘jiftakar fil-patt tiegħu’ m’Abraham?
11 Ġeħova jkompli ‘jiftakar fil-patt tiegħu’ u fil-barkiet li wiegħed permezz tiegħu. Illum, hu qed jipprovdi provvista abbundanti taʼ ikel spiritwali f’iktar minn 400 lingwa. Ukoll, hu jkompli jwieġeb it-talb dwar il-ħtiġijiet fiżiċi tagħna, fi qbil mal-kliem: “Agħtina ħobżna għal dan il-jum skond il-bżonn taʼ dan il-jum.”—Lq. 11:3; Salm 72:16, 17; Is. 25:6-8.
Il-Qawwa t’Alla Hi taʼ l-Għaġeb
12. Israel tal-qedem b’liema mod ngħatalu “l-wirt tal-ġnus”?
12 “Hu wera l-qawwa tiegħu lil niesu b’dak li għamel, billi tahom il-wirt tal-ġnus.” (Salm 111:6) Ġrajja waħda li tispikka fl-istorja taʼ Israel li s-salmista forsi kellu f’moħħu kienet il-ħelsien mirakoluż tagħhom mill-Eġittu. Meta Ġeħova fl-aħħarnett ħalla lill-Israelin jidħlu fl-Art Imwiegħda, huma setgħu jegħlbu lil saltniet fuq in-naħa tal-lvant u n-naħa tal-punent tax-Xmara Ġordan. (Aqra Neħemija 9:22-25.) Iva, Ġeħova ta “l-wirt tal-ġnus” lil Israel. X’wirja tal-qawwa t’Alla!
13, 14. (a) Liema wirja tal-qawwa t’Alla f’konnessjoni maʼ Babilonja setaʼ kellu f’moħħu s-salmista? (b) Ġeħova liema atti kbar taʼ ħelsien oħrajn wettaq?
13 Iżda, aħna nafu tajjeb li, minkejja kulma għamel Ġeħova għan-nom tagħhom, l-Israelin la wrew rispett lejh u lanqas lejn l-antenati tagħhom Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Huma baqgħu jirribellaw sakemm Alla uża lil Babilonja biex ineħħihom minn pajjiżhom u jiħodhom fl-eżilju. (2 Kron. 36:15-17; Neħ. 9:28-30) Jekk, bħalma jissuġġerixxu xi studjużi tal-Bibbja, min ikkompona Salm 111 għex wara li Israel ġie lura mill-eżilju f’Babilonja, hu kellu iktar għalxiex ifaħħar lil Ġeħova għal-lealtà u l-qawwa Tiegħu. Alla wera dawn il-kwalitajiet billi ħeles lil-Lhud minn Babilonja—imperu li kellu l-politika li ma jeħlisx lill-imjassrin.—Is. 14:4, 17.
14 Xi ħames sekli wara, Ġeħova uża l-qawwa tiegħu b’mod saħansitra akbar billi ħeles lil bnedmin li nidmu mill-jasar għad-dnub u l-mewt. (Rum. 5:12) Riżultat wieħed kien li nfetħet it-triq għal 144,000 bniedem biex isiru segwaċi taʼ Kristu midlukin bl-ispirtu. Fl-1919 Ġeħova uża l-qawwa tiegħu biex jeħles lil fdal żgħir, li kien hemm minn dawn il-midlukin, mill-jasar għar-reliġjon falza. Dak li wettqu matul dan iż-żmien taʼ l-aħħar jistaʼ jiġi attribwit biss lill-qawwa t’Alla. Jekk juru li huma leali sal-mewt, huma se jaħkmu maʼ Ġesù Kristu mis-sema għal fuq l-art għall-benefiċċju tal-bnedmin li jindmu. (Riv. 2:26, 27; 5:9, 10) Dawn se jirtu l-art b’mod ferm iktar estensiv milli wiritha Israel tal-qedem.—Mt. 5:5.
Prinċipji Għal Dejjem u taʼ Min Jafdahom
15, 16. (a) X’hemm inkluż fost għemil idejn Alla? (b) Alla liema ordnijiet tah lil Israel tal-qedem?
