“Oqogħdu Attenti”
“Qorob it-tmiem taʼ kollox. . . . Oqogħdu attenti u tittraskurawx it-talb.”—1 PT. 4:7.
1. X’kienet it-tema tat-tagħlim taʼ Ġesù?
META Ġesù Kristu kien fuq l-art, it-tema tat-tagħlim tiegħu kienet is-Saltna t’Alla. Permezz taʼ dik is-Saltna, Ġeħova se jivvindika s-sovranità universali tiegħu u se jqaddes ismu. B’hekk, Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu lil Alla: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mt. 4:17; 6:9, 10) Dak il-gvern tas-Saltna dalwaqt se jtemm id-dinja taʼ Satana u mbagħad se jara li ssir ir-rieda t’Alla maʼ l-art kollha. Bħalma bassar Danjel, is-Saltna t’Alla “se tfarrak u ttemm dawn is-saltniet kollha [taʼ llum], u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Dan. 2:44.
2. (a) Is-segwaċi taʼ Ġesù kif kellhom ikunu jafu li kien preżenti fil-qawwa tas-Saltna? (b) Is-sinjal x’kellu jindika wkoll?
2 Minħabba li l-miġja tas-Saltna t’Alla kienet importanti ħafna għas-segwaċi taʼ Ġesù, huma staqsewh: “X’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema?” (Mt. 24:3) Kien se jingħata sinjal viżibbli minħabba l-fatt li l-preżenza taʼ Kristu fil-qawwa tas-Saltna kellha tkun inviżibbli għal dawk fuq l-art. Dan is-sinjal kellu jkun kompost minn diversi karatteristiki mbassrin fl-Iskrittura. Għaldaqstant, is-segwaċi taʼ Ġesù li kellhom ikunu ħajjin dak iż-żmien kienu se jindunaw li hu kien beda jaħkem fis-sema. Kien se jimmarka wkoll il-bidu tal-perijodu taʼ żmien li fil-Bibbja huwa magħruf bħala l-“aħħar jiem” tas-sistema mill-agħar li issa qed tiddomina lill-art.—2 Tim. 3:1-5, 13; Mt. 24:7-14.
Oqgħod Attent fl-Aħħar Jiem
3. Il-Kristjani għala kellhom bżonn joqogħdu attenti?
3 L-appostlu Pietru kiteb: “Qorob it-tmiem taʼ kollox. Għalhekk, kunu moħħkom f’loku, u oqogħdu attenti u tittraskurawx it-talb.” (1 Pt. 4:7) Is-segwaċi taʼ Ġesù kellhom bżonn joqogħdu attenti, għassa għal ġrajjiet tad-dinja li jindikaw li kien preżenti fil-qawwa tas-Saltna. U iktar ma joqrob it-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar, iktar kien se jkun urġenti li joqogħdu attenti. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ibqgħu għassa, għax ma tafux meta ġej sid id-dar [biex jesegwixxi ġudizzju fuq id-dinja taʼ Satana].”—Mk. 13:35, 36.
4. Uri l-kuntrast li hemm bejn l-attitudni tan-nies li huma parti mid-dinja taʼ Satana u dik tal-qaddejja taʼ Ġeħova. (Inkludi l-kaxxa.)
4 In-nies in ġenerali huma dominati minn Satana, u ma joqogħdux għassa għas-sinifikat tal-ġrajjiet dinjin. Ma jindunawx bil-preżenza taʼ Kristu fil-qawwa tas-Saltna. Imma s-segwaċi veri taʼ Kristu qagħdu attenti u indunaw bis-sinifikat veru taʼ dak li ġara fl-aħħar seklu. Mill-1925 ’l hawn, ix-Xhieda taʼ Ġeħova rrikonoxxew li l-ewwel gwerra dinjija u l-ġrajjiet li ġew wara huma evidenza ċerta li l-preżenza taʼ Kristu fil-qawwa tas-Saltna fis-sema bdiet fl-1914. B’hekk, kienu bdew l-aħħar jiem taʼ din is-sistema mill-agħar taħt il-ħakma taʼ Satana. Ħafna nies li josservaw, għalkemm ma jafux is-sinifikat, jirrikonoxxu d-differenza drammatika bejn il-perijodu qabel l-ewwel gwerra dinjija u l-perijodu minn dakinhar ’l hawn.—Ara l-kaxxa “Iż-Żmien taʼ Taqlib Beda.”
