Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

L-​Iskrittura ssemmi l-​“ktieb taʼ Ġasar” u “ktieb il-​Gwerer taʼ Ġeħova.” (Ġoż. 10:13; Num. 21:14) Dawn iż-​żewġ kotba ma jidhrux fil-​lista tal-​kotba tal-​Bibbja. Kienu dawn kitbiet ispirati li maż-​żmien intilfu?

M’hemm ebda raġuni biex nikkonkludu li dawn iż-​żewġ kotba nkitbu b’ispirazzjoni u li iktar tard intilfu. Kittieba ispirati tal-​Bibbja rreferew għal għadd mhux ħażin taʼ kitbiet oħrajn. Ftit minnhom jistgħu tabilħaqq ikunu partijiet mill-​Bibbja li sempliċement kienu deskritti b’termini li l-​qarrejja taʼ llum m’humiex familjari magħhom. Per eżempju, l-​1 Kronaki 29:29 isemmi “l-​kliem taʼ Samwel, il-​veġġent,” “il-​kliem taʼ Natan, il-​profeta,” u “l-​kliem taʼ Gad, il-​viżjonarju.” Dawn it-​tlieta jistaʼ jkun li qed jirreferu għall-​kotba li nafuhom bħala l-​1 u t-​2 Samwel, jew forsi għall-​ktieb taʼ l-​Imħallfin.

Mill-banda l-​oħra, ċerti referenzi jistgħu jkunu għal kotba li għandhom ismijiet simili għall-​kotba tal-​Bibbja imma li attwalment m’humiex parti mill-​Bibbja. Dan nistgħu nagħtu eżempju tiegħu b’erbaʼ kotba antiki: “ktieb il-​ġrajjiet taż-​żminijiet tas-​slaten taʼ Ġuda,” il-​“Ktieb tas-​Slaten taʼ Ġuda u taʼ Israel,” il-​“Ktieb tas-​Slaten taʼ Israel,” u l-​“Ktieb tas-​Slaten taʼ Israel u taʼ Ġuda.” Filwaqt li dawn l-​ismijiet jistgħu jinstemgħu li huma simili għall-​ismijiet tal-​kotba tal-​Bibbja li nafuhom bħala l-​1 Slaten u t-​2 Slaten, l-​erbaʼ kotba ma kinux ispirati, u dawn il-​kotba lanqas m’huma parti mil-​lista tal-​kotba tal-​Bibbja. (1 Slat. 14:29; 2 Kron. 16:11; 20:34; 27:7) X’aktarx li dawn kienu sempliċement kitbiet storiċi li kienu disponibbli fil-​perijodu meta l-​profeta Ġeremija u Esdra kitbu r-​rakkonti li għandna fil-​Bibbja.

Iva, xi kittieba tal-​Bibbja fil-​fatt irreferew għal jew ikkonsultaw rakkonti storiċi jew dokumenti li kienu jeżistu imma li ma kinux ispirati. Ester 10:2 jirreferi għal “Ktieb il-​ġrajjiet taż-​żminijiet tas-​slaten tal-​Medja u l-​Persja.” Bl-​istess mod, biex jipprepara r-​rakkont taʼ l-​Evanġelju tiegħu, Luqa ‘fittex kollox mill-​bidu b’eżattezza.’ Hu x’aktarx li ried ifisser li kkonsulta sorsi miktubin li kienu disponibbli għalih hekk kif ġabar flimkien il-​lista tal-​ġenealoġija taʼ Ġesù li nistgħu naqrawha fl-​Evanġelju tiegħu. (Lq. 1:3; 3:23-38) Filwaqt li d-​dokumenti li kkonsulta Luqa ma kinux ispirati, l-​Evanġelju li kiteb ċertament li kien ispirat. U dan l-​Evanġelju jibqaʼ prezzjuż għalina.

Inkwantu għaż-​żewġ kotba msemmijin fil-​mistoqsija—il-​“ktieb taʼ Ġasar” u “ktieb il-​Gwerer taʼ Ġeħova”—dawn donnhom li kienu dokumenti li kienu jeżistu imma li ma kinux ispirati. Minħabba f’hekk, Ġeħova ma ppreservahomx. Ir-​referenzi Bibliċi għal dawn iż-​żewġ kotba wasslu lil xi studjużi biex jikkonkludu li t-​tnejn kienu kollezzjonijiet taʼ poeżiji jew għanjiet dwar il-​konflitti taʼ bejn Israel u l-​għedewwa tiegħu. (2 Sam. 1:17-27) Enċiklopedija Biblika tissuġġerixxi li l-​kontenut taʼ dawn il-​kotba għandu mnejn kien “il-​kollezzjoni komuni taʼ poeżiji u għanjiet preservati minn għannejja professjonali f’Israel tal-​qedem.” Saħansitra xi rġiel li Alla kultant użahom bħala profeti jew viżjonarji kitbu xi dokumenti li Ġeħova la ispirahom u lanqas għażilhom biex jinkludihom fl-​Iskrittura, li “tiswa biex tgħallem, twiddeb, [u] tikkoreġi,” fi żmienna.—2 Tim. 3:16; 2 Kron. 9:29; 12:15; 13:22.

Il-fatt li ċerti kotba ssemmew fil-​Bibbja u li kienu sorsi li setgħu jintużaw m’għandux iwassalna biex nikkonkludu li kienu ispirati. Madankollu, Alla Ġeħova ppreserva l-​kitbiet kollha li fihom hemm “il-​kelma t’Alla tagħna,” u dawn se ‘jibqgħu għal dejjem.’ (Is. 40:8) Iva, dak li għażel li jinkludi Ġeħova fis-​66 ktieb tal-​Bibbja li għandna f’idejna hu preċiż dak li neħtieġu biex ‘inkunu kapaċi għalkollox, armati bis-​sħiħ għal kull għemil tajjeb.’—2 Tim. 3:16, 17.