Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Għerf taʼ Ġeħova Jidher fil-Ħolqien

L-Għerf taʼ Ġeħova Jidher fil-Ħolqien

“Il-​kwalitajiet inviżibbli tiegħu . . . jintgħarfu mill-​affarijiet li nħolqu.”—RUM. 1:20.

1. Illum liema effett għandu l-​għerf tad-​dinja fuq ħafna nies?

 IL-​KELMA “għerf” tintuża spiss u kultant għal nies li ma jistħoqqilhomx. Xi wħud jgħidu li individwu huwa għaref jekk sempliċement ikun akkumula ħafna għarfien. Madankollu, l-​hekk imsejħin intellettwali tad-​dinja ma joffru ebda gwida taʼ min jafdaha sabiex jinstab is-​sinifikat veru tal-​ħajja. Għal kuntrarju, dawk li jħallu lilhom infushom jiġu influwenzati minn uħud bħal dawn jispiċċaw “mitfugħin ’l hemm u ’l hawn qisu mill-​mewġ u mtajrin minn kull riħ taʼ tagħlim.”—Efes. 4:14.

2, 3. (a) Għala Ġeħova “biss hu għaref”? (b) L-​għerf t’Alla kif inhu differenti mill-​għerf tad-​dinja?

2 Kemm hu differenti dan għal dawk li jiksbu l-​għerf veru, li s-​Sors tiegħu hu Alla Ġeħova! Il-​Bibbja tgħidilna li Ġeħova “biss hu għaref.” (Rum. 16:27) Hu jaf dak kollu li hemm xi tkun taf dwar l-​univers, inkluż il-​mod kif inhu magħmul u l-​istorja tiegħu. Il-​liġijiet fiżiċi tan-​natura—li n-​nies jistrieħu fuqhom għar-​riċerka tagħhom—huma kollha magħmulin minn Ġeħova. B’hekk, hu ma jimpressjonax ruħu mill-​invenzjonijiet tal-​bniedem, u ma jaffaxxinax ruħu mill-​hekk imsejħa opinjoni superjuri tal-​filosofija tal-​bniedem. “L-​għerf taʼ din id-​dinja hu bluha għal Alla.”—1 Kor. 3:19.

3 Il-​Bibbja tgħidilna li Ġeħova “jagħti l-​għerf” lill-​qaddejja tiegħu. (Prov. 2:6) Kuntrarju għall-​filosofiji tal-​bniedem, l-​għerf li jiġi minn Alla m’huwiex vag. Minflok, ipoġġi l-​enfasi fuq id-​dehen u huwa bbażat fuq l-​għarfien eżatt u l-​abbiltà li wieħed jifhem. (Aqra Ġakbu 3:17.) L-​appostlu Pawlu baqaʼ mbellah bl-​għerf taʼ Ġeħova. Hu kiteb: “O kemm huma profondi r-​rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien t’Alla! Kemm ma jistgħux jinkixfu l-​ġudizzji tiegħu, u kemm huma bla tarf triqatu!” (Rum. 11:33) Minħabba li Ġeħova huwa l-​iktar wieħed għaref, aħna fiduċjużi li l-​liġijiet tiegħu jiggwidawna lejn l-​aqwa mod taʼ ħajja. Wara kollox, Ġeħova jaf iktar minn kwalunkwe wieħed minna dak li għandna bżonn sabiex inkunu henjin.—Prov. 3:5, 6.

Ġesù—“Ħaddiem tas-​Sengħa”

4. X’inhu mod wieħed kif nistgħu naraw l-​għerf taʼ Ġeħova?

4 L-​għerf taʼ Ġeħova, flimkien mal-​kwalitajiet mill-​aqwa tiegħu, jistaʼ jidher fl-​affarijiet li għamel. (Aqra Rumani 1:20.) Mill-​akbar ħaġa sa l-​iżgħar ħaġa, l-​għemejjel taʼ Ġeħova jirrivelaw aspetti tal-​personalità tiegħu. Inħarsu fejn inħarsu—’il fuq lejn is-​smewwiet jew lejn il-​ħamrija taħt saqajna—insibu evidenza abbundanti li hemm Ħallieq li hu mimli għerf u mħabba. Nistgħu nitgħallmu ħafna dwaru billi nikkunsidraw l-​affarijiet li għamel.—Salm 19:1; Is. 40:26.

5, 6. (a) Minbarra Ġeħova, min kien involut fil-​ħolqien? (b) X’se nikkunsidraw, u għala?