5. Għala huwa vitali li nibqgħu noqogħdu attenti?
5 Għal kważi seklu issa, ġrajjiet li jkexkxu u li seħħew madwar id-dinja huma evidenza li qed ngħixu fl-aħħar jiem. Fadal biss ftit żmien qabel ma Ġeħova jagħti l-kmand lil Kristu biex imexxi l-forzi anġeliċi qawwijin kontra d-dinja taʼ Satana. (Riv. 19:11-21) Il-Kristjani veri jintqalilhom biex jibqgħu għassa. Għaldaqstant huwa urġenti li nibqgħu nagħmlu dan hekk kif nistennew it-tmiem taʼ din is-sistema. (Mt. 24:42) Irridu nibqgħu għassa, u fi qbil mad-direzzjoni taʼ Kristu, għandna nwettqu xogħol speċifiku madwar l-art kollha.
Xogħol Madwar l-Art Kollha
6, 7. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna kif avanza matul l-aħħar jiem?
6 Ix-xogħol li jridu jagħmlu l-qaddejja taʼ Ġeħova ġie mbassar bħala li hu parti mis-sinjal kompost li jindika li qegħdin fl-aħħar jiem taʼ din is-sistema mill-agħar. Ġesù ddeskriva dan ix-xogħol globali meta semma lista taʼ diversi affarijiet li kellhom jiġru fiż-żmien tat-tmiem. Inkluża fil-profezija tiegħu kien hemm din l-istqarrija sinifikanti: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mt. 24:14.
7 Aħseb dwar ftit mill-fatti relatati maʼ dan id-dettall tal-profezija taʼ Ġesù. In-numru taʼ nies li pproklamaw l-aħbar tajba kien żgħir ħafna meta bdew l-aħħar jiem fl-1914. S’issa, dak in-numru kiber ħafna. Hemm iktar minn 7,000,000 Xhud taʼ Ġeħova jippridkaw madwar l-art kollha, organizzati f’iktar minn 100,000 kongregazzjoni. Barra minn dawn, fl-2008, 10,000,000 ruħ oħra nġabru max-Xhieda taʼ Ġeħova għall-okkażjoni tat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu. Din kienet żjieda sinifikanti fl-attendenza fuq is-sena taʼ qabel.
8. L-oppożizzjoni għala ma waqqfitx l-ippridkar tagħna milli jkollu suċċess?
8 X’xiehda mill-aqwa dwar is-Saltna t’Alla qed tingħata fil-ġnus kollha qabel jiġi t-tmiem taʼ din is-sistema! U dan qed iseħħ minkejja l-fatt li Satana huwa “l-alla taʼ din is-sistema.” (2 Kor. 4:4) L-elementi politiċi, reliġjużi, u kummerċjali kollha taʼ din id-dinja kif ukoll il-mezzi tagħha biex ixxerred il-propaganda qed jiġu influwenzati minnu. Mela, xi jwassal għas-suċċess mill-aqwa tax-xogħol taʼ l-għoti taʼ xiehda? Huwa l-appoġġ taʼ Ġeħova. B’hekk, ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna għadu għaddej b’mod meraviljuż minkejja l-attentati taʼ Satana biex iwaqqfu.
9. Il-prosperità spiritwali għala tistaʼ tissejjaħ miraklu?
9 Is-suċċess tax-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u ż-żjieda u l-prosperità spiritwali tal-poplu taʼ Ġeħova jistgħu jiġu deskritti bħala miraklu. Mingħajr l-appoġġ t’Alla, li jinkludi l-gwida u l-protezzjoni li jagħti lill-poplu tiegħu, ix-xogħol taʼ l-ippridkar ma jkunx possibbli. (Aqra Mattew 19:26.) Nistgħu nibqgħu ċerti li sakemm l-ispirtu qaddis t’Alla jaħdem fil-qlub taʼ wħud li huma attenti u li huma lesti li jaqdu, dan ix-xogħol taʼ l-ippridkar se jibqaʼ għaddej u jkollu konklużjoni taʼ suċċess, “u mbagħad jiġi t-tmiem.” Dan iż-żmien riesaq bil-ħeffa.
‘It-Tribulazzjoni l-Kbira’
10. Ġesù kif iddeskrivieha t-tribulazzjoni l-kbira li ġejja?
