Ġob Onora l-Isem taʼ Ġeħova
“Ħa jkompli jkun imbierek isem Ġeħova.”—ĠOB 1:21.
1. Min x’aktarx li kiteb il-ktieb taʼ Ġob, u meta?
MOSÈ kellu madwar 40 sena meta ħarab mill-Eġittu biex jiskansa l-korla tal-Fargħun u beda jgħix f’Midjan. (Atti 7:23) Sakemm għex f’dik l-art, hu setaʼ semaʼ dwar il-provi taʼ Ġob, li kien jgħix fil-qrib fl-art t’Uż. Snin wara, meta Mosè u l-ġens taʼ Israel kienu qrib Uż lejn it-tmiem tal-vjaġġ tagħhom fix-xagħri, Mosè għandu mnejn sar jaf dwar l-aħħar snin taʼ Ġob. Skond it-tradizzjoni Lhudija, Mosè kiteb il-ktieb taʼ Ġob ftit taż-żmien wara l-mewt taʼ Ġob.
2. Il-ktieb taʼ Ġob b’liema modi jinkuraġġixxi lill-qaddejja taʼ Ġeħova fi żminijiet moderni?
2 Il-ktieb taʼ Ġob isaħħaħ il-fidi tal-qaddejja t’Alla fi żminijiet moderni. B’liema modi? Ir-rakkont jgħinna nifhmu ġrajjiet taʼ importanza kbira li seħħew fis-sema u jitfaʼ enfasi fuq l-iktar kwistjoni importanti, dik tas-sovranità universali t’Alla. Ukoll, ir-rakkont taʼ Ġob jgħinna nifhmu iktar x’inhu involut f’li nżommu l-integrità u għala Ġeħova kultant iħalli l-qaddejja tiegħu jsofru. Barra minn hekk, il-ktieb taʼ Ġob juri li Satana x-Xitan huwa l-Avversarju ewlieni taʼ Ġeħova u l-għadu taʼ l-umanità. Il-ktieb juri wkoll li bnedmin imperfetti bħal Ġob jistgħu jibqgħu leali lejn Ġeħova minkejja tiġrib kbir. Ejja neżaminaw xi ġrajjiet li huma deskritti fil-ktieb taʼ Ġob.
Ġob Imġarrab Minn Satana
3. X’nafu dwar Ġob, u Satana għala għamlu l-mira tiegħu?
3 Ġob kien raġel sinjur u influwenti, patrijarka li kellu karattru morali sod. B’mod evidenti hu kien wieħed li jagħti l-pariri u li kien rispettat ferm, wieħed li kien jgħin lil dawk fil-bżonn. Iktar importanti minn hekk, Ġob kien jibżaʼ minn Alla. Ġob huwa deskritt bħala raġel “bla ħtija u rett, jibżaʼ minn Alla u jitbiegħed mill-ħażen.” Kienet id-devozzjoni tiegħu lejn Alla—u mhux il-ġid u l-influwenza li kellu fuq oħrajn—li għamlet lil Ġob il-mira taʼ l-attakki taʼ Satana x-Xitan.—Ġob 1:1; 29:7-16; 31:1.
4. X’inhi l-integrità?
4 L-introduzzjoni narrattiva tal-ktieb taʼ Ġob tiddeskrivi laqgħa fis-sema fejn l-anġli dehru quddiem Ġeħova. Satana kien preżenti wkoll, u beda jakkuża lil Ġob. (Aqra Ġob 1:6-11.) Għalkemm Satana semma l-ġid taʼ Ġob, hu ffoka l-attenzjoni tiegħu fuq li jisfida l-integrità taʼ Ġob. Il-kelma “integrità” ġġorr il-ħsieb taʼ li wieħed ikun rett, bla ħtija, ġust, u bla nuqqas. Skond kif inhi użata fil-Bibbja, l-integrità tal-bniedem tindika devozzjoni b’qalb sħiħa lejn Ġeħova nnifsu.
