Napprezzaw lil Ġesù—David Akbar u Salamun Akbar
“Ara, xi ħadd akbar minn Salamun qiegħed hawn.”—MT. 12:42.
1, 2. Mill-ħarsa tal-bniedem, għala kien sorprendenti li Samwel ngħata l-istruzzjoni biex jidlek lil David bħala sultan?
MA KELLUX xeħta taʼ sultan. Għall-kuntrarju, għall-profeta Samwel, kien jidher bħala sempliċement naqra taʼ tfajjel ragħaj. Iktar minn hekk, ir-raħal minn fejn kien ġej dan it-tfajjel, Betlehem, ma kellux importanza kbira. Betlehem kienet deskritta bħala “ċkejkna wisq biex tkun fost l-eluf taʼ Ġuda.” (Mik. 5:2) Minkejja dan, dak li kien jidher bħala żagħżugħ insinifikanti minn daqsxejn taʼ raħal kien se jiġi midluk mill-profeta Samwel bħala s-sultan futur taʼ Israel.
2 Iż-żagħżugħ David ma kienx l-ewwel iben li missieru, Ġesse, ippreżenta lil Samwel biex jidilku bħala sultan; lanqas ma kien it-tieni jew it-tielet. David, l-iżgħar mit-tmien subien li twieldu lil Ġesse, lanqas biss kien preżenti meta Samwel mar għand Ġesse biex jidlek wieħed minn ulied dan ir-raġel leali bħala s-sultan li kien imiss tal-pajjiż. Imma David kien magħżul minn Ġeħova, u dak kien li jgħodd.—1 Sam. 16:1-10.
3. (a) Meta Ġeħova jeżamina individwu, x’inhu l-iktar importanti għalih? (b) Wara li David ġie midluk, x’beda jaħdem fuqu?
3 Ġeħova ra dak li Samwel ma setax jara. Alla setaʼ jara l-kundizzjoni taʼ qalb David, u kienet togħġbu. Għal Alla, m’hijiex sempliċement id-dehra taʼ barra li tgħodd; huwa dak li bniedem hu tassew minn ġewwa. (Aqra l-1 Samwel 16:7.) Għalhekk, meta Samwel sar jaf li Ġeħova ma kien għażel lil ħadd mis-sebaʼ subien akbar taʼ Ġesse, hu talab biex l-iżgħar wieħed jinġieb mill-għelieqi. Ir-rakkont jgħid: “Għalhekk, [Ġesse] bagħat [għal David] u ġiegħlu jiġi. Issa dan kien żagħżugħ ħamrani, b’għajnejh sbieħ u kellu sura sabiħa. Imbagħad Ġeħova qal: ‘Qum, idilku, għax dan hu!’ Għaldaqstant, Samwel ħa l-qarn taż-żejt u dilku f’nofs ħutu. U l-ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuq David minn dakinhar ’il quddiem.”—1 Sam. 16:12, 13.
David Iffigura bil-Quddiem lil Kristu
4, 5. (a) Iddeskrivi xi similaritajiet bejn David u Ġesù. (b) Ġesù għala jistaʼ jissejjaħ David Akbar?
4 Ġesù, bħal David, twieled Betlehem, madwar 1,100 sena wara t-twelid taʼ David. F’għajnejn ħafna nies, Ġesù wkoll ma kellux xeħta taʼ sultan. Jiġifieri, ma kienx it-tip taʼ sultan li ħafna f’Israel ittamaw għalih. Madankollu, bħal David, hu kien l-għażla taʼ Ġeħova. Hu, bħal David, kien maħbub minn Ġeħova. a (Lq. 3:22) Fil-każ taʼ Ġesù wkoll, ‘l-ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuqu.’