10 It-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar se jiġi f’dik li tissejjaħ ‘it-tribulazzjoni l-kbira.’ (Riv. 7:14) Il-Bibbja ma tgħidilniex kemm se ddum din, imma Ġesù qal: “Imbagħad ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.” (Mt. 24:21) Meta nikkunsidraw it-tribulazzjoni li din id-dinja diġà esperjenzat, bħalma ġara fit-tieni gwerra dinjija meta mietu madwar 50 sa 60 miljun ruħ, it-tribulazzjoni l-kbira li ġejja se tkun ħarxa ferm tabilħaqq. Se tilħaq il-quċċata tagħha fil-battalja t’Armageddon. Dan se jseħħ meta Ġeħova se jibgħat lill-forzi tiegħu biex jagħmlu esekuzzjoni ħalli jeqirdu kull traċċa tas-sistema dinjija taʼ Satana.—Riv. 16:14, 16.
11, 12. Liema ġrajja se tindika li t-tribulazzjoni l-kbira tkun bdiet?
11 Il-profezija Biblika ma tgħidx x’inhi d-data taʼ meta se tibda l-ewwel fażi tat-tribulazzjoni l-kbira, imma fil-fatt tgħidilna liema ġrajja straordinarja se tindika l-bidu tagħha. Din il-ġrajja hija l-qerda tar-reliġjon falza kollha mill-qawwiet politiċi. Fil-profeziji Bibliċi misjubin f’Rivelazzjoni kapitli 17 u 18, ir-reliġjon falza hija mxebbha maʼ prostituta li kellha relazzjoni immorali mas-sistemi politiċi taʼ l-art. Rivelazzjoni 17:16 juri li ż-żmien dalwaqt jiġi meta dawn l-elementi politiċi “se jobogħdu lill-prostituta u jħarbtuha u jneżżgħuha, u jiklulha laħamha u jaħarquha għalkollox bin-nar.”
12 Meta jasal iż-żmien biex dan iseħħ, Alla se ‘jdaħħlilhom fi qlubhom [lill-ħakkiema politiċi] li jwettqu l-ħsieb tiegħu’ biex jeqirdu lir-reliġjon falza kollha. (Riv. 17:17) Għalhekk, jistaʼ jingħad li din il-qerda ġejja minn Alla. Hija l-ġudizzju tiegħu kontra r-reliġjon ipokrita li għal żmien twil għallmet duttrini li huma kontra r-rieda t’Alla u li ppersegwitat lill-qaddejja tiegħu. Id-dinja in ġenerali m’hijiex qed tistenna din il-qerda li ġejja fuq ir-reliġjon falza. Imma l-qaddejja leali taʼ Ġeħova iva. U matul dawn l-aħħar jiem, huma għadhom qed jgħidu lin-nies dwarha.
13. X’jindika li t-tmiem tar-reliġjon falza se jseħħ malajr?
13 Se jkun xokk kbir għan-nies meta jaraw ir-reliġjon falza meqruda. Il-profezija tal-Bibbja turi li saħansitra xi wħud mis-“slaten taʼ l-art” se jiddikjaraw dwar din il-qerda: “Jaħasra, jaħasra, . . . għax f’siegħa waħda wasal il-ġudizzju tiegħek!” (Riv. 18:9, 10, 16, 19) Meta l-Bibbja tuża l-kliem “siegħa waħda” turi li din il-ġrajja se sseħħ relattivament malajr.
14. Meta l-għedewwa taʼ Ġeħova finalment iduru kontra l-qaddejja tiegħu, Alla kif se jirreaġixxi?
14 Aħna nafu li ftit wara li tkun inqerdet ir-reliġjon falza se jkun hemm attakk fuq il-qaddejja taʼ Ġeħova, li kienu u għadhom qed jipproklamaw il-messaġġi taʼ ġudizzju tiegħu. (Eżek. 38:14-16) Meta jibda dan l-attakk, dawk li jattakkaw se jkollhom iħabbtu wiċċhom maʼ Ġeħova, li jwiegħed li se jipproteġi lill-poplu leali tiegħu. Ġeħova jiddikjara: “Fil-ħeġġa tiegħi, fin-nar tal-qilla tiegħi, se jkolli nitkellem. . . . U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.” (Aqra Eżekjel 38:18-23.) Alla jgħid fil-Kelma tiegħu: “Dak li qed imisskom [il-qaddejja leali tiegħu] qed imiss il-mimmi t’għajnejja.” (Żakk. 2:8) Għalhekk, meta l-għedewwa tiegħu jibdew l-attakk globali tagħhom kontra l-qaddejja tiegħu, Ġeħova se jirreaġixxi. Hu se jieħu azzjoni li se twassal għall-fażi finali tat-tribulazzjoni l-kbira—il-quċċata tagħha, Armageddon. Taħt il-kmand taʼ Kristu, il-forzi anġeliċi qawwijin se jesegwixxu l-ġudizzji taʼ Ġeħova kontra d-dinja taʼ Satana.