5. Satana x’sostna dwar Ġob?
5 Satana sostna li l-qima taʼ Ġob lejn Alla kienet ibbażata fuq l-egoiżmu u mhux fuq l-integrità. Satana allega li Ġob kien se jibqaʼ leali lejn Ġeħova sakemm Alla jibqaʼ jippremjah u jipproteġih. Sabiex jipprovdi tweġiba għall-akkuża taʼ Satana, Ġeħova ħalla lil Satana jattakka lil dan ir-raġel leali. Minħabba f’hekk, f’ġurnata waħda, Ġob sar jaf li l-annimali tiegħu ġew misruqin jew meqrudin, il-qaddejja tiegħu nqatlu, u l-għaxart itfal tiegħu kienu tilfu ħajjithom. (Ġob 1:13-19) Ċeda Ġob għall-attakk taʼ Satana? Ir-rakkont ispirat jiddeskrivi r-reazzjoni taʼ Ġob għall-isfortuna tiegħu: “Ġeħova tani, u Ġeħova ħadli. Ħa jkompli jkun imbierek isem Ġeħova.”—Ġob 1:21.
6. (a) X’ġara matul laqgħa oħra li kien hemm fis-sema? (b) Satana lil min kellu f’moħħu meta sfida l-integrità taʼ Ġob lejn Ġeħova?
6 Iktar tard, kien hemm laqgħa oħra fis-sema. Għal darb’oħra, Satana beda jakkuża lil Ġob, billi qal: “Ġild għal ġild, u raġel jagħti kulma jkollu għal ruħu. Imma issa midd idek, jekk jogħġbok, u misslu s’għadmu u laħmu u ara jekk jisħtekx f’wiċċek.” Innota li Satana inkluda lil oħrajn fl-akkuża tiegħu. Billi qal, “Raġel jagħti kulma jkollu għal ruħu,” ix-Xitan mhux biss sfida l-integrità taʼ Ġob imma wkoll dik taʼ kwalunkwe “raġel” li jqim lil Ġeħova. Minn dakinhar ’il quddiem, Alla ppermetta lil Satana biex jolqot lil Ġob b’marda taʼ wġigħ. (Ġob 2:1-8) Imma dawn ma kinux il-provi kollha li ffaċċja Ġob.
Dak li Nistgħu Nitgħallmu mill-Attitudni taʼ Ġob
7. Mart Ġob u t-tliet viżitaturi b’liema modi għamlu pressjoni fuq Ġob?
7 Għall-ewwel, il-mara taʼ Ġob sofriet l-istess tbatijiet li sofra żewġha. Il-mewt taʼ wliedha u t-telf tal-ġid tal-familja żgur li nikktuha. Żgur li ħassitha mweġġgħa meta rat lil żewġha jsofri marda taʼ wġigħ. Hi qalet lil Ġob: “Għadek iżżomm sod l-integrità tiegħek? Isħet lil Alla u mut!” Imbagħad waslu tlett irġiel—Elifaż, Bildad, u Sofar—suppost biex ifarrġu lil Ġob. Minflok, huma użaw irraġunar qarrieq u wrew li kienu ‘farraġa li jaqilgħu l-inkwiet.’ Per eżempju, Bildad insinwa li wlied Ġob kienu għamlu xi ħaġa ħażina u ħadu dak li ħaqqhom. Elifaż insinwa li s-sofferenza taʼ Ġob kienet kastig għad-dnubiet li għamel fil-passat. Hu saħansitra qajjem dubju dwar jekk dawk li jżommu l-integrità humiex prezzjużi għal Alla! (Ġob 2:9, 11; 4:8; 8:4; 16:2; 22:2, 3) Taħt din il-pressjoni kollha, Ġob żamm l-integrità. Veru, hu m’għamilx sew meta “ddikjara lil ruħu ġusta minflok lil Alla.” (Ġob 32:2) Madankollu, hu baqaʼ leali minkejja dan kollu.