5 Hemm iktar similaritajiet bejniethom it-tnejn. Per eżempju, David ġie tradut minn Aħitofel, dak li kien jagħtih il-pariri, u Ġesù ġie tradut mill-appostlu tiegħu Ġuda l-Iskarjota. (Salm 41:9; Ġw. 13:18) Kemm David u kemm Ġesù kellhom żelu kbir għall-post taʼ qima taʼ Ġeħova. (Salm 27:4; 69:9; Ġw. 2:17) Ġesù kien ukoll il-werriet taʼ David. Qabel it-twelid taʼ Ġesù, anġlu qal lil ommu: “Alla Ġeħova jagħtih it-tron taʼ David missieru.” (Lq. 1:32; Mt. 1:1) Madankollu, minħabba li l-wegħdi Messjaniċi kollha jridu jitwettqu f’Ġesù, hu bil-wisq akbar minn David. Hu David Akbar, is-Sultan Messjaniku tant mistenni.—Ġw. 7:42.
Segwi lis-Sultan-Ragħaj
6. David b’liema modi kien ragħaj tajjeb?
6 Ġesù huwa wkoll ragħaj. X’inhuma l-karatteristiki taʼ ragħaj tajjeb? Huwa xi ħadd li b’fedeltà u b’kuraġġ jieħu ħsieb, jitmaʼ, u jħares lill-merħla tiegħu. (Salm 23:2-4) Bħala żagħżugħ, David kien ragħaj, u ħa ħsieb sew in-nagħaġ taʼ missieru. Hu kien kuraġġuż meta l-merħla kienet mhedda u rriskja ħajtu biex jipproteġi lin-nagħaġ minn iljun u ors.—1 Sam. 17:34, 35.
7. (a) X’kien dak li pprepara lil David għad-dmirijiet tiegħu bħala sultan? (b) Ġesù kif ta prova li hu r-Ragħaj mill-Aħjar?
7 Is-snin li David qattaʼ fl-għelieqi u fuq l-għoljiet jieħu ħsieb in-nagħaġ ippreparawh għad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet diffiċli taʼ li jirgħa l-ġens taʼ Israel. b (Salm 78:70, 71) Ġesù wkoll ta prova li huwa ragħaj eżemplari. Hu jikseb is-saħħa u l-gwida mingħand Ġeħova hekk kif jirgħa l-“merħla żgħira” tiegħu u n-“nagħaġ oħrajn.” (Lq. 12:32; Ġw. 10:16) B’hekk, Ġesù jagħti prova li hu r-Ragħaj mill-Aħjar. Hu jaf lill-merħla tiegħu tant sew li jsejjaħ lil kull nagħġa b’isimha. Hu tant iħobb lin-nagħaġ tiegħu li waqt li kien fuq l-art għamel sagrifiċċji minn jeddu għall-ġid tagħhom. (Ġw. 10:3, 11, 14, 15) Bħala r-Ragħaj mill-Aħjar, Ġesù jwettaq xi ħaġa li David qatt ma setaʼ jagħmel. Is-sagrifiċċju tiegħu bħala fidwa fetaħ it-triq għall-bnedmin biex jinħelsu mill-mewt. Xejn m’hu se jwaqqfu milli jirgħa lill-“merħla żgħira” tiegħu lejn ħajja immortali fis-sema u jmexxi lin-“nagħaġ oħrajn” tiegħu lejn ħajja taʼ dejjem f’dinja ġdida u ġusta ħielsa minn predaturi bħal ilpup.—Aqra Ġwanni 10:27-29.
Segwi lis-Sultan Rebbieħ
8. David kif ta prova li kien sultan rebbieħ?
8 Bħala sultan, David kien gwerrier determinat li pproteġa l-art tal-poplu t’Alla, u “Ġeħova kompla jsalva lil David kulfejn kien imur.” Taħt it-tmexxija taʼ David, il-fruntieri tal-ġens estendew mix-xmara taʼ l-Eġittu sax-xmara Ewfrat. (2 Sam. 8:1-14) Bis-saħħa taʼ Ġeħova, hu sar ħakkiem b’qawwa kbira. Il-Bibbja tgħid: “Il-fama taʼ David bdiet tixtered fl-artijiet kollha, u Ġeħova ġiegħel lill-ġnus kollha jitkexkxu minnu.”—1 Kron. 14:17.