Kif Għandna Niġu Effettwati
15. Kif għandna niġu effettwati mill-fatt li nafu li qorob it-tmiem taʼ din is-sistema?
15 Kif għandu jeffettwana l-fatt li nafu li t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar riesaq bil-ħeffa? L-appostlu Pietru kiteb: “Ladarba dawn kollha għad idubu b’dan il-mod, oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla”! (2 Pt. 3:11) Dan il-kliem jenfasizza li għandna bżonn nibqgħu għassa sabiex inkunu ċerti li l-kondotta tagħna hi fi qbil mal-ħtiġijiet t’Alla u li l-ħajja tagħna tinkludi għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, li jirriflettu l-imħabba tagħna għal Ġeħova. Għemejjel bħal dawn jinkludu li nagħmlu l-aħjar li nistgħu fl-ippridkar taʼ l-aħbar it-tajba tas-Saltna qabel jiġi t-tmiem. Pietru kiteb ukoll: “Qorob it-tmiem taʼ kollox. . . . Oqogħdu attenti u tittraskurawx it-talb.” (1 Pt. 4:7) Jekk induru lejn Ġeħova bit-talb il-ħin kollu, billi nitolbuh jagħtina l-gwida permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu u l-kongregazzjoni tiegħu taʼ madwar id-dinja, aħna se nersqu qrib Ġeħova u se nuru li nħobbuh.
16. Għala hemm bżonn li nżommu mill-qrib mal-pariri t’Alla?
16 F’dawn iż-żminijiet perikolużi, hemm bżonn li nżommu mill-qrib mal-pariri tal-Kelma t’Alla: “Oqogħdu attenti bis-sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-ħin bl-aħjar mod, għax il-jiem huma ħżiena.” (Efes. 5:15, 16) Illum il-ġurnata hawn iktar ħażen milli qatt kien hawn f’xi żmien ieħor fl-istorja. Satana vvinta ħafna affarijiet biex iżomm lin-nies milli jagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova jew sempliċement biex jaljenahom. Bħala qaddejja t’Alla, aħna dan nafuh, u ma rridu nħallu xejn idgħajjef il-lealtà tagħna lejn Alla. Nafu wkoll dak li se jiġri dalwaqt, u aħna npoġġu l-fiduċja tagħna f’Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu.—Aqra l-1 Ġwanni 2:15-17.
17. Iddeskrivi kif se jirreaġixxu dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon meta jseħħ l-irxoxt.
17 Il-wegħda meraviljuża li Alla se jġib lill-mejtin lura għall-ħajja se sseħħ, għax “se jkun hemm irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Innota x’enfasi hemm f’din il-wegħda: “Se jkun hemm irxoxt”! M’hemm l-ebda dubju dwarha, għax Ġeħova ta kelmtu! Isaija 26:19 iwiegħed: “Il-mejtin tiegħek se jgħixu. . . . Stenbħu u għajtu bil-ferħ, O residenti tat-trab! . . . L-art se tħalli jitwieldu lil dawk bla qawwa fil-mewt.” Dan il-kliem kellu l-ewwel twettiq meta l-poplu t’Alla tal-qedem mar lura f’art twelidu, u jagħtina fiduċja fit-twettiq letterali li ġej fid-dinja l-ġdida. X’ferħ kbir se jkun hemm hekk kif dawk li jiġu rxoxtati jerġgħu jingħaqdu mal-maħbubin tagħhom! Iva, it-tmiem tad-dinja taʼ Satana huwa fil-qrib, u d-dinja l-ġdida t’Alla hija qrib ferm. Kemm hu vitali li nibqgħu attenti!
Tiftakar Int?
• X’kienet it-tema tat-tagħlim taʼ Ġesù?
• Kemm hu mifrux illum ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna?
• Għala huwa vitali li noqogħdu attenti?