8. Eliħu liema eżempju tajjeb ipprovda għal dawk li jagħtu l-pariri llum?
8 Imbagħad naqraw dwar Eliħu, li wkoll kien ġie jżur lil Ġob. Eliħu l-ewwel semaʼ l-argumenti preżentati minn Ġob u t-tlett iħbieb tiegħu. Għalkemm kien iżgħar mill-erbat irġiel l-oħrajn, Eliħu wera għerf akbar. Hu wera konsiderazzjoni lejn Ġob billi indirizzah b’ismu. Eliħu faħħar lil Ġob għall-mod rett kif kien jgħix. Imma hu qal ukoll li Ġob kien iffoka wisq fuq li jipprova juri li kien bla ħtija. Imbagħad Eliħu assigura lil Ġob li hu dejjem siewi li wieħed jaqdi lil Alla fedelment. (Aqra Ġob 36:1, 11.) X’eżempju mill-aħjar għal dawk li jridu joffru parir illum! Eliħu wera paċenzja, semaʼ b’attenzjoni, faħħar meta kien possibbli, u offra pariri inkuraġġanti.—Ġob 32:6; 33:32.
9. Ġeħova kif għenu lil Ġob?
9 X’esperjenza inkredibbli kellu Ġob meta fl-aħħarnett kellmu Ġeħova! Ir-rakkont jgħid: “Ġeħova wieġeb lil Ġob minn ġor-riefnu.” Billi uża serje taʼ mistoqsijiet, Ġeħova b’qalb tajba, imma b’mod sod, għen lil Ġob jikkoreġi l-irraġunar tiegħu. Ġob minn qalbu aċċetta t-twiddib, u ammetta: “Jien ma jien xejn . . . nindem fit-trab u l-irmied.” Wara li Ġeħova kien kellem lil Ġob, Hu esprima r-rabja Tiegħu kontra t-tlett iħbieb taʼ Ġob minħabba li ma kinux qalu “l-verità.” Ġob kellu jitlob għalihom. Imbagħad “Ġeħova temm it-tribulazzjoni taʼ Ġob meta dan talab għal sħabu, u Ġeħova beda jagħti lil Ġob id-doppju taʼ kulma kellu qabel.”—Ġob 38:1; 40:4; 42:6-10.
Kemm Inħobbuh Profondament lil Ġeħova?
10. Ġeħova għala ma injorax jew qered lil Satana?
10 Ġeħova hu l-Ħallieq taʼ l-univers, is-Sovran tal-ħolqien kollu. Hu għala ma injorax l-isfida tax-Xitan? Alla kien jaf li la jekk jinjora lix-Xitan u lanqas jekk jeqirdu ma kien se jsolvi l-kwistjoni li kienet tqajmet. Ix-Xitan kien sostna li Ġob, qaddej mill-aqwa taʼ Ġeħova, ma kienx se jibqaʼ leali li kieku tilef il-ġid kollu li kellu. Il-lealtà taʼ Ġob baqgħet sħiħa f’din il-prova. Imbagħad Satana qal li kwalunkwe bniedem ma kienx se jibqaʼ jaqdi lil Ġeħova li kieku kellu jgħaddi minn tbatija fiżika. Ġob sofra, imma ma tilifx l-integrità tiegħu. Għaldaqstant, Satana ħareġ taʼ giddieb fil-każ taʼ dan ir-raġel leali minkejja li dan kien imperfett. Xi ngħidu għal aduraturi oħrajn t’Alla?
11. Ġesù kif ta tweġiba kompleta għall-isfida taʼ Satana?
11 Fil-fatt, kull qaddej t’Alla li jżomm l-integrità tiegħu minkejja dak kollu li jaqlagħlu Satana jagħti prova li fil-każ persunali tiegħu, l-akkużi taʼ dan l-għadu bla ħniena huma foloz. Ġesù ġie fuq l-art u ta tweġiba kompleta għall-isfida taʼ Satana. Ġesù kien raġel perfett bħal Adam, l-ewwel missier tagħna. Il-fedeltà taʼ Ġesù sal-mewt tat l-aħħar prova li Satana huwa giddieb u li l-akkużi tiegħu huma foloz.—Riv. 12:10.
