Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tistaʼ Tippersevera fil-Ministeru?

Kif Tistaʼ Tippersevera fil-Ministeru?

QATT ħassejtek tant għajjien u skuraġġit li ma xtaqtx tkompli tieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar? L-​oppożizzjoni ħarxa, l-​ansjetà, in-​nuqqas taʼ saħħa, il-​pressjonijiet minn dawk taʼ madwarna, jew in-​nuqqas taʼ reazzjoni min-​nies fil-​ministeru għandhom mnejn jittestjaw is-​sabar tagħna. Iżda, aħseb ftit fl-​eżempju taʼ Ġesù. Hu ssaporta l-​iktar provi ħorox “għall-​ferħ li tqiegħed quddiemu.” (Ebr. 12:2) Kien jaf li, billi jagħti prova li l-​akkużi li saru kontra Alla kienu totalment bla bażi, hu kien se jferraħ qalb Ġeħova.—Prov. 27:11.

Billi tippersevera fil-​ministeru, int ukoll tistaʼ tferraħ qalb Ġeħova. Madankollu, xi ngħidu jekk ċerti ostakli jidhru li qed iġegħluk tħossok bla enerġija biex tippriedka? Krystyna, li hi mdaħħla fiż-​żmien u li s-​saħħa tagħha xejn m’hi tajba, tammetti: “Spiss inħossni għajjiena u skuraġġita. Il-​problemi tiegħi relatati maʼ l-​età, bħalma huma s-​saħħa batuta u l-​ansjetajiet dwar il-​ħajja taʼ kuljum, jistgħu kultant inaqqsuli ż-​żelu tiegħi.” Kif tistaʼ tippersevera fil-​ministeru minkejja ostakli bħal dawn?

Imita lill-​Profeti

Sabiex jipperseveraw fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, pubblikaturi leali tas-​Saltna jistgħu jistinkaw biex ikollhom attitudni mentali bħal dik tal-​profeti tal-​qedem. Ejja nieħdu l-​eżempju taʼ Ġeremija. Meta ġie msejjaħ biex jaqdi bħala profeta, għall-​ewwel żamm lura. Madankollu, Ġeremija kien kapaċi jippersevera fl-​inkarigu diffiċli tiegħu għal iktar minn 40 sena għax tgħallem ipoġġi l-​fiduċja sħiħa tiegħu f’Alla.—Ġer. 1:6; 20:7-11.

Henryk iħossu inkuraġġit mill-​eżempju taʼ Ġeremija. Hu jgħid: “Matul is-​70 sena u iktar li ili naqdi fil-​ministeru, xi drabi kont inkun skuraġġit minħabba r-​reazzjonijiet tan-​nies—l-​ostilità tagħhom jew l-​indifferenza tagħhom. Meta jiġri hekk, infakkar lili nnifsi fl-​eżempju taʼ Ġeremija. L-​imħabba tiegħu għal Ġeħova u l-​ispiritwalità tiegħu saħħewh biex ikompli jipprofetizza.” (Ġer. 1:17) Rafał ukoll ġie inkuraġġit mill-​eżempju taʼ Ġeremija. Hu jgħid: “Minflok ma ffoka fuqu nnifsu u fuq is-​sentimenti tiegħu stess, Ġeremija straħ fuq Alla. Hu kompla jxandar bla biżaʼ minkejja li kulħadd kien kontrih. Jien dan nipprova nżommu f’moħħi.”

Profeta ieħor li l-​eżempju tiegħu jgħin lil ħafna jipperseveraw fil-​ministeru hu Isaija. Alla qallu li n-​nies taʼ pajjiżu ma kinux se jisimgħuh. “Lil dan il-​poplu agħtihom qalb li ma titqanqalx, u agħtihom widnejn li ma jirreaġixxux,” qal Ġeħova. Allura Isaija ma kienx se jkollu suċċess? Mhux mill-​ħarsa t’Alla! Meta ngħata l-​inkarigu bħala profeta, hu qal: “Hawn jien! Ibgħat lili!” (Is. 6:8-10) Isaija baqaʼ jwettaq l-​inkarigu tiegħu. Hekk twieġeb int għall-​kmand biex tippriedka?

