M’Għandek Qatt Tinsa lil Ġeħova
XI WĦUD fil-grupp kienu għamlu xi ħaġa bħal din qabel. Iżda għall-maġġuranza din kienet l-ewwel u l-unika darba li kienu se jaqsmu minn fuq il-qiegħ taʼ post fejn kien hemm l-ilma mingħajr ma jixxarrbu. Ġeħova kien għadu kif ġiegħel l-ilmijiet tax-Xmara Ġordan jieqfu bħallikieku kien hemm xi ħajt taʼ lqugħ. Issa, miljuni taʼ Israelin bdew jaqsmu f’purċissjoni twila u wiesgħa minn fuq qiegħ ix-xmara għal ġo l-Art Imwiegħda. Bħall-antenati tagħhom li 40 sena qabel qasmu l-Baħar l-Aħmar, ħafna li kienu qed jaqsmu l-Ġordan għandhom mnejn ħasbu, ‘Jien qatt ma se ninsa x’għamel Ġeħova hawnhekk.’—Ġoż. 3:13-17.
Madankollu, Ġeħova kien jaf li xi Israelin ‘malajr kienu se jinsew x’kien għamel.’ (Salm 106:13) Għalhekk, hu ordna lil Ġożwè, il-mexxej taʼ Israel, biex jieħu 12-il ġebla minn qiegħ ix-xmara u jqegħedhom bħala monument fl-ewwel post li kienu se jikkampjaw fih. Ġożwè spjega: “Dan il-ġebel irid iservi bħala tifkira għal ulied Israel.” (Ġoż. 4:1-8) Dan il-monument tal-ġebel kellu jfakkar lill-ġens fl-atti setgħana taʼ Ġeħova u jġegħelhom jaraw l-importanza għala għandhom dejjem jaqduh lealment.
Huwa dan ir-rakkont importanti għan-nies t’Alla llum? Iva. Aħna wkoll m’għandna qatt ninsew lil Ġeħova; irridu nkomplu naqduh lealment. Twissijiet oħrajn li ngħataw lill-ġens taʼ Israel jistgħu jiġu applikati għall-qaddejja taʼ Ġeħova llum. Ikkunsidra kliem Mosè: “Oqgħod attent għalik innifsek li ma tinsiex lil Ġeħova Alla tiegħek, u b’hekk ma tħarisx il-kmandamenti tiegħu u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħu u l-istatuti tiegħu.” (Dt. 8:11) Dan juri li min jinsa lil Ġeħova jistaʼ jasal biex ma jobdihx. Il-periklu huwa reali fi żmienna wkoll. Meta jikteb lill-Kristjani, l-appostlu Pawlu jwissi kontra l-“istess mudell taʼ diżubbidjenza” li l-Israelin urew fix-xagħri.—Ebr. 4:8-11.
Ejja nikkunsidraw xi ġrajjiet fl-istorja taʼ Israel li jenfasizzaw kemm m’għandniex ninsew lil Alla. Barra minn hekk, dak li nitgħallmu meta nikkunsidraw il-ħajjiet taʼ żewġt irġiel Israelin leali se jgħinna naqdu lil Ġeħova bis-sabar u bil-gratitudni.
Raġunijiet Biex Niftakru f’Ġeħova
Matul is-snin kollha li l-Israelin damu fl-Eġittu, Ġeħova qatt ma nsiehom. Hu “ftakar fil-patt tiegħu m’Abraham, Iżakk, u Ġakobb.” (Eżo. 2:23, 24) Dak li għamel dakinhar biex jeħlishom mill-jasar kien xi ħaġa verament memorabbli.
