Il-Ġusti Se Jfaħħru lil Alla Għal Dejjem
“Il-ġust ikun miftakar . . . Il-ġustizzja tiegħu tibqaʼ għal dejjem.” —SALM 112:6, 9.
1. (a) X’futur hieni hemm jistenna lil dawk kollha li Alla jqishom bħala li huma ġusti? (b) Liema mistoqsija tqum?
X’FUTUR meraviljuż hemm jistenna lill-bnedmin kollha li Alla jqishom bħala li huma ġusti! Se jitgħaxxqu jitgħallmu iktar dwar il-kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova għal dejjem. Qlubhom ifuru b’tifħir hekk kif jitgħallmu dejjem iktar dwar l-għemejjel taʼ ħolqien t’Alla. Waħda mill-ħtiġijiet prinċipali sabiex jesperjenzaw dak il-futur glorjuż hi l-“ġustizzja,” li hi enfasizzata f’Salm 112. Imma kif jistaʼ Ġeħova, l-Alla qaddis u ġust, iqis lill-bnedmin midinbin bħala ġusti? Nipprovaw kemm nipprovaw biex nagħmlu dak li hu sewwa, xorta nagħmlu l-iżbalji, u kultant żbalji serji.—Rum. 3:23; Ġak. 3:2.
2. Liema huma żewġ mirakli li Ġeħova wettaq sforz l-imħabba li għandu?
2 Bi mħabba, Ġeħova pprovda soluzzjoni perfetta. Kif? L-ewwel, billi wettaq il-miraklu li jittrasferixxi l-ħajja taʼ Ibnu l-maħbub mis-sema għal ġol-ġuf taʼ verġni sabiex ikun jistaʼ jitwieled bħala bniedem perfett. (Lq. 1:30-35) Imbagħad, wara li Ġesù ngħata l-mewt mill-għedewwa tiegħu, Ġeħova wettaq miraklu ieħor li jispikka. Alla qajjem lil Ġesù lura għall-ħajja bħala ħliqa spirtu glorjuża.—1 Pt. 3:18.
3. Alla għala kien kuntent li jippremja lil Ibnu b’ħajja fis-sema?
3 Ġeħova ppremja lil Ġesù b’xi ħaġa li Ibnu ma kellux meta kien jeżisti qabel ma sar bniedem—ħajja li ma tinqeridx fis-sema. (Ebr. 7:15-17, 28) Ġeħova kien kuntent jagħmel dan għax Ġesù kien żamm integrità perfetta fi provi ħorox. B’hekk, Ġesù lil Missieru pprovdielu l-aqwa tweġiba, iva l-waħda kompleta, għall-gidba taʼ Satana li l-bnedmin jaqdu lil Alla b’motivi egoistiċi u mhux bi mħabba li ma tintemmx.—Prov. 27:11.
4. (a) Malli mar lura fis-sema, Ġesù x’għamel għalina, u Ġeħova kif wieġeb? (b) Kif tħossok dwar dak li għamlu għalik Ġeħova u Ġesù?
4 Fis-sema, Ġesù għamel iktar minn hekk. Hu ‘deher għalina quddiem il-persuna t’Alla’ bil-valur taʼ “demmu stess.” Missierna tas-sema kollu mħabba b’qalb tajba aċċetta l-offerta prezzjuża taʼ Ġesù bħala “sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.” Għalhekk, b’‘kuxjenzi mnaddfin,’ aħna nistgħu nagħtu “servizz sagru lill-Alla l-ħaj.” Kemm għandna għalxiex nidwu l-kliem li jiftaħ bih Salm 112, “Faħħru lil Jah”!—Ebr. 9:12-14, 24; 1 Ġw. 2:2.
5. (a) Xi rridu nagħmlu biex inżommu qagħda ġusta quddiem Alla? (b) Kif inhuma rranġati Salm 111 u Salm 112?