5 Ġeħova ma kienx waħdu meta “ħalaq is-​smewwiet u l-​art.” (Ġen. 1:1) Il-​Bibbja turi li ħafna qabel ma nbeda l-​ħolqien taʼ l-​affarijiet fiżiċi, hu ħalaq individwu spirtu li permezz tiegħu ġew ifformati “l-​affarijiet l-​oħrajn kollha.” Dan l-​individwu spirtu kien l-​Iben uniġenitu t’Alla—“l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu”—li iktar tard għex fuq l-​art bħala l-​bniedem Ġesù. (Kol. 1:15-17) Bħal Ġeħova, Ġesù għandu l-​għerf. Fil-​fatt, fi Proverbji kapitlu 8, hu rappreżentat bħala l-​għerf personifikat. Dan il-​kapitlu fil-​Bibbja jirreferi wkoll għal Ġesù bħala l-​“ħaddiem tas-​sengħa” t’Alla.—Prov. 8:12, 22-31.

6 B’hekk, il-​ħolqien fiżiku jirrivela l-​għerf kemm taʼ Ġeħova u kemm taʼ Ġesù, il-​Ħaddiem tas-​Sengħa tiegħu. Fih lezzjonijiet taʼ valur għalina. Ejja nikkunsidraw erbaʼ eżempji t’affarijiet maħluqin li fi Proverbji 30:24-28 huma deskritti bħala għorrief bl-​istint.” a

Lezzjoni fil-​Bżulija

7, 8. Liema fatti dwar in-​nemla jaffaxxinawk?

7 Meta neżaminaw id-​disinn u l-​attivitajiet tagħhom, anki l-​affarijiet li huma msejħin “l-​iżgħar affarijiet fuq l-​art” jipprovdu lezzjonijiet għalina. Per eżempju, ikkunsidra l-​għerf bl-​istint li għandha n-​nemla.—Aqra Proverbji 30:24, 25.

8 Xi riċerkaturi jemmnu li għal kull bniedem hemm minn taʼ l-​inqas 200,000 nemla, u lkoll kemm huma jkunu beżlin jaħdmu fuq u taħt il-​wiċċ taʼ l-​art. In-​nemel huwa organizzat f’kolonji, u f’ħafna mill-​kolonji jistgħu jinstabu tliet tipi taʼ nemel: irġejjen, irġiel, u ħaddiema. Kull grupp jikkontribwixxi bil-​mod tiegħu biex jieħu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​kolonja. Nemla waħda partikulari, in-​nemla li tqattaʼ l-​weraq u li tinsab l-​Amerika t’Isfel, tistaʼ tissejjaħ ġardinar tas-​sengħa. Dan l-​insett żgħir jiffertilizza, jittrapjanta, u jiżbor il-​ġonna tiegħu tal-​fungu b’tali mod li jipproduċi l-​iktar ammont taʼ ikel possibbli. Ir-​riċerkaturi sabu li dan il-​“ġardinar” tas-​sengħa jaġġusta l-​isforzi tiegħu skond l-​ammont taʼ ikel li jkollha bżonn il-​kolonja. b

9, 10. Kif nistgħu nimitaw il-​bżulija tan-​nemla?

9 Hemm x’nitgħallmu min-​nemel. Jgħallmuna li hu meħtieġ sforz diliġenti jekk nixtiequ nipproduċu riżultati tajbin. Il-​Bibbja tgħidilna: “Mur għand in-​nemla, ja għażżien; innota drawwietha u sir għaref. Għalkemm m’għandha l-​ebda kmandant, uffiċjal jew ħakkiem, hi tipprepara l-​ikel tagħha fis-​sajf; tiġbor il-​provvisti taʼ l-​ikel fil-​ħsad.” (Prov. 6:6-8) Kemm Ġeħova u kemm Ġesù, il-​Ħaddiem tas-​Sengħa tiegħu, huma beżlin. “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa,” qal Ġesù, “u jien nibqaʼ naħdem.”—Ġw. 5:17.

10 Bħala imitaturi t’Alla u taʼ Kristu, aħna wkoll għandna nkunu beżlin. Hu x’inhu l-​inkarigu tagħna fl-​organizzazzjoni t’Alla, ilkoll kemm aħna għandu jkollna ‘ħafna x’nagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej.’ (1 Kor. 15:58) Għalhekk, nagħmlu tajjeb li nsegwu t-​twissija li ta Pawlu lill-​Kristjani f’Ruma: “Titnikkrux f’xogħolkom. Kunu mħeġġin bl-​ispirtu. Tjassru għal Ġeħova.” (Rum. 12:11) L-​isforzi tagħna biex nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova m’humiex għalxejn, għax il-​Bibbja tassigurana: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-​imħabba li wrejtu għal ismu.”—Ebr. 6:10.