12. Liema opportunità u responsabbiltà għandu kull qaddej taʼ Ġeħova?
12 Minkejja dan, Satana jibqaʼ jġarrab lill-aduraturi taʼ Ġeħova. Ilkoll kemm aħna għandna l-opportunità u r-responsabbiltà li nuru permezz taʼ l-integrità persunali tagħna li aħna naqdu lil Ġeħova għax inħobbuh—mhux għal raġunijiet egoistiċi. Kif inqisuha din ir-responsabbiltà? Għalina, li nkunu leali lejn Ġeħova huwa privileġġ. Ukoll, huwa taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova jagħtina l-qawwa biex nissaportu u, bħal fil-każ taʼ Ġob, li Hu jpoġġi limitu fuq il-provi li niffaċċjaw.—1 Kor. 10:13.
Satana—Avversarju u Apostata li Jisfida
13. Il-ktieb taʼ Ġob liema dettalji jirrivela dwar Satana?
13 L-Iskrittura Ebrajka tipprovdi dettalji dwar l-irwol bla mistħija taʼ Satana f’li jisfida lil Ġeħova u f’li jiżvija lill-umanità. Fl-Iskrittura Griega Kristjana nsibu iktar informazzjoni dwar l-oppożizzjoni taʼ Satana lejn Ġeħova, u fil-ktieb tar-Rivelazzjoni nitgħallmu dwar l-ivvindikar tas-sovranità taʼ Ġeħova u l-qerda finali taʼ Satana. Il-ktieb taʼ Ġob iżidilna l-għarfien dwar l-irvell taʼ Satana. Meta Satana kien preżenti għal-laqgħat fis-sema, hu m’attendiex bl-intenzjoni li jfaħħar lil Ġeħova. Ix-Xitan kellu attitudni malizzjuża u skop mill-agħar. Wara li akkuża lil Ġob u qalaʼ l-permess biex iġarrbu, “Satana ħareġ minn quddiem wiċċ Ġeħova.”—Ġob 1:12; 2:7.
14. Satana liema attitudni wera lejn Ġob?
14 Għaldaqstant, il-ktieb taʼ Ġob jidentifika lil Satana bħala l-għadu bla ħniena taʼ l-umanità. Ma nafux kemm għadda żmien bejn il-laqgħa msemmija f’Ġob 1:6 u dik deskritta f’Ġob 2:1, imma matul dan iż-żmien Ġob kien imġarrab b’mod aħrax. Minħabba l-fedeltà taʼ Ġob, Ġeħova setaʼ jgħid lil Satana: “[Ġob] għadu saħansitra jżomm sod l-integrità tiegħu, għalkemm int tagħwini kontrih biex neqirdu għalxejn b’xejn.” Imma Satana m’ammettiex li l-akkużi tiegħu kienu foloz. Għall-kuntrarju, hu esiġa li jgħaddi lil Ġob minn prova oħra saħansitra iktar ħarxa. B’hekk, ix-Xitan ġarrab lil Ġob kemm meta kien sinjur u kemm meta ma kellu xejn. Jidher ċar li Satana m’għandu ebda mogħdrija għal dawk li huma fil-bżonn jew għall-vittmi taʼ l-għawġ. Hu jobgħod lin-nies taʼ integrità. (Ġob 2:3-5) Minkejja dan, il-fedeltà taʼ Ġob uriet li Satana huwa giddieb.
15. L-apostati taʼ llum x’għandhom komuni maʼ Satana?
15 Satana kien l-ewwel ħliqa li sar apostata. L-apostati taʼ llum juru karatteristiki simili għal dawk tax-Xitan. Moħħhom jistaʼ jkun mimli velenu minħabba attitudni taʼ kritika lejn individwi fil-kongregazzjonijiet, l-anzjani Kristjani, jew il-Ġemgħa li Tiggverna. Xi apostati jopponu l-użu taʼ l-isem divin, Ġeħova. Huma m’humiex interessati li jitgħallmu dwar Ġeħova jew li jaqduh. Bħal missierhom, Satana, l-apostati jimmiraw lejn nies taʼ integrità. (Ġw. 8:44) Mhux taʼ b’xejn li l-qaddejja taʼ Ġeħova jevitaw kull kuntatt magħhom!—2 Ġw. 10, 11.
