Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“L-Anġlu taʼ Ġeħova Qed Jikkampja Madwar Dawk li Jibżgħu Minnu”

“L-Anġlu taʼ Ġeħova Qed Jikkampja Madwar Dawk li Jibżgħu Minnu”

Kif rakkontata minn Christabel Connell

Tant konna medhijin inwieġbu l-​mistoqsijiet dwar il-​Bibbja li beda jistaqsina Christopher li ħadd minna ma ntebaħ kemm kien sar ħin; lanqas ma nnotajna li Christopher kien qiegħed il-​ħin kollu jħares ’il barra mit-​tieqa. Fl-​aħħar, hu dar lejna u qalilna, “Issa tistgħu tmorru, m’hemmx periklu.” Imbagħad wassalna sa ħdejn ir-​roti tagħna u xtaqilna l-​lejl it-​tajjeb. X’kien osserva li kien tant perikoluż?

JIEN twelidt fl-​1927 f’Sheffield, l-​Ingilterra, u jisimni Christabel u kunjomi kien Earl. Id-​dar tagħna waqgħet bil-​bombi matul it-​tieni gwerra dinjija, u għalhekk bagħtuni ngħix maʼ nannti sakemm spiċċajt l-​iskola. F’waħda mill-​iskejjel tas-​sorijiet li attendejt, spiss kont nistaqsi lis-​sorijiet għala kien hemm daqshekk ħażen u vjolenza. La huma u lanqas xi nies reliġjużi oħrajn li staqsejt ma kienu kapaċi jagħtuni tweġiba sodisfaċenti.

Wara li spiċċat it-​tieni gwerra dinjija, bdejt it-​taħriġ tiegħi bħala infermiera. Mort noqgħod Londra sabiex inkun nistaʼ naħdem fil-​Paddington General Hospital, imma fil-​belt rajt iktar vjolenza. Preċiż wara li ħija akbar minni telaq għall-​Gwerra tal-​Korea, rajt ġlieda vjolenti eżatt barra l-​isptar. Ħadd ma għen lill-​vittma, u minħabba s-​swat li qalaʼ spiċċa biex tilef id-​dawl t’għajnejh. Dik il-​ħabta, ommi ħaditni għal-​laqgħat taʼ nies li jikkomunikaw mal-​mejtin permezz taʼ medjum taʼ l-​ispirti, imma jien xorta bqajt ma fhimtx għala kien hemm tant ħażen.

Inkuraġġita Biex Nistudja l-​Bibbja

Darba waħda ġie jżurna ħija l-​kbir John, li kien sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. “Taf għala jiġru dawn l-​affarijiet ħżiena kollha?” staqsieni hu. “Le,” wiġibtu jien. Hu fetaħ il-​Bibbja tiegħu u qara Rivelazzjoni 12:7-12. Issa stajt nara li bażikament Satana u d-​demonji huma responsabbli għall-​ħażen fid-​dinja. Għalhekk, billi ħadt il-​parir taʼ John ma domtx m’aċċettajt studju tal-​Bibbja. Madankollu, dak iż-​żmien ħallejt il-​biżaʼ mill-​bniedem iżommni lura milli nitgħammed.—Prov. 29:25.

Oħti Dorothy ukoll kienet saret Xhud. Meta ġiet lura mill-​konvenzjoni internazzjonali li saret fi New York (1953) maʼ l-​għarus tagħha, Bill Roberts, għedtilhom li jien kont studjajt il-​Bibbja. Bill staqsieni: “Kollha ċċekkjajthom l-​iskritturi? Immarkajthom it-​tweġibiet fil-​ktieb?” Meta għedtlu li le, wiġibni: “Mela qatt ma studjajt! Ikkuntattja lil dik l-​oħt, u erġaʼ ibda!” Dik il-​ħabta bdejt niġi turmentata mid-​demonji. Niftakar bdejt nitlob lil Ġeħova biex jipproteġini u jeħlisni mill-​influwenza tagħhom.

Pijuniera fl-​Iskozja u fl-​Irlanda

Fis-​16 taʼ Jannar, 1954, tgħammidt, f’Mejju spiċċa l-​kuntratt tiegħi taʼ infermiera, u f’Ġunju bdejt naqdi bħala pijuniera. Tmien xhur wara ntbgħatt bħala pijuniera speċjali fi Grangemouth, l-​Iskozja. Hemmhekk ħassejt li l-​anġli taʼ Ġeħova kienu ‘qed jikkampjaw madwari’ waqt li kont qed naħdem f’dan it-​territorju iżolat.—Salm 34:7.