• Xi ssib inkuraġġanti dwar il-wegħda li hemm f’Atti 24:15?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa/Stampa f’paġna 16, 17]
IŻ-ŻMIEN TAʼ TAQLIB BEDA
The Age of Turbulence: Adventures in a New World huwa t-titlu taʼ ktieb maħruġ fl-2007, miktub minn Alan Greenspan. Għal kważi 20 sena, hu kien chairman tal-Bord tar-Riserva Federali taʼ l-Istati Uniti, li jieħu ħsieb is-sistema bankarja ċentrali kollha taʼ dan il-pajjiż. Greenspan jiġbed l-attenzjoni lejn il-kuntrast qawwi li hemm bejn is-sitwazzjoni tad-dinja taʼ qabel l-1914 u dak li ġie wara:
“Mir-rakkonti kontemporanji kollha, id-dinja taʼ qabel l-1914 kienet tidher li kienet dejjem riesqa lejn livelli ogħla taʼ ċiviltà u ċivilizzazzjoni; is-soċjetà umana kienet tidher li riesqa lejn il-perfezzjoni. Is-seklu dsatax kien temm l-ittraffikar kiefer taʼ l-iskjavi. Il-vjolenza brutali kienet tidher li qed tonqos. . . . Il-pass taʼ l-invenzjonijiet madwar id-dinja kien avanza matul is-seklu dsatax, u dan ġab miegħu l-ferrovija, it-telefon, id-dawl elettriku, iċ-ċinema, il-karozza, u l-kumditajiet tad-dar li huma numerużi ħafna biex issemmihom kollha. Ix-xjenza medika, l-ikel aħjar, u t-tqassim iktar mifrux taʼ ilma tajjeb għax-xorb kien tawwal it-tul tal-ħajja . . . Kulħadd kien iħoss li dan il-progress kien se jibqaʼ sejjer.”
Imma . . . “L-ewwel gwerra dinjija ħarbtet iċ-ċiviltà u ċ-ċivilizzazzjoni iktar mit-tieni gwerra dinjija li fiżikament kienet ferm iktar qerrieda: l-ewwel gwerra qerdet idea. Ma nistax inneħħi minn moħħi dawk is-snin taʼ qabel l-ewwel gwerra dinjija, meta l-futur taʼ l-umanità kien jidher li hu mingħajr xkiel u mingħajr limitu. Illum il-ħarsa tagħna hija ħafna differenti minn dik taʼ seklu ilu imma naħseb li taqbel ftit iktar mar-realtà. Sejrin il-biżaʼ, is-sħana globali, jew il-populiżmu, li qed jerġaʼ jidher, ikollhom l-istess effett fuq l-era taʼ llum tal-globalizzazzjoni li qed iġġib progress fil-ħajja, bħalma kellha l-ewwel gwerra dinjija fuq l-era taʼ qabel? Ħadd ma jistaʼ jkun ċert mit-tweġiba.”
Greenspan ftakar, minn meta kien għadu student, stqarrija li kienet saret mill-Professur taʼ l-Ekonomija Benjamin M. Anderson (1886-1949): “Dawk li huma kbar biżżejjed fl-età biex jiftakru u jifhmu kif kienet id-dinja qabel l-ewwel gwerra dinjija jħarsu lura lejha b’nostalġija kbira. Dak iż-żmien kien hemm sens taʼ sigurtà li qatt ma reġaʼ eżista minn dakinhar ’l hawn.”—Economics and the Public Welfare.
G. J. Meyer, li kiteb il-ktieb A World Undone, pubblikat fl-2006, wasal għall-istess konklużjoni. Naqraw: “Spiss jingħad li l-ġrajjiet storiċi ‘biddlu kollox.’ Fil-każ tal-Gwerra l-Kbira [1914-1918] dan, għal darba, huwa minnu. Il-gwerra fil-veru sens tal-kelma biddlet kollox: mhux biss il-fruntieri, mhux biss il-gvernijiet u d-destin tal-ġnus, imma wkoll il-mod kif in-nies qiesu d-dinja u lilhom infushom minn dakinhar ’l hawn. Saret bħal qasma fl-istorja, li ħalliet id-dinja taʼ wara l-gwerra maqtugħa b’mod permanenti minn dak kollu li kien ġie qabel.”
[Stampa f’paġna 18]
F’Armageddon, Ġeħova se jibgħat forzi anġeliċi qawwijin