Protezzjoni mill-​Ħsara Spiritwali

11. Iddeskrivi xi karatteristiki tal-​fenek tax-​xagħri.

11 Il-​fenek tax-​xagħri huwa annimal relattivament żgħir ieħor li jistaʼ jgħallimna lezzjonijiet importanti. (Aqra Proverbji 30:26.) Jixbah kemxejn lil fenek kbir imma għandu widnejn qosra ġejjin għat-​tond u saqajn qosra. Dan l-​annimal żgħir jgħix fi nħawi bil-​blat. Il-​vista tajba tal-​fenek tax-​xagħri tgħinu ħafna, u l-​ħofor u x-​xquq fil-​postijiet kollhom blat fejn jgħix jipprovdu post taʼ sigurtà mill-​predaturi. Il-​fenek tax-​xagħri huwa disinjat biex jgħix f’komunità magħquda, li tipprovdi protezzjoni u tgħinu ma jħossx bard fix-​xitwa. c

12, 13. Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mill-​fenek tax-​xagħri?

12 X’nistgħu nitgħallmu mill-​fenek tax-​xagħri? L-​ewwel, innota li dan l-​annimal ma jħallix lilu nnifsu vulnerabbli għall-​attakk. Minflok, hu jieħu vantaġġ mill-​vista tajba tiegħu biex jara l-​predaturi mill-​bogħod, u joqgħod viċin il-​ħofor u x-​xquq li jistgħu jipprovdu kenn biex isalva ħajtu. B’mod simili, jeħtieġ li jkollna vista spiritwali ċara sabiex inkunu nistgħu naraw il-​perikli li hemm fid-​dinja taʼ Satana. L-​appostlu Pietru wissa lill-​Kristjani: “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa. L-​avversarju tagħkom, ix-​Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pt. 5:8) Meta kien fuq l-​art, Ġesù baqaʼ għassa, attent għal kull tentattiv li għamel Satana biex ikissirlu l-​integrità. (Mt. 4:1-11) Ġesù ħalla eżempju tajjeb għas-​segwaċi tiegħu!

13 Mod wieħed kif nistgħu noqogħdu għassa hu li nieħdu vantaġġ mill-​protezzjoni spiritwali li Ġeħova jagħmel disponibbli għalina. L-​istudju tal-​Kelma t’Alla u l-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani m’għandhomx jiġu traskurati. (Lq. 4:4; Ebr. 10:24, 25) Barra minn hekk, bħalma l-​fenek tax-​xagħri jirnexxilu jibqaʼ ħaj f’komunità magħquda, aħna jeħtieġ li nibqgħu qrib sħabna l-​Kristjani sabiex inkunu nistgħu “ninkuraġġixxu lil xulxin.” (Rum. 1:12) Billi nieħdu vantaġġ mill-​protezzjoni li jipprovdi Ġeħova nkunu qed nuru li naqblu mas-​salmista David, li kiteb: “Ġeħova hu l-​blat għoli u l-​fortizza tiegħi u Dak li jħarrabni. Alla tiegħi hu l-​blata tiegħi. Fih se nistkenn.”—Salm 18:2.

Nipperseveraw Minkejja l-​Oppożizzjoni

14. Għalkemm ġurat wieħed għandu mnejn m’huwiex impressjonanti, x’jistaʼ jingħad dwar qatgħa ġurati?

14 Nistgħu nitgħallmu wkoll mill-​ġurat. Ġurat wieħed, li hu twil madwar 5 ċentimetri biss, forsi ma tantx iqanqal stagħġib, imma qatgħa ġurati flimkien żgur li tgħaġġbek. (Aqra Proverbji 30:27.) Magħrufin għall-​aptit kbir tagħhom, qatgħa minn dawn l-​insetti persistenti malajr tistaʼ tħarbat għalqa li tkun lesta għall-​ħsad. Il-​Bibbja tqabbel il-​ħoss taʼ qatgħa insetti riesqa, inkluż il-​ġurati, mal-​ħoss ikarwat taʼ karrijiet u maċ-​ċaqċiq taʼ fjammi li jikkonsmaw it-​tiben. (Ġoel 2:3, 5) Il-​bniedem ġieli qabbad in-​nar biex iwaqqaf qatgħa ġurati milli tavanza, imma ġeneralment dan ikun kollu għalxejn. Għala? L-​iġsma tal-​ġurati mejtin jitfu l-​fjammi, imbagħad il-​bqija tal-​qatgħa ġurati tibqaʼ għaddejja mingħajr tfixkil. Anki mingħajr sultan jew mexxej, qatgħa ġurati taħdem bħala armata organizzata sew, u jegħlbu tistaʼ tgħid kull ostaklu. dĠoel 2:25.