Fl-1956 ġejt mistiedna biex naqdi fl-​Irlanda. L-​inkarigu tiegħi, flimkien maʼ tnejn oħra, kien il-​belt taʼ Galway. Fl-​ewwel ġurnata stess, ħabbatt bieb u ħareġ qassis. Ftit minuti wara, ġie pulizija u ħa lili u lill-​oħt li kienet miegħi l-​għassa tal-​pulizija. Wara li ħadilna isimna u l-​indirizz tagħna, hu minnufih mar jagħmel telefonata. Smajnieh jgħid, “Iva, Father, naf eżatt fejn joqogħdu.” Kien il-​qassis li bagħtu! Sid il-​kera saritlu pressjoni kbira biex ikeċċina, u għalhekk l-​uffiċċju tal-​fergħa tana parir biex nitilqu minn dawk l-​inħawi. Wasalna l-​istazzjon tal-​ferrovija għaxar minuti tard. Imma l-​ferrovija kienet għadha hemmhekk, u kien hemm raġel jistenniena biex jaċċerta ruħu li tlajna fiha. Dan kien biss wara tliet ġimgħat f’Galway!

Intbgħatna naqdu f’Limerick, belt oħra fejn il-​Knisja Kattolika kellha poter kbir. Gruppi taʼ nies kienu jinġemgħu u joqogħdu jgħajruna. Ħafna nies kienu jibżgħu jiftħu l-​bieb. Sena qabel, ħu kien ġie msawwat fi Cloonlara, belt żgħira fil-​qrib. Għalhekk, fraħna mhux ftit meta ltqajna maʼ Christopher, li ssemma fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu u li talabna biex nerġgħu mmorru għandu ħalli nwieġbu l-​mistoqsijiet li kellu fuq il-​Bibbja. Matul iż-​żjara tagħna, daħal qassis u ordna lil Christopher biex ikeċċina. Hu waqaflu lill-​qassis, u qallu: “Dawn in-​nisa stidinthom jien f’dari u ħabbtu qabel ma daħlu. Int la kont mistieden u lanqas biss ħabbatt.” Irrabjat, il-​qassis telaq ’il barra.

Bla ma konna nafu, il-​qassis kien ġabar grupp kbir taʼ rġiel, li kienu qed jistennewna barra d-​dar taʼ Christopher. Peress li kien jaf kemm kienu rrabjati għalina, Christopher aġixxa bil-​mod deskritt fil-​bidu taʼ l-​artiklu. Hu ħalliena nibqgħu għandu sakemm telqu. Iktar tard skoprejna li ftit wara hu u l-​familja tiegħu ġew sforzati biex jitilqu minn dawk l-​inħawi, u huma marru joqogħdu l-​Ingilterra.

Mistiedna Gilegħad

Kont diġà qed nippjana biex nattendi l-​Assemblea Internazzjonali Divine Will, li saret fl-​1958 fi New York, meta rċivejt stedina biex nattendi t-​33 klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilegħad. Minflok ma mort lura d-​dar wara l-​assemblea, qdejt f’Collingwood, f’Ontario, il-​Kanada, sakemm bdiet l-​Iskola taʼ Gilegħad fl-​1959. Imma matul l-​assemblea, iltqajt m’Eric Connell. Hu kien sar jaf bil-​verità fl-​1957 u kien beda jaqdi bħala pijunier fl-​1958. Wara l-​assemblea, kien jiktibli kuljum meta kont il-​Kanada u matul il-​kors taʼ Gilegħad. Kont noqgħod naħseb x’kien se jiġri minna wara li nkun iggradwajt.

L-iskola taʼ Gilegħad kienet ġrajja memorabbli f’ħajti. Dorothy u r-​raġel tagħha kienu fl-​istess klassi miegħi. L-​inkarigu missjunarju tagħhom kien il-​Portugall. Kienet sorpriża għalija li nintbagħat l-​Irlanda. Kemm kont diżappuntata li ma kontx sejra m’oħti! Staqsejt lil wieħed mill-​istrutturi taʼ l-​iskola jekk kontx għamilt xi ħaġa ħażina. “Le,” qalli. “Int u Eileen Mahoney, il-​pijuniera l-​oħra li ġejja miegħek, qbiltu li tmorru fi kwalunkwe post fid-​dinja,” u żgur li l-​Irlanda kienet inkluża maʼ dawn il-​postijiet.

Lura Lejn l-​Irlanda

Wasalt lura l-​Irlanda f’Awissu taʼ l-​1959 u ngħatajt l-​inkarigu biex naqdi fil-​Kongregazzjoni taʼ Dun Laoghaire. Sadattant, Eric kien ġie lura l-​Ingilterra u kien ferħan ħafna li kont daqshekk qrib. Anki hu xtaq ikun missjunarju. Hu rraġuna li ladarba l-​Irlanda dak iż-​żmien kienet waħda mill-​postijiet fejn kienu jintbagħtu l-​missjunarji, hu kien se jaqdi bħala pijunier hemmhekk. Ġie joqgħod f’Dun Laoghaire, u żżewwiġna fl-​1961.

Sitt xhur wara, Eric kien involut f’inċident serju bil-​mutur. Kellu ksur fl-​għadam taʼ rasu, u t-​tobba ma kinux ċerti jekk kienx se jibqaʼ ħaj. Wara li qattaʼ tliet ġimgħat l-​isptar, komplejt indur bih id-​dar għal ħames xhur sakemm għaddielu. Komplejt nagħmel l-​aħjar li stajt fil-​ministeru.