5 Biex inżommu qagħda ġusta quddiem Alla, aħna rridu nkomplu neżerċitaw il-fidi fid-demm imxerred taʼ Ġesù. M’għandhiex tgħaddi ġurnata waħda mingħajr ma nirringrazzjaw lil Ġeħova talli jħobbna daqshekk. (Ġw. 3:16) Għandna bżonn ukoll li nibqgħu nistudjaw il-Kelma t’Alla u nagħmlu l-almu tagħna biex ngħixu fi qbil mal-messaġġ tagħha. Salm 112 fih pariri tajbin għal kulmin irid iżomm kuxjenza nadifa quddiem Alla. Dan is-salm hu konness maʼ Salm 111. It-tnejn jibdew bl-esklamazzjoni “Faħħru lil Jah!” jew “Alleluja!” u jkomplu bi 22 linja, u kull linja tibda b’waħda mit-22 ittra taʼ l-alfabet Ebrajk. a
Bażi għall-Hena
6. Kif inhu mbierek il-“bniedem” li jibżaʼ minn Alla deskritt f’Salm 112?
6 “Hieni l-bniedem li jibżaʼ minn Ġeħova, li jitgħaxxaq ferm bil-kmandamenti tiegħu. Setgħanin ikunu wliedu fl-art. Il-ġenerazzjoni tar-retti tkun imbierka.” (Salm 112:1, 2) Innota li s-salmista l-ewwel isemmi “bniedem” individwali u mbagħad fl-aħħar parti taʼ vers 2 jaqleb għall-plural u juża “retti.” Dan jissuġġerixxi li Salm 112 jistaʼ jirreferi għal grupp kompost magħmul minn ħafna individwi. Taʼ interess, l-appostlu Pawlu kien ispirat biex japplika Salm 112:9 f’konnessjoni mal-Kristjani fl-ewwel seklu. (Aqra t-2 Korintin 9:8, 9.) Kemm jagħti stampa tajba dan is-salm taʼ kif is-segwaċi taʼ Kristu fuq l-art illum jistgħu jkunu henjin!
7. Il-qaddejja t’Alla għala għandhom bżonn li jkollhom biżaʼ bnin minnu, u kif għandek tħossok dwar il-kmandamenti t’Alla?
7 Bħalma hu indikat f’Salm 112:1, dawn il-Kristjani veri jesperjenzaw hena kbir hekk kif jimxu fil-‘biżaʼ minn Ġeħova.’ Dan il-biżaʼ bnin li ma jogħġbuhx jgħinhom jirreżistu l-ispirtu tad-dinja taʼ Satana. Huma ‘jitgħaxxqu ferm’ jistudjaw il-Kelma t’Alla u jobdu l-kmandamenti tiegħu. Dan jinkludi l-kmand biex jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna maʼ l-art kollha. Huma jistinkaw biex jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha waqt li jwissu lill-ħżiena dwar il-jum taʼ ġudizzju t’Alla li ġej.—Eżek. 3:17, 18; Mt. 28:19, 20.
8. (a) Illum, in-nies devoti t’Alla kif ġew premjati għaż-żelu tagħhom? (b) Liema barkiet futuri hemm jistennew lil dawk bit-tama għall-art?
8 Peress li jobdu dawn il-kmandi, illum il-qaddejja t’Alla fuq l-art jgħoddu xi sebaʼ miljuni. Min jistaʼ jiċħad li n-nies tiegħu saru “setgħanin . . . fl-art”? (Ġw. 10:16; Riv. 7:9, 14) U kemm għad ikunu iktar ‘imberkin’ hekk kif Alla jwettaq l-iskop tiegħu! Bħala grupp, dawk li għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art se jibqgħu ħajjin wara li tgħaddi t-“tribulazzjoni l-kbira” biex jifformaw “art ġdida” li fiha “tgħammar il-ġustizzja.” Maż-żmien, dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon se jkunu ‘mberkin’ saħansitra iktar. Se jkunu lesti biex jilqgħu lura miljuni taʼ wħud irxoxtati. Xi prospett kommoventi! Eventwalment, dawk li ‘jitgħaxxqu ferm’ bil-kmandamenti t’Alla se jsiru bnedmin perfetti u jgawdu għal dejjem “il-libertà glorjuża taʼ wlied Alla.”—2 Pt. 3:13; Rum. 8:21.
Rikkezzi Użati bil-Għaqal
9, 10. Il-Kristjani veri kif użawhom ir-rikkezzi spiritwali tagħhom, u l-ġustizzja tagħhom kif se tibqaʼ għal dejjem?