Ġeħova laqat lill-Eġittu b’disaʼ kastigi. Il-qassisin tal-Fargħun, li kienu jipprattikaw il-maġija, ma setgħu jagħmlu xejn biex iwaqqfuhom. Xorta waħda, il-Fargħun sfida lil Ġeħova billi rrifjuta li jħalli lill-Israelin jitilqu. (Eżo. 7:14–10:29) Madankollu, l-effetti taʼ l-għaxar kastig ġiegħlu lil dan il-ħakkiem kburi jbaxxi rasu għar-rieda t’Alla. (Eżo. 11:1-10; 12:12) B’Mosè fuq quddiem, il-ġens taʼ Israel flimkien maʼ kotra mħallta kbira ħafna, li x’aktarx kienet tgħodd madwar 3,000,000 ruħ, telqu mill-Eġittu. (Eżo. 12:37, 38) Ma tantx kien ilhom li telqu li l-Fargħun ma biddilx fehmtu. Hu ordna lill-karrijiet armati u lill-kavallerija tiegħu—l-iktar armata potenti fuq l-art f’dak iż-żmien—biex jerġgħu jaqbdu lill-ilsiera li kellu qabel. Sadattant, Ġeħova qal lil Mosè biex jieħu lill-Israelin f’post bejn il-Baħar l-Aħmar u katina taʼ muntanji, post li kien jidher li m’hemmx ħruġ minnu msejjaħ Piħaħirot.—Eżo. 14:1-9.
Il-Fargħun ħaseb li l-Israelin kienu daħlu f’nassa, u l-armata tiegħu kienet lesta biex tattakkahom. Imma Ġeħova żamm lill-Eġizzjani lura billi poġġa kolonna tas-sħab u kolonna tan-nar bejnhom u bejn l-Israelin. Imbagħad Alla feraq il-Baħar l-Aħmar, billi fetaħ passaġġ fuq qiegħ il-baħar b’ħitan taʼ ilmijiet fuq kull naħa, li x’aktarx kienu għoljin 15-il metru. Israel beda jaqsam il-baħar fuq art niexfa. F’qasir żmien l-Eġizzjani kienu fuq ix-xatt, u bdew jaraw lill-Israelin jitbiegħdu lejn in-naħa l-oħra.—Eżo. 13:21; 14:10-22.
Mexxej iktar prudenti kien jaħsibha darbtejn u ma jkomplix jiġri warajhom—imma mhux il-Fargħun. Peress li kellu fiduċja sħiħa fih innifsu, ordna lill-karrijiet u lill-irġiel tal-kavallerija tiegħu biex jgħaddu bil-ħeffa minn fuq qiegħ il-baħar. L-Eġizzjani baqgħu jlebbtu għal warajhom. Imma qabel ma setgħu jilħqu l-għassa taʼ l-Israelin li kienet timxi fuq wara, ġew imwaqqfin. Il-karrijiet Eġizzjani ma setgħux jiġru iktar! Ġeħova kien qalgħalhom ir-roti.—Eżo. 14:23-25; 15:9.
Waqt li l-Eġizzjani kienu qed jitħabtu mal-karrijiet imkissrin tagħhom, Israel kollu wasal fuq ix-xatt tal-lvant. Mosè mbagħad ħareġ idu għal fuq il-Baħar l-Aħmar. Malli għamel hekk, Ġeħova ġiegħel il-ħitan taʼ l-ilmijiet li kienu jifformaw il-passaġġ jaqgħu. Miljuni taʼ litri taʼ ilma niżlu jirbombjaw fuq il-Fargħun u l-gwerriera tiegħu u għarrquhom. Ħadd minn dawn l-għedewwa ma salva. Israel kien ħieles!—Eżo. 14:26-28; Salm 136:13-15.
L-aħbar dwar din il-ġrajja ġiegħlet li jaqaʼ biżaʼ kbir fuq il-ġnus taʼ madwarhom li dam fuqhom għal żmien twil. (Eżo. 15:14-16) Erbgħin sena wara, Raħab minn Ġeriko qalet lil żewġt irġiel Israelin: “Waqaʼ fuqna l-biżaʼ minnkom, . . . għax aħna smajna kif Ġeħova nixxef l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar minn quddiemkom meta ħriġtu mill-Eġittu.” (Ġoż. 2:9, 10) Lanqas dawk il-ġnus pagani ma kienu nsew kif Ġeħova ħeles lill-poplu tiegħu. Mela kemm iktar Israel kellu għalxiex jiftakar fih!