Biex, bħal Isaija, nipperseveraw fil-​ministeru minkejja li min jismagħna jkun indifferenti, jeħtieġ li ma niffokawx fuq ir-​reazzjonijiet negattivi tan-​nies li nkellmu. Rafał jikkumbatti l-​iskuraġġiment b’dan il-​mod: “Nipprova ma noqgħodx naħseb fuq il-​kliem iebes li jgħiduli. In-​nies fit-​territorju tiegħi għandhom id-​dritt li jwieġbu kif iridu huma.” Anna żżid: “Ma noqgħodx naħseb fuq affarijiet spjaċevoli jew skuraġġanti. Dak li jgħinni nagħmel dan hu t-​talb u li nikkunsidra l-​iskrittura tal-​jum qabel ma noħroġ fis-​servizz taʼ l-​għalqa. Kwalunkwe ħsieb negattiv jgħosfor.”

Il-profeta Eżekjel qeda f’Babilonja fost l-​eżiljati Lhud li kienu stinati. (Eżek. 2:6) Kieku l-​profeta ma qalx il-​kliem t’Alla lill-​poplu u kieku xi ħadd ħażin miet mingħajr ma semaʼ t-​twissija, Eżekjel kien ikollu jagħti kont personalment. Ġeħova qal lil Eżekjel: “Demmu nitolbu lura minn idejk.”—Eżek. 3:17, 18.

Henryk jipprova jkollu l-​istess attitudni li kellu Eżekjel: “Irrid inkun nadif mid-​demm tal-​bnedmin kollha. Hemm il-​ħajjiet prezzjużi tan-​nies fin-​nofs.” (Atti 20:26, 27) Zbigniew iħossu l-​istess: “Eżekjel kellu jibqaʼ jxandar minkejja dak li kienu jaħsbu l-​oħrajn. Dan jgħinni nara x-​xogħol taʼ l-​ippridkar kif jarah il-​Ħallieq.”

M’Intix Waħdek

Int m’intix waħdek meta tieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Bħall-​appostlu Pawlu nistgħu ngħidu: “Aħna ħaddiema sħab m’Alla.” (1 Kor. 3:9) Krystyna, li tammetti li kultant tħossha skuraġġita, tgħid: “Hu għalhekk li dejjem nitlob lil Ġeħova biex jagħtini s-​saħħa. Hu qatt ma jiddiżappuntani.” Iva, għandna bżonn l-​ispirtu t’Alla biex jappoġġana fil-​ministeru tagħna!—Żak. 4:6.

Meta nieħdu sehem fis-​servizz taʼ l-​għalqa, l-​ispirtu qaddis jgħinna wkoll nuru l-​kwalitajiet li jifformaw “il-​frott taʼ l-​ispirtu.” (Gal. 5:22, 23) Imbagħad dan se jgħinna nipperseveraw fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, jiġri x’jiġri. Henryk jgħid: “Is-​servizz taʼ l-​għalqa jgħinni naħdem fuq il-​personalità tiegħi. Nitgħallem nuri l-​paċenzja u naħseb f’ħaddieħor u ma naqtax qalbi malajr.” Il-​perseveranza fil-​ministeru, minkejja d-​diversi ostakli li jkollok, tistaʼ tgħinek tikkultiva saħansitra iktar u iktar il-​frott taʼ l-​ispirtu.

Ġeħova juża l-​anġli tiegħu biex jidderieġi dan ix-​xogħol uniku. (Riv. 14:6) Il-​Bibbja turi li hemm “mirjadi taʼ mirjadi u eluf t’eluf” minn dawn il-​ħlejjaq spirti. (Riv. 5:11) Dawn l-​anġli huma mmexxijin minn Ġesù u qed jappoġġaw lill-​qaddejja t’Alla fuq l-​art. Iżżommu dan f’moħħok kulmeta tkun qiegħed fis-​servizz?

“Huwa sors taʼ inkuraġġiment għalija li nimmedita dwar il-​fatt li l-​anġli jkunu magħna fil-​ministeru,” tgħid Anna. “Napprezzaha ferm l-​għajnuna li jipprovdu dawn l-​anġli taħt l-​indokrar taʼ Ġeħova u Ġesù.” Xi privileġġ li tistaʼ taħdem maʼ l-​anġli leali!

Xi ngħidu għal sħabna l-​pubblikaturi tas-​Saltna? Hija barka għalina li nsiru nafu kotra daqshekk kbira taʼ Xhieda leali. Bla dubju int esperjenzajt kemm huwa minnu l-​proverbju Bibliku: “Il-​ħadid jinsenn bil-​ħadid. Hekk bniedem isinn wiċċ bniedem ieħor.”—Prov. 27:17.