15, 16. Il-​proklamaturi tas-​Saltna fi żmienna kif inhuma bħal qatgħa ġurati?

15 Il-​profeta Ġoel qabbel l-​attività tal-​qaddejja taʼ Ġeħova maʼ l-​azzjonijiet tal-​ġurati. Hu kiteb: “Bħal irġiel setgħanin jiġru. Bħal gwerriera jitilgħu maʼ sur. U jmorru kull wieħed fi triqatu stess, u ma jbiddlux il-​mogħdijiet tagħhom. U ma jimbottawx lil xulxin. Bħal raġel b’saħħtu fi triqtu, jibqgħu sejrin; u jekk xi wħud jaqgħu saħansitra qalb il-​vleġeġ, l-​oħrajn ma jwarrbux minn triqithom.”—Ġoel 2:7, 8.

16 Kemm tiddeskrivihom tajjeb din il-​profezija lill-​proklamaturi tas-​Saltna t’Alla fi żmienna! Ebda “sur” t’oppożizzjoni ma kellu l-​ħila jwaqqaf l-​ippridkar tagħhom. Minflok, huma jimitaw lil Ġesù, li ppersista biex jagħmel ir-​rieda t’Alla minkejja li kien mibgħud minn ħafna. (Is. 53:3) Veru, xi Kristjani ‘waqgħu qalb il-​vleġeġ’ billi ngħataw il-​mewt bħala martri minħabba l-​fidi tagħhom. Xorta waħda, ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar baqaʼ sejjer, u l-​għadd taʼ proklamaturi tas-​Saltna jibqaʼ jiżdied. Fil-​fatt, il-​persekuzzjoni ħafna drabi serviet biex l-​aħbar tajba tasal għand nies li ma kinux jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna kieku ma ġarax hekk. (Atti 8:1, 4) Fil-​ministeru persunali tiegħek, urejt int perseveranza bħal dik taʼ ġurat—saħansitra meta ffaċċjajt indifferenza u oppożizzjoni?—Ebr. 10:39.

“Żommu Sod maʼ Dak li Hu Tajjeb”

17. Saqajn il-​wiżgħa għala jżommu maʼ wiċċ lixx?

17 Daqsxejn taʼ wiżgħa tidher li tisfida l-​gravità. (Aqra Proverbji 30:28.) Fil-​fatt, ix-​xjenzati jistagħġbu bl-​abbiltà taʼ din in-​naqra taʼ ħlejqa li titlaʼ tiġri mal-​ħitan u saħansitra taqsam min-​naħa għall-​oħra taʼ soqfa lixxi mingħajr ma taqaʼ. Il-​wiżgħa kif jirnexxilha tagħmlu dan? Is-​sigriet m’huwiex li għandha xi ħaġa li tgħinha teħel maʼ kwalunkwe wiċċ jew li għandha xi tip taʼ kolla. Minflok, kull wieħed mis-​swabaʼ tal-​wiżgħa għandu bħal kuxxinett b’ħafna linji li fihom eluf taʼ xagħar ħerġin ’il barra. Min-​naħa l-​oħra, kull waħda minn dawn ix-​xagħriet fiha mijiet taʼ fibri li t-​tarf tagħhom hu forma taʼ plattina. Il-​forza taʼ bejn il-​molekuli taʼ kull waħda minn dawn il-​fibri hija biżżejjed biex tiflaħ iktar mill-​piż tal-​wiżgħa—anki meta tkun qed tiġri rasha ’l isfel maʼ xi wiċċ tal-​ħġieġ! Meraviljati mill-​abbiltà tal-​wiżgħa, ir-​riċerkaturi jgħidu li materjal sintetiku li sar b’imitazzjoni tas-​saqajn tal-​wiżgħa jistaʼ jintuża bħala kolla b’saħħitha. e