9 “Affarijiet taʼ valur u rikkezzi jkollu f’daru; u l-ġustizzja tiegħu tibqaʼ għal dejjem. Fid-dlam hu idda bħala dawl għar-retti; hu grazzjuż u ħanin u ġust.” (Salm 112:3, 4) Fi żminijiet Bibliċi, xi wħud mill-qaddejja t’Alla kienu magħrufin għar-rikkezzi materjali tagħhom. U f’sens ieħor, dawk li huma approvati minn Alla jsiru verament sinjuri, anki jekk mhux f’sens materjali. Il-fatt hu li l-biċċa l-kbira minn dawk li jagħżlu li jumiljaw ruħhom quddiem Alla għandhom mnejn ikunu fqar u disprezzati, bħalma kien minnu fi żmien Ġesù. (Lq. 4:18; 7:22; Ġw. 7:49) Imma sew jekk wieħed għandu ħafna u sew jekk għandu ftit materjalment, huwa possibbli li jkun għani spiritwalment.—Mt. 6:20; 1 Tim. 6:18, 19; aqra Ġakbu 2:5.
10 Il-Kristjani midlukin, flimkien maʼ sħabhom, ma jżommux ir-rikkezzi spiritwali tagħhom għalihom infushom. Minflok, huma ‘iddew’ fid-dinja mudlama taʼ Satana “bħala dawl għar-retti.” Dan jagħmluh billi jgħinu lil oħrajn biex jibbenefikaw mit-teżori spiritwali taʼ l-għerf u l-għarfien dwar Alla. Xi opponenti pprovaw iwaqqfu x-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna imma ma rnexxilhomx. Minflok, il-frott taʼ dan ix-xogħol ġust se ‘jibqaʼ għal dejjem.’ Billi jibqgħu ġusti meta jgħaddu minn xi prova, il-qaddejja t’Alla jistaʼ jkollhom l-assiguranza li jgħixu b’mod permanenti, ‘jibqgħu għal dejjem.’
11, 12. X’inhuma xi modi kif in-nies t’Alla jużaw l-affarijiet materjali li għandhom?
11 In-nies t’Alla, kemm il-klassi taʼ l-ilsir midluk u kemm dawk li jifformaw il-“folla kbira,” urew li kienu ġenerużi rigward l-affarijiet materjali. Salm 112:9 jgħid: “Hu qassam bil-kotra; ta lill-foqra.” Illum, il-Kristjani veri spiss jagħtu kontribuzzjonijiet materjali lil sħabhom il-Kristjani u saħansitra lill-proxxmu li jkun fil-bżonn. Huma jużaw ukoll ir-riżorsi materjali biex jappoġġaw kampanji t’għajnuna meta jkun hemm xi diżastru. Bħalma indika Ġesù, dan ukoll hu sors t’hena.—Aqra Atti 20:35; it-2 Korintin 9:7.
12 Iżjed minn hekk, aħseb ftit dwar l-ispiża biex tippubblika din ir-rivista b’172 lingwa, li ħafna minnhom huma mitkellma minn nies li huma relattivament fqar. Ukoll, ikkunsidra l-fatt li dan il-ġurnal hu disponibbli b’diversi lingwi tas-sinjali użati minn dawk neqsin mis-smigħ, kif ukoll bil-Braille għal dawk neqsin mid-dawl.
Grazzjuż u Ġust
13. Min huma dawk li taw l-aqwa eżempji t’għoti b’mod grazzjuż, u kif nistgħu nimitaw l-eżempju tagħhom?
13 “Tajjeb il-bniedem li hu grazzjuż u li jislef.” (Salm 112:5) Bla dubju, int osservajt li n-nies li jgħinu lil ħaddieħor mhux dejjem ikunu grazzjużi. Xi wħud jagħtu biex jimpressjonaw jew kontra qalbhom. Żgur li ma tiħux pjaċir tirċievi l-għajnuna mingħand xi ħadd li jġiegħlek tħossok inferjuri jew li jġiegħlek tħossok li int taʼ piż. B’kuntrast, kemm hu rifreskanti li tirċievi l-għajnuna mingħand xi ħadd li hu grazzjuż! Ġeħova hu l-eżempju li jispikka taʼ Donatur grazzjuż u hieni. (1 Tim. 1:11; Ġak. 1:5, 17) Ġesù Kristu rrifletta perfettament l-eżempju grazzjuż taʼ Missieru. (Mk. 1:40-42) B’hekk, biex Alla jqisna bħala ġusti, aħna nagħtu bil-ferħ u b’mod grazzjuż, speċjalment fis-servizz taʼ l-għalqa meta noffru għajnuna spiritwali lill-proxxmu tagħna.