15 “Għemil idejh hu veru u ġust; taʼ min jafdahom huma l-ordnijiet kollha li jagħti, miżmumin sew għal dejjem, għal żmien indefinit, magħmulin bil-verità u b’mod rett.” (Salm 111:7, 8) Inklużi fost ‘għemil idejn’ Ġeħova kien hemm żewġ twavel tal-ġebel li fuqhom kellhom imnaqqxin għaxar liġijiet importanti għal Israel. (Eżo. 31:18) Dawn il-liġijiet, flimkien mar-regolamenti l-oħrajn kollha li saru parti mill-patt tal-Liġi Mosajka, huma bbażati fuq prinċipji eterni taʼ min jafdahom.
16 Per eżempju, waħda mill-ordnijiet, jew liġijiet, fuq dawk it-twavel kienet tgħid: “Jien Ġeħova Alla tiegħek, jien Alla li nesiġi devozzjoni esklużiva.” Tgħid ukoll li Ġeħova jeżerċita ‘l-qalb tajba bl-imħabba sa l-elf ġenerazzjoni fil-każ taʼ dawk li jħobbuh u jħarsu l-kmandamenti tiegħu.’ It-twavel tal-ġebel kien fihom ukoll prinċipji għal kull żmien bħal “onora lil missierek u lil ommok” u “tisraqx,” kif ukoll il-liġi li tirrifletti dehen profond li pprojbiet li wieħed jixxennaq għal dak li hu taʼ ħaddieħor.—Eżo. 20:5, 6, 12, 15, 17.
Il-Feddej Qaddis Tagħna li Jqanqal il-Biżaʼ
17. L-Israelin liema raġunijiet kellhom biex jittrattaw l-isem t’Alla bħala qaddis?
17 “Hu bagħat il-ħelsien lill-poplu tiegħu. Hu kkmanda li l-patt tiegħu jibqaʼ għal żmien indefinit. Ismu qaddis u jqanqal il-biżaʼ.” (Salm 111:9) Għal darb’oħra, is-salmista forsi kellu f’moħħu l-lealtà taʼ Ġeħova lejn il-wegħda bħala patt li saret lil Abraham. Fi qbil maʼ dan, Ġeħova m’abbandunax lill-poplu tiegħu, la meta l-ewwel kienu lsiera fl-Eġittu tal-qedem u lanqas meta iktar tard kienu mjassrin f’Babilonja. Fiż-żewġ każi, Alla ħeles lill-poplu tiegħu. Anki għal dawn iż-żewġ twettiqiet biss, Israel missu ttratta l-isem t’Alla bħala qaddis.—Aqra Eżodu 20:7; Rumani 2:23, 24.
18. Għala tħoss li hu privileġġ li ġġorr l-isem t’Alla?
18 Illum, l-istess hu minnu dwar il-Kristjani li ġew meħlusin mill-jasar bla tama għad-dnub u l-mewt. Għandna nagħmlu l-almu kollu tagħna biex ngħixu fi qbil maʼ l-ewwel rikjesta fit-talba mudell: “Ħa jitqaddes ismek.” (Mt. 6:9) Il-fatt li nimmeditaw fuq dan l-isem glorjuż għandu jqanqal ġo fina l-biżaʼ t’Alla. Il-kittieb taʼ Salm 111 kellu l-ħarsa korretta lejn il-biżaʼ t’Alla, għax stqarr: “Il-biżaʼ taʼ Ġeħova hu l-bidu taʼ l-għerf. Dawk kollha li jwettqu ordnijietu [iżommu l-kmandamenti tiegħu] għandhom dehen kbir.”—Salm 111:10.
19. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
19 Biżaʼ bnin minn Alla se jgħinna nobogħdu dak li hu ħażin. Se jgħinna wkoll nimitaw il-kwalitajiet sbieħ t’Alla li jidhru f’Salm 112, li se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss. Dan is-salm juri kif nistgħu nikkwalifikaw biex inkunu fost il-miljuni li se jieħdu pjaċir ifaħħru lil Alla għal dejjem. Hu ma jistħoqqlu xejn inqas. “Tifħiru jibqaʼ għal dejjem.”—Salm 111:10.
Mistoqsijiet għall-Meditazzjoni
• Ġeħova għala jistħoqqlu li nfaħħruh ilkoll flimkien?
• Liema kwalitajiet taʼ Ġeħova huma rivelati fl-għemejjel tiegħu?
• Kif tqisu int il-privileġġ li ġġorr l-isem t’Alla?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 20]
L-iskop prinċipali tagħna għala niltaqgħu flimkien regolarment hu biex infaħħru lil Ġeħova
[Stampa f’paġna 23]
Il-liġijiet kollha taʼ Ġeħova huma bbażati fuq prinċipji eterni taʼ min jafdahom