9. Spjega kif Ġesù bħala Sultan-Nominat kien rebbieħ.
9 Bħas-Sultan David, il-bniedem Ġesù ma kienx jibżaʼ. Bħala Sultan-Nominat, hu wera l-awtorità tiegħu fuq id-demonji, billi ħeles il-vittmi minn taħt difrejhom. (Mk. 5:2, 6-13; Lq. 4:36) Anki l-agħar għadu, Satana x-Xitan, m’għandu ebda kontroll fuqu. Bl-appoġġ taʼ Ġeħova, Ġesù rebaħ lid-dinja, li qiegħda taħt il-qawwa taʼ Satana.—Ġw. 14:30; 16:33; 1 Ġw. 5:19.
10, 11. X’inhu l-irwol taʼ Ġesù bħala Sultan-Gwerrier fis-smewwiet?
10 Madwar 60 sena wara l-mewt taʼ Ġesù u l-irxoxt tiegħu lejn is-sema, l-appostlu Ġwanni rċieva viżjoni profetika taʼ Ġesù fl-irwol Tiegħu bħala Sultan-Gwerrier fis-smewwiet. Ġwanni jikteb: “Ara, żiemel abjad; u dak li kien riekeb fuqu kellu qaws; u ngħatatlu kuruna, u ħareġ jirbaħ u jtemm ir-rebħa tiegħu.” (Riv. 6:2) Ir-rikkieb fuq iż-żiemel abjad hu Ġesù. “Ngħatatlu kuruna” fl-1914 meta nħatar bħala Sultan fis-Saltna tas-sema. Wara dan, “ħareġ jirbaħ.” Iva, bħal David, Ġesù huwa sultan rebbieħ. Ftit wara li nħatar bħala Sultan tas-Saltna t’Alla, hu rebaħ lil Satana fil-battalja u waddab lilu u lid-demonji tiegħu ’l isfel lejn l-art. (Riv. 12:7-9) Ir-rikba rebbieħa tiegħu se tibqaʼ sejra sakemm “itemm ir-rebħa tiegħu,” billi jeqred kompletament is-sistema mill-agħar taʼ Satana.—Aqra Rivelazzjoni 19:11, 19-21.
11 Iżda, bħal David, Ġesù huwa sultan li jagħder, u se jipproteġi lill-“folla kbira” matul Armageddon. (Riv. 7:9, 14) Barra minn hekk, taħt il-ħakma taʼ Ġesù u l-werrieta sħabu, il-144,000 irxoxtati, se jkun hemm “irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Dawk li jiġu rxoxtati fuq l-art se jkollhom il-prospett li jgħixu għal dejjem. X’futur meraviljuż hemm jistenniehom! Jalla lkoll kemm aħna nkunu determinati li nkomplu ‘nagħmlu t-tajjeb’ sabiex inkunu ħajjin meta l-art timtela b’sudditi ġusti u henjin taʼ David Akbar.—Salm 37:27-29.
It-Talba taʼ Salamun għall-Għerf Tiġi Mwieġba
12. Salamun għal xiex talab?
12 Salamun, bin David, ukoll iffigura bil-quddiem lil Ġesù. c Meta Salamun sar sultan, Ġeħova deherlu f’ħolma u qal li Hu kien se jagħtih kulma kien se jitolbu. Salamun setaʼ talab għal iktar ġid, qawwa, jew ħajja itwal. Minflok, hu b’nuqqas t’egoiżmu talab lil Ġeħova: “Agħtini issa l-għerf u l-għarfien biex noħroġ u nidħol quddiem dan il-poplu, għax min jistaʼ jiġġudika lil dan il-poplu kbir tiegħek?” (2 Kron. 1:7-10) Ġeħova wieġeb it-talba taʼ Salamun.—Aqra t-2 Kronaki 1:11, 12.