14. X’inhuma xi ċirkustanzi li fihom nistgħu ‘mmexxu l-affarijiet tagħna bil-ġustizzja’?
14 “Hu jmexxi l-affarijiet tiegħu bil-ġustizzja.” (Salm 112:5) Bħalma ġie mbassar, il-klassi tal-prokuratur leali tieħu ħsieb l-interessi tas-Sid fi qbil mal-ġustizzja taʼ Ġeħova. (Aqra Luqa 12:42-44.) Dan hu rifless fil-gwida Skritturali li tingħata lill-anzjani, li kultant ikollhom jittrattaw każi taʼ dnub serju fil-kongregazzjoni. Il-mod ġust kif isiru l-affarijiet hu evidenti wkoll fid-direzzjoni bbażata fuq il-Bibbja li tipprovdi l-klassi taʼ l-ilsir fuq kif għandhom jiffunzjonaw il-kongregazzjonijiet, id-djar missjunarji, u d-djar Betel kollha. Il-ġustizzja m’hijiex meħtieġa biss mill-anzjani imma wkoll minn Kristjani oħrajn fil-mod kif jittrattaw lil xulxin u lil dawk li m’humiex taʼ l-istess twemmin, inkluż fi kwistjonijiet taʼ negozju.—Aqra Mikea 6:8, 11.
Barkiet għall-Ġusti
15, 16. (a) L-aħbarijiet ħżiena tad-dinja x’effett għandhom fuq il-ġusti? (b) Il-qaddejja t’Alla x’inhuma determinati li jibqgħu jagħmlu?
15 “Iva, f’ebda żmien ma jogħtor. Il-ġust ikun miftakar għal dejjem. Ma jibżax, lanqas minn aħbar ħażina. Qalbu soda, tistrieħ fuq Ġeħova. Qalbu ma titħarrikx; ma jibżax, u fl-aħħar iħares rebbieħ lejn l-avversarji tiegħu.” (Salm 112:6-8) Qatt qabel fl-istorja ma kien hemm daqshekk aħbarijiet ħżiena, inkluż affarijiet bħalma huma l-gwerer, it-terroriżmu, il-mard ġdid u l-mard qadim li qed jerġaʼ jfiġġ, il-kriminalità, il-faqar, u t-tinġis li jeqred kollox. Dawk li Alla jqishom bħala ġusti ma jistgħux jiskansaw l-effetti taʼ dawn l-aħbarijiet ħżiena, imma dawn ma jipparalizzawhomx bil-biżaʼ. Minflok, qalbhom hi “soda” u “ma titħarrikx” hekk kif iħarsu lejn il-futur bil-fiduċja, għax jafu li d-dinja ġdida u ġusta t’Alla hi qrib. Jekk jintlaqtu minn xi diżastru, huma jkunu iktar kapaċi jkampaw mas-sitwazzjoni għax jistrieħu fuq Ġeħova biex jappoġġahom. Hu qatt ma jħalli lill-ġusti tiegħu ‘jogħtru’—hu jagħtihom l-għajnuna u s-saħħa biex jissaportu.—Flp. 4:13.
16 Il-ġusti t’Alla jridu jissaportu wkoll il-mibegħda u l-gideb imxerred minn dawk li jopponu, imma dan ma rnexxilux isikket lill-Kristjani veri u qatt ma se jirnexxilu. Minflok, il-qaddejja t’Alla jibqgħu sodi u ma jitħarrkux fix-xogħol li tahom Ġeħova—biex jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna u biex jagħmlu dixxipli minn dawk kollha li jwieġbu b’mod favorevoli. Bla dubju, il-ġusti se jesperjenzaw iktar oppożizzjoni hekk kif joqrob it-tmiem. Din il-mibegħda se tilħaq il-quċċata tagħha fl-attakk mad-dinja kollha minn Satana x-Xitan fl-irwol tiegħu bħala Gog taʼ Magog. Imbagħad, sa fl-aħħar, se ‘nħarsu lejn l-avversarji tagħna’ hekk kif jiġu megħlubin għalkollox b’mod umiljanti. X’esperjenza se tkun din li tara t-taqdis komplet taʼ isem Ġeħova!—Eżek. 38:18, 22, 23.