Meta naħdmu m’oħrajn fil-​ministeru jkollna opportunità meraviljuża li nosservaw metodi effettivi li forsi jkunu ġodda għalina. Elżbieta tgħid: “Li naħdem maʼ pubblikaturi differenti jipprovdili opportunitajiet biex nuri l-​imħabba kemm lejn sħabi fit-​twemmin u kemm lejn in-​nies li niltaqgħu magħhom.” Ipprova oħroġ fil-​ministeru maʼ pubblikaturi differenti. Dan se jagħmel il-​ministeru tiegħek interessanti.

Ħu Ħsieb Sew Tiegħek Innifsek

Biex inżommu l-​entużjażmu tagħna fil-​ministeru, irridu nippjanaw sew, ikollna rutina tajba taʼ studju persunali, u nieħdu mistrieħ xieraq. Fi kliem ieħor, irridu nieħdu ħsieb tagħna nfusna kemm spiritwalment u kemm fiżikament.

Il-Bibbja tgħid: “Il-​pjanijiet tal-​ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.” (Prov. 21:5) Zygmunt, li llum għandu 88 sena, jgħid: “Skeda tajba fis-​servizz tgħinni biex inkun iktar produttiv. Jien norganizza l-​ħin bir-​reqqa sabiex ikolli ħin biżżejjed għall-​ministeru.

Għarfien profond mill-​Iskrittura jsaħħaħna u jarmana għall-​ministeru. Bħalma neħtieġu l-​ikel fiżiku biex nibqgħu għaddejjin bil-​ħajja tagħna, irridu nieklu regolarment l-​ikel spiritwali biex nibqgħu nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. L-​ikel li nieklu kuljum mill-​Kelma t’Alla u “l-​ikel fiż-​żmien xieraq” li nieħdu jistgħu jagħtuna l-​enerġija għall-​ministeru.—Mt. 24:45-47.

Elżbieta għamlet bidliet sinifikanti fil-​ħajja tagħha sabiex ittejjeb il-​ministeru tagħha. Hi tgħid: “Jien naqqast b’mod sinifikanti l-​ammont taʼ ħin li kont inqattaʼ nara t-​televixin sabiex ikolli iktar ħin biex nipprepara għall-​ministeru. Meta naqra l-​Bibbja kull fil-​għaxija, naħseb dwar in-​nies li nkun iltqajt magħhom fit-​territorju. Infittex skritturi u artikli li jistgħu jgħinuhom.”

Mistrieħ xieraq se jgħinek iżżomm livell għoli t’enerġija u dan jistaʼ jgħinek biex ikollok sehem sħiħ fil-​ministeru. Mill-​banda l-​oħra, ammont eċċessiv taʼ rikreazzjoni jistaʼ jkollu effett negattiv fuq il-​kwalità tax-​xogħol tiegħek. Andrzej, pubblikatur żeluż, jinnota: “Nuqqas taʼ mistrieħ iwassal biex wieħed ikun għajjien iżżejjed, u dan hu biss pass żgħir ’il bogħod mill-​iskuraġġiment. Nagħmel dak kollu li nistaʼ biex dan nevitah.”—Ekk. 4:6.

Minkejja l-​isforzi sinċieri tagħna, relattivament ftit nies japprezzaw l-​aħbar tajba. Madankollu, Ġeħova qatt ma se jinsa x-​xogħol li nagħmlu. (Ebr. 6:10) Anki jekk ħafna nies ma jkunux iridu jitkellmu magħna, huma għandhom mnejn jitkellmu dwar iż-​żjara tagħna wara li nkunu tlaqna minn wara biebhom. Dan l-​effett jistaʼ jixbah kemxejn lil dak li naqraw dwar Eżekjel: In-​nies “żgur se jkunu jafu li kien hemm profeta f’nofshom.” (Eżek. 2:5) Ċertament li l-​ministeru tagħna m’huwiex faċli, imma aħna niksbu benefiċċji reali minnu, u hekk ukoll jagħmlu n-​nies li jisimgħuna.

“Is-​sehem tagħna fil-​ministeru jgħinna sabiex nilbsu l-​personalità l-​ġdida u nuru mħabba għal Alla u għall-​proxxmu tagħna,” jgħid Zygmunt. “Huwa privileġġ li nieħdu sehem f’dan ix-​xogħol li jsalva l-​ħajjiet. Dan qatt ma se jerġaʼ jiġi ripetut fuq skala bħal din jew b’dawn l-​istess kundizzjonijiet,” iżid Andrzej. Illum int ukoll tistaʼ taħsad ħafna barkiet billi tippersevera fil-​ministeru.—2 Kor. 4:1, 2.

[Stampi f’paġna 31]

Il-​fatt li nieħdu ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali u fiżiċi tagħna jgħinna nipperseveraw fil-​ministeru