18. Kif nistgħu naċċertaw ruħna li dejjem ‘inżommu sod maʼ dak li hu tajjeb’?

18 X’nistgħu nitgħallmu mill-​wiżgħa? Il-​Bibbja twissina: “Stmerru dak li hu ħażin, żommu sod maʼ dak li hu tajjeb.” (Rum. 12:9) L-​influwenzi ħżiena li huma mifruxin fid-​dinja taʼ Satana jistgħu jġegħluna nitilfu l-​qabda soda li jkollna mal-​prinċipji t’Alla. Per eżempju, sħubija maʼ dawk li ma jżommux mal-​liġijiet t’Alla—sew jekk fl-​iskola u sew jekk ix-​xogħol jew permezz taʼ xi divertiment li ma jogħġobx lil Alla—tistaʼ teffettwa d-​determinazzjoni tagħna biex nagħmlu dak li hu tajjeb. Tħallix li jiġrilek hekk! Il-​Kelma t’Alla twissi: “Issirx għaref f’għajnejk stess.” (Prov. 3:7) Minflok, segwi l-​parir għaqli li Mosè ta lill-​poplu t’Alla fil-​qedem: “Minn Ġeħova Alla tiegħek għandek tibżaʼ. Lilu għandek taqdi, u miegħu għandek tintrabat.” (Dt. 10:20) Billi nintrabtu maʼ Ġeħova nkunu qed nimitaw lil Ġesù, li dwaru ntqal: “Int ħabbejt il-​ġustizzja, u bgħadt il-​ksur tal-​liġi.”—Ebr. 1:9.

Lezzjonijiet mill-​Ħolqien

19. (a) Liema kwalitajiet taʼ Ġeħova tara int fil-​ħolqien? (b) L-​għerf divin kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalina?

19 Bħalma rajna, il-​kwalitajiet taʼ Ġeħova jidhru ċar fl-​affarijiet li għamel, u l-​ħolqien tiegħu jipprovdi wkoll lezzjonijiet taʼ valur għalina. Iktar ma niskopru dwar l-​għemejjel taʼ Ġeħova, iktar se nibqgħu mistagħġbin b’għerfu. Jekk nagħtu attenzjoni għall-​għerf divin, il-​ferħ tagħna se jiżdied issa u se niġu mħarsin fiż-​żminijiet li ġejjin. (Ekk. 7:12) Iva, se nesperjenzaw personalment kemm hi vera l-​assiguranza li nsibu fi Proverbji 3:13, 18, li jgħid: “Hieni l-​bniedem li sab l-​għerf, u l-​bniedem li jikseb id-​dixxerniment. Huwa siġra tal-​ħajja għal dawk li jaqbdu miegħu, u dawk li jibqgħu jżommuh sod jissejħu henjin.”

[Noti taʼ taħt]

a Iż-żgħar b’mod partikulari għandhom mnejn jieħdu pjaċir ifittxu r-​referenzi fin-​noti taʼ taħt li ġejjin u mbagħad jikkummentaw fuq ir-​riċerka tagħhom meta dan l-​artiklu jiġi diskuss fl-​Istudju tat-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​kongregazzjoni.

b Għal iktar informazzjoni fuq in-​nemla li tqattaʼ l-​weraq, ara l-​ħarġiet taʼ Stenbaħ! taʼ Jannar-Marzu, 1997, paġna 31 u tat-​8 taʼ Ġunju, 2002, paġna 25.

c Għal iktar informazzjoni dwar il-​fenek tax-​xagħri, ara l-​Awake! tat-​8 taʼ Settembru, 1990, paġni 15-16.

d Għal iktar informazzjoni dwar il-​ġurat, ara l-​Awake! tat-​22 t’Ottubru, 1976, paġna 11.

e Għal xi informazzjoni dwar il-​wiżgħa, ara l-​Awake! t’April 2008, paġna 26.

Tiftakar Int?

Liema lezzjonijiet prattiċi nitgħallmu . . .

• min-​nemla?

• mill-​fenek tax-​xagħri?

• mill-​ġurat?

• mill-​wiżgħa?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 16]

Bieżel int bħan-​nemla li tqattaʼ l-​weraq?

[Stampi f’paġna 17]

Il-​fenek tax-​xagħri jsib protezzjoni f’komunità magħquda. Tagħmel l-​istess int?

[Stampi f’paġna 18]

Bħall-​ġurati, il-​ministri Kristjani juru perseveranza

[Stampa f’paġna 18]

Bħalma l-​wiżgħa żżomm sod maʼ l-​uċuħ, il-​Kristjani jżommu sod maʼ dak li hu tajjeb

[Sors]

Stockbyte/Getty Images