“Jitgħolla bil-Glorja”
17. Il-ġust kif se “jitgħolla bil-glorja”?
17 Kemm se nieħdu pjaċir infaħħru lil Ġeħova lkoll flimkien mingħajr oppożizzjoni mix-Xitan u mid-dinja tiegħu! Tgawdija bħal din se tkun is-sehem għal dejjem taʼ dawk kollha li jżommu qagħda ġusta quddiem Alla. Huma la se jistħu u lanqas se jsofru telfa, għax Ġeħova jwiegħed ukoll li l-“qarn” tal-ġust tiegħu “se jitgħolla bil-glorja.” (Salm 112:9) Il-ġust taʼ Ġeħova se jitgħolla vittorjuż meta jara l-waqgħa taʼ l-għedewwa kollha tas-sovranità taʼ Ġeħova.
18. Kif se jitwettaq il-kliem li jispiċċa bih Salm 112?
18 “Il-ħażin se jara u jitħawwad. Se jgħażżaż snienu u jdub fix-xejn. Ix-xewqa tal-ħżiena se tgħib.” (Salm 112:10) Dawk kollha li jkomplu jopponu lin-nies t’Alla dalwaqt se ‘jdubu fix-xejn’ fl-għira u fil-mibegħda tagħhom. Ix-xewqa tagħhom li jaraw ix-xogħol tagħna jintemm se tgħib magħhom matul it-“tribulazzjoni kbira” li ġejja.—Mt. 24:21.
19. Dwar xiex nistgħu nkunu fiduċjużi?
19 Se tkun int fost dawk il-henjin li jibqgħu ħajjin wara din ir-rebħa grandjuża? Jew jekk tilħaq tmut minħabba l-mard jew ix-xjuħija qabel it-tmiem tad-dinja taʼ Satana, se tkun int fost in-“nies sewwa” li se jiġu rxoxtati? (Atti 24:15) It-tweġiba tistaʼ tkun iva jekk tkompli teżerċita l-fidi tiegħek fis-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù u timita lil Ġeħova, bħalma jagħmlu dawk li huma rappreżentati mill-“bniedem” ġust deskritt f’Salm 112. (Aqra Efesin 5:1, 2.) Ġeħova se jara li t-‘tifkira’ taʼ wħud bħal dawn qatt ma tintesa, u l-atti ġusti tagħhom m’humiex se jiġu traskurati. Se jiġu miftakrin u maħbubin minn Ġeħova għal dejjem taʼ dejjem.—Salm 112:3, 6, 9.
[Nota taʼ taħt]
a Il-fatt li dawn iż-żewġ salmi huma konnessi maʼ xulxin jidher mill-mod kif inhuma mibnijin kif ukoll mill-kontenut tagħhom. Il-kwalitajiet t’Alla mfaħħrin f’Salm 111 huma imitati mill-“bniedem” li jibżaʼ minn Alla f’Salm 112, bħalma tistaʼ tara billi tqabbel Salm 111:3, 4 maʼ Salm 112:3, 4.
Mistoqsijiet għall-Meditazzjoni
• X’inhuma xi raġunijiet li għandna biex ngħidu “Alleluja”?
• Liema żvilupp fi żmienna jagħmilhom daqshekk henjin lill-Kristjani veri?
• Ġeħova liema tip taʼ donatur iħobb?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 25]
Biex jibqaʼ jkollna qagħda ġusta quddiem Alla rridu neżerċitaw il-fidi tagħna fid-demm imxerred taʼ Ġesù
[Stampi f’paġna 26]
Kontribuzzjonijiet li nagħtu minn rajna jistgħu jgħinu fix-xogħol t’għajnuna fid-diżastri u biex jitqassmu pubblikazzjonijiet Bibliċi