Ġob Onora l-Isem taʼ Ġeħova
16. Ġob liema attitudni wera lejn Ġeħova?
16 Ġob uża u faħħar isem Ġeħova. Anki meta kien imnikket minħabba l-aħbar dwar il-mewt taʼ wliedu, Ġob ma qalx li Alla kien għamel xi ħaġa mhix xierqa. Għalkemm Ġob b’mod żbaljat qal li kien Alla li għamel dan kollu, hu xorta waħda baqaʼ jonora isem Ġeħova. Fost il-kliem t’għerf li qal iktar tard, Ġob iddikjara: “Ara! Il-biżaʼ taʼ Ġeħova—dak hu l-għerf, u li titbiegħed mill-ħażen hi l-abbiltà li tifhem.”—Ġob 28:28.
17. X’għen lil Ġob iżomm l-integrità tiegħu?
17 X’għen lil Ġob iżomm l-integrità tiegħu? Jidher ċar li qabel ma laqtuh it-traġedji, hu kien diġà kkultiva relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova. Għalkemm m’għandna ebda evidenza li hu kien jaf li Satana kien sfida lil Ġeħova, Ġob kien determinat li jibqaʼ leali. Hu qal: “Sakemm nieħu l-aħħar nifs ma nwarrabx minni l-integrità tiegħi!” (Ġob 27:5) Ġob kif żviluppa din ir-relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova? Bla dubju, hu kien jgħożż dak li kien semaʼ dwar il-mod kif Alla ttratta m’Abraham, Iżakk, u Ġakobb, li kollha kienu jiġu minnu mill-bogħod. U billi osserva l-ħolqien, Ġob setaʼ jagħraf ħafna mill-kwalitajiet taʼ Ġeħova.—Aqra Ġob 12:7-9, 13, 16.
18. (a) Ġob kif wera d-devozzjoni tiegħu lejn Ġeħova? (b) B’liema modi nistgħu aħna nimitaw l-eżempju tajjeb taʼ Ġob?
18 Dak li tgħallem Ġob qanqal fih xewqa li jogħġob lil Ġeħova. Fil-każ li l-membri tal-familja tiegħu setgħu għamlu xi ħaġa li m’għoġbitx lil Alla jew li forsi “seħtu lil Alla f’qalbhom,” Ġob offra sagrifiċċji regolarment. (Ġob 1:5) Anki meta kien imġarrab b’mod aħrax, Ġob xorta baqaʼ jgħid affarijiet pożittivi dwar Ġeħova. (Ġob 10:12) X’eżempju mill-aqwa! Aħna wkoll għandna nieħdu l-għarfien eżatt dwar Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu regolarment. Aħna nżommu rutina tajba t’attivitajiet spiritwali bħalma huma l-istudju, l-attendenza għal-laqgħat, it-talb, u l-ippridkar taʼ l-aħbar it-tajba. Iktar minn hekk, aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nagħmlu isem Ġeħova magħruf. U bħalma l-integrità taʼ Ġob għoġbot lil Ġeħova, hekk ukoll l-integrità tal-qaddejja t’Alla llum tferraħ qalb Ġeħova. Dan is-suġġett se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss.
Tiftakar Int?
• Ġob x’għamel biex attira l-attenzjoni taʼ Satana x-Xitan?
• Ġob liema tiġrib issaporta, u kif irreaġixxa?
• X’se jgħinna nżommu l-integrità bħalma għamel Ġob?
• X’nitgħallmu dwar Satana mill-ktieb taʼ Ġob?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 4]
Ir-rakkont taʼ Ġob ifakkarna fl-iktar kwistjoni importanti, dik tas-sovranità universali t’Alla
[Stampa f’paġna 6]
F’liema ċirkustanzi tistaʼ l-integrità tiegħek tkun imġarrba?