‘Iħarishom bħall-Mimmi t’Għajnejh’
Wara li għadda mill-Baħar l-Aħmar, Israel daħal fid-Deżert tas-Sinaj, “xagħri kbir li jqanqal il-biżaʼ.” Hekk kif ivvjaġġaw fuq dik il-“ħamrija niexfa, bla ilma”—u bla ikel għal kotra kbira bħal din—id Ġeħova ma kinitx qasira. Mosè ftakar: “[Ġeħova] sabu [lil Israel] f’art li hi xagħri, u f’deżert vojt, b’għajat tal-waħx. Hu beda jipproteġih, jieħu ħsiebu, iħarsu bħall-mimmi t’għajnejh.” (Dt. 8:15; 32:10) Alla kif ħa ħsiebhom?
Ġeħova tahom il-“ħobż mis-smewwiet,” imsejjaħ manna, li kien jidher b’mod mirakoluż “fuq wiċċ ix-xagħri.” (Eżo. 16:4, 14, 15, 35) Ġeħova ġiegħel ukoll l-ilma jgelgel minn “blata taż-żnied.” Bil-barka t’Alla, ħwejjiġhom ma qdimux, u lanqas saqajhom ma ntefħu matul l-40 sena li qattgħu fix-xagħri. (Dt. 8:4) Bi dritt, Ġeħova x’kellu jistenna minnhom? Mosè qal lil Israel: “Oqgħod attent għalik innifsek u ħu ħsieb ruħek sew, sabiex ma tinsiex l-affarijiet li rajt b’għajnejk u biex ma jitbegħdux minn qalbek il-jiem kollha taʼ ħajtek.” (Dt. 4:9) Kieku l-Israelin ftakru bi gratitudni l-atti taʼ salvazzjoni li għamel Ġeħova, huma dejjem kienu se jaqduh u jagħmlu ħilithom kollha biex jobdu l-liġijiet tiegħu. Israel x’kien se jagħmel?
Li Tinsa Jwassal għall-Ingratitudni
Mosè ddikjara: “Il-Blata li nisslek, insejtu, u ħriġtu minn moħħok lil Alla.” (Dt. 32:18) L-atti taʼ Ġeħova fil-Baħar l-Aħmar, il-provvedimenti tiegħu li żammew lill-ġens ħaj fix-xagħri, u l-affarijiet tajbin l-oħrajn kollha li kien għamel Ġeħova malajr ġew injorati jew minsijin. L-Israelin saru ribellużi.
Kien hemm żmien meta l-Israelin bdew iċanfru lil Mosè għax ħasbu li ma kinux se jsibu ilma. (Num. 20:2-5) Dwar il-manna li żammithom ħajjin, huma lmentaw: “Ruħna xebgħet mill-ħobż taʼ min jistmerru.” (Num. 21:5) Huma ddubitaw il-ġudizzju t’Alla u ċaħdu lil Mosè bħala mexxej, billi qalu: “Mhux li mitna fl-art taʼ l-Eġittu, jew mhux li mitna f’dan ix-xagħri! . . . Ejja naħtru kap, u mmorru lura l-Eġittu!”—Num. 14:2-4.
Id-diżubbidjenza taʼ Israel kif effettwatu lil Ġeħova? Wara li rrifletta dwar dawk il-ġrajjiet, salmista iktar tard kiteb: “Kemm-il darba rribellaw kontrih fix-xagħri, ġegħluh iħossu mweġġaʼ fid-deżert! Darba wara l-oħra għaddew lil Alla minn prova, u weġġgħu lill-Qaddis taʼ Israel. Ma ftakrux f’idu, fil-jum li fdiehom mill-avversarju, fis-sinjali li għamel fl-Eġittu.” (Salm 78:40-43) Iva, il-fatt li l-Israelin insew, weġġaʼ profondament lil Ġeħova.