Fl-1965 ngħatajna l-​inkarigu biex naqdu f’kongregazzjoni taʼ tmien pubblikaturi fi Sligo, port mal-​kosta tal-​majjistral. Tliet snin wara, morna f’kongregazzjoni żgħira oħra f’Londonderry, iktar ’il fuq lejn it-​tramuntana. Ġurnata waħda ġejna lura mis-​servizz u sibna li t-​triq fejn konna noqogħdu għalquha bil-​barbed wire. Kien beda l-​Inkwiet taʼ l-​Irlanda taʼ Fuq. Klikek taʼ żgħażagħ bdew jaħarqu l-​karozzi. Il-​belt kienet diġà nqasmet fi tnejn, naħa tal-​Protestanti u naħa tal-​Kattoliċi. Kien perikoluż li wieħed jaqsam min-​naħa għall-​oħra tal-​belt.

Ngħixu u Nxandru Matul l-​Inkwiet

Madankollu, fil-​ministeru konna mmorru kullimkien. Għal darb’oħra, ħassejna li bħallikieku l-​anġli kienu qed jikkampjaw madwarna. Meta konna nsibu ruħna fi nħawi fejn kien jinqalaʼ l-​ġlied, konna nitilqu minn dawk l-​inħawi malajr kemm jistaʼ jkun u nerġgħu mmorru lura meta kollox kien ikun ikkalma. Darba, meta kien hemm il-​ġlied qrib l-​appartament tagħna, taret xrara taqbad minn ħanut taż-​żebgħa qrib u ġiet fil-​ħoġor tat-​tieqa tagħna. Ma stajniex norqdu għax bżajna li l-​blokk t’appartamenti tagħna jingħata n-​nar. Wara li morna noqogħdu f’Belfast fl-​1970 sirna nafu li, fil-​fatt, bomba tal-​petrol kienet ħarqet il-​ħanut taż-​żebgħa u dakinhar il-​blokk t’appartamenti li konna ngħixu fih qabel inħaraq għalkollox.

Darb’oħra, jien u oħt oħra konna fis-​servizz taʼ l-​għalqa u nnotajna biċċa pajp stramba fuq ħoġor taʼ tieqa. Bqajna għaddejjin. Ftit minuti wara, splodiet. In-​nies tal-​post li ħarġu ħasbu li konna aħna li għamilna l-​bomba fil-​pajp! Dak il-​ħin, oħt li kienet tgħix f’dawk l-​inħawi daħħlitna d-​dar tagħha. Il-​ġirien tagħha aċċettaw dan bħala prova taʼ l-​innoċenza tagħna.

Fl-1971 erġajna lura Londonderry biex inżuru lil waħda oħt. Meta ddeskrivejna minfejn għaddejna u l-​barrikata li kellna ngħaddu minnha, hi staqsietna, “Ma kien hemm ħadd mal-​barrikata?” Meta għednielha, “Iva, imma lanqas biss taw kasna,” baqgħet iċċassata. Għala? Għax ftit jiem qabel lil tabib u lil pulizija ħadulhom il-​karozzi tagħhom u ħarquhomlhom.

Fl-1972 morna noqogħdu Cork. Wara, qdejna f’Naas, imbagħad f’Arklow. Fl-​aħħar, fl-​1987, intbgħatna Castlebar, fejn qegħdin illum. Hawnhekk kellna l-​privileġġ li ngħinu fil-​bini taʼ Sala tas-​Saltna. Fl-​1999 Eric marad serjament. Madankollu, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova u bl-​imħabba tal-​kongregazzjoni li appoġġatna, stajt nerġaʼ nkampa u ndur bih sakemm reġaʼ ħa saħħtu.

Jien u Eric darbtejn attendejna l-​Iskola tas-​Servizz taʼ Pijunier. Hu għadu jaqdi bħala anzjan. Jien inbati minn artrite qawwija u kelli nagħmel operazzjonijiet f’ġenbejja t-​tnejn u fi rkopptejja t-​tnejn. Għalkemm kelli niffaċċja oppożizzjoni reliġjuża ħarxa u għext fi żminijiet taʼ inkwiet serju sew politiku u sew soċjali, waħda mill-​akbar sfidi li qatt iffaċċjajt kienet li ma bqajtx insuq. Din kienet prova kbira għax tlift ħafna mill-​indipendenza tiegħi. Il-​kongregazzjoni għenitni ħafna, billi tatni appoġġ kbir. Issa nimxi bil-​bastun, u għal distanzi itwal nuża vettura bi tliet roti li taħdem bil-​batterija.

Flimkien, jien u Eric qdejna bħala pijunieri speċjali għal total taʼ iktar minn 100 sena—98 minnhom hawnhekk fl-​Irlanda. M’għandna ebda ħsieb li nirtiraw. M’aħniex qed nistennew xi miraklu, imma nemmnu li l-​anġli setgħanin taʼ Ġeħova qed ‘jikkampjaw madwar’ dawk li jibżgħu minnu u jaqduh bil-​fedeltà.