Tnejn li Ma Nsewx
Madankollu, xi Israelin ma nsewhx lil Ġeħova. Tnejn minnhom kienu Ġożwè u Kaleb. Huma kienu fost grupp taʼ 12-il spija li ntbagħtu minn Kades-barnegħa biex jitkixxfu l-Art Imwiegħda. Għaxra minnhom taw rapport negattiv, imma Ġożwè u Kaleb qalu lill-poplu: “L-art li għaddejna minnha biex nitkixxfuha, hija art tajba ħafna u ħafna. Jekk Ġeħova kuntent bina, żgur li jdaħħalna f’din l-art u jagħtihielna; hija art li tnixxi ħalib u għasel. Biss tirribellawx kontra Ġeħova.” Meta n-nies semgħu dan il-kliem, qalu li riedu jħaġġru lil Ġożwè u lil Kaleb. Imma dawn it-tnejn baqgħu sodi b’fiduċja sħiħa f’Ġeħova.—Num. 14:6-10.
Snin wara, Kaleb qal lil Ġożwè: “Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova bagħatni minn Kades-barnegħa biex nitkixxef l-art, u meta ġejt lura għedtlu eżatt kif qanqlitni qalbi. U ħuti li telgħu miegħi ġiegħlu qalb il-poplu ddub; imma inkwantu għalija, jien imxejt wara Ġeħova Alla tiegħi bis-sħiħ.” (Ġoż. 14:6-8) B’fiduċja f’Alla, Kaleb u Ġożwè ssaportew diversi tbatijiet. Kienu determinati li jiftakru f’Ġeħova l-jiem kollha taʼ ħajjithom.
Kaleb u Ġożwè wrew ukoll il-gratitudni, billi rrikonoxxew li Ġeħova kien wettaq il-wegħda tiegħu li jagħti art fertili lill-poplu tiegħu. Iva, l-Israelin kienu jafu ħajjithom lilu. Ġożwè kiteb: “Ġeħova ta lil Israel l-art kollha li kien ħalef li jagħti lil missirijiethom . . . Lanqas wegħda waħda ma naqset mill-wegħdi tajbin kollha li Ġeħova kien għamel lil dar Israel; kollha seħħew.” (Ġoż. 21:43, 45) Aħna llum kif nistgħu nuru l-istess gratitudni li wrew Kaleb u Ġożwè?
Irringrazzjah
Bniedem li kellu l-biżaʼ t’Alla darba staqsa: “X’se nagħti lil Ġeħova għall-benefiċċji kollha li tani?” (Salm 116:12) Tant hu kbir id-dejn tagħna m’Alla minħabba l-barkiet materjali tiegħu, il-gwida spiritwali tiegħu, u l-mezz tiegħu taʼ salvazzjoni futura li lanqas l-eternità ma se tkun twila biżżejjed biex inħallsuh. Fil-fatt, lil Ġeħova qatt ma nistgħu nħallsuh. Imma lkoll kemm aħna nistgħu nuru gratitudni.
Għenuk il-pariri taʼ Ġeħova biex tevita l-problemi? Għenitek il-maħfra tiegħu biex Proverbji 3:5, 6: ‘Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.’ Jien ċerta li bħalma Ġeħova għenni s’issa, dejjem se jibqaʼ jgħinni.”
terġaʼ tikseb kuxjenza nadifa? Il-benefiċċji minn dawn l-atti t’Alla jdumu għal ħafna żmien, u hekk għandha ddum il-gratitudni tiegħek lejh. Tfajla t’14-il sena jisimha Sandra ffaċċjat problemi serji imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova rnexxielha tegħlibhom. Hi tgħid: “Tlabt lil Ġeħova għall-għajnuna, u bqajt impressjonata bil-mod kif għenni. Issa naf għala missieri spiss kien ikellimni dwarUri li Tiftakar f’Ġeħova Billi Tissaporti
Il-Bibbja tenfasizza kwalità oħra li hija konnessa maʼ li niftakru f’Ġeħova: “Ħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox, sabiex b’hekk tkunu kompluti u sħaħ f’kull aspett bla ma jonqoskom xejn.” (Ġak. 1:4) X’jinvolvi li nkunu “kompluti u sħaħ f’kull aspett”? Jinvolvi li niżviluppaw il-kwalitajiet li jgħinuna niffaċċjaw il-provi tagħna b’fiduċja f’Ġeħova u b’determinazzjoni li negħlbuhom, billi ma naqtgħux qalbna. Dan it-tip taʼ sabar iġib sodisfazzjon kbir meta jgħaddu l-provi tal-fidi. U dawn dejjem jgħaddu.—1 Kor. 10:13.
Xhud li ilu jaqdi lil Ġeħova għal ħafna snin u li ffaċċja ħafna problemi serji taʼ saħħa jispjega x’għenu jissaporti: “Jien nipprova naħseb dwar dak li qed jagħmel Ġeħova, mhux dwar dak li rrid nagħmel jien. L-integrità tfisser li nżomm għajnejja fuq l-iskopijiet t’Alla, mhux fuq ix-xewqat tiegħi. Meta niffaċċja l-problemi, ma ngħidx, ‘Għala jien, Ġeħova?’ Sempliċement inkompli naqdih u nibqaʼ qrib tiegħu anki meta bla mistenni tinqalaʼ xi problema.”
Illum, il-kongregazzjoni Kristjana tqim lil Ġeħova “bl-ispirtu u l-verità.” (Ġw. 4:23, 24) Bħala grupp, il-Kristjani veri qatt m’huma se jinsew lil Alla kif insieh il-ġens taʼ Israel. Imma l-fatt li nkunu parti mill-kongregazzjoni m’huwiex fih innifsu garanzija li se nibqgħu nżommu l-integrità persunali tagħna. Bħal Kaleb u Ġożwè, kull wieħed u waħda minna rridu nuru l-gratitudni u s-sabar fis-servizz taʼ Ġeħova. Hemm raġuni tajba għala għandna nagħmlu hekk, għax Ġeħova jkompli jiggwidana u jieħu ħsiebna individwalment f’dan iż-żmien diffiċli tat-tmiem.
Bħall-monument tal-ġebel li bena Ġożwè, ir-rekord taʼ l-atti taʼ salvazzjoni minn Alla jassigurana li hu mhux se jabbanduna lill-poplu tiegħu. Għalhekk, jalla jkollok l-istess sentimenti li kellu s-salmista li kiteb: “Jien se niftakar dak li għamel Jah; iva, niftakar l-għemejjel meraviljużi tiegħek taʼ żmien twil ilu. U se nimmedita fuq l-attività tiegħek kollha, u nikkunsidra għemilek.”—Salm 77:11, 12.
[Stampa f’paġna 7]
Il-ġens kollu kemm hu kellu jivvjaġġa fuq “ħamrija niexfa”
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
[Stampa f’paġna 8]
Meta Israel ikkampja f’Kades-barnegħa, intbagħtu xi spiji fl-Art Imwiegħda
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
[Stampa f’paġna 9]
Wara snin sħaħ fix-xagħri, l-Israelin setgħu jkunu grati għall-Art Imwiegħda li kienet fertili
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
[Stampa f’paġna 10]
Jekk niffokaw fuq l-iskopijiet taʼ Ġeħova se niġu megħjunin nissaportu kwalunkwe sfida li niffaċċjaw