13. L-għerf taʼ Salamun kif ma kien jitqabbel maʼ taʼ ħadd, u x’kien is-Sors taʼ l-għerf tiegħu?
13 Sakemm Salamun kien leali lejn Ġeħova, kliemu li kien mimli għerf ma kien jitqabbel maʼ taʼ ħadd fost il-kontemporanji tiegħu. Salamun lissen “tlett elef proverbju.” (1 Slat. 4:30, 32, 34) Ħafna minnhom inkitbu u għadhom prezzjużi għal dawk li jfittxu l-għerf. Is-sultana taʼ Xeba vvjaġġat madwar 2,400 kilometru sabiex tkun tistaʼ ġġarrab l-għerf taʼ Salamun “b’mistoqsijiet taʼ taħbil il-moħħ.” Hi baqgħet impressjonata b’dak li qal Salamun u bil-prosperità tas-saltna tiegħu. (1 Slat. 10:1-9) Il-Bibbja tidentifika min hu s-Sors taʼ l-għerf taʼ Salamun billi tgħid: “In-nies kollha taʼ l-art kienu jfittxu li jaraw lil Salamun biex jisimgħu l-għerf li Alla kien qegħedlu f’qalbu.”—1 Slat. 10:24.
Segwi lis-Sultan Għaref
14. Ġesù b’liema modi kien “xi ħadd akbar minn Salamun”?
14 Bniedem wieħed biss issupera b’mod ċar l-għerf taʼ Salamun. Dan kien Ġesù Kristu, li ddeskriva lilu nnifsu bħala “xi ħadd akbar minn Salamun.” (Mt. 12:42) Ġesù lissen “il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 6:68) Per eżempju, il-Priedka taʼ fuq il-Muntanja tiftaħ iktar fuq il-prinċipji taʼ xi ftit mill-proverbji taʼ Salamun. Salamun iddeskriva għadd t’affarijiet li jġibu l-hena lil dawk li jaqdu lil Ġeħova. (Prov. 3:13; 8:32, 33; 14:21; 16:20) Ġesù enfasizza li l-hena veru jiġi mill-affarijiet li huma relatati mal-qima taʼ Ġeħova u mat-twettiq tal-wegħdi t’Alla. Hu qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet.” (Mt. 5:3) Dawk li japplikaw il-prinċipji li hemm fit-tagħlim taʼ Ġesù jersqu eqreb lejn Ġeħova, “is-sors tal-ħajja.” (Salm 36:9; Prov. 22:11; Mt. 5:8) Kristu jirrappreżenta “l-għerf t’Alla.” (1 Kor. 1:24, 30) Bħala s-Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu għandu “l-ispirtu taʼ l-għerf.”—Is. 11:2.
15. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-għerf divin?
15 Kif nistgħu aħna, bħala s-segwaċi taʼ Salamun Akbar, nibbenefikaw mill-għerf divin? Ladarba l-għerf tiegħu huwa rivelat fil-Kelma tiegħu, irridu nagħmlu sforz biex insibuh billi nistudjaw il-Bibbja bir-reqqa, b’mod partikulari l-kliem imniżżel bil-miktub taʼ Ġesù, u billi nimmeditaw fuq dak li naqraw. (Prov. 2:1-5) Iżjed minn hekk, jeħtieġ li nipperseveraw meta nitolbu lil Alla għall-għerf. Il-Kelma t’Alla tassigurana li t-talb sinċier tagħna għall-għajnuna se jiġi mwieġeb. (Ġak. 1:5) Bl-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis insibu t-teżori taʼ l-għerf fil-Kelma t’Alla li jistgħu jgħinuna nittrattaw maʼ l-isfidi u nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. (Lq. 11:13) Salamun kien imsejjaħ “il-kongregatur” li ‘kompla jgħallem lin-nies l-għarfien.’ (Ekk. 12:9, 10) Ġesù, bħala l-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana, huwa wkoll kongregatur tan-nies tiegħu. (Ġw. 10:16; Kol. 1:18) Għalhekk, nagħmlu tajjeb li nattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni, fejn ‘inkomplu niġu mgħallmin.’
16. Liema similarità hemm bejn Salamun u Ġesù?
16 Salamun wettaq ħafna affarijiet. Hu organizza programm taʼ kostruzzjoni mal-pajjiż kollu, billi ħa ħsieb il-bini taʼ palazzi, toroq, sistemi taʼ l-ilma, bliet għall-imħażen, bliet għall-karrijiet, u bliet għar-rikkieba taż-żwiemel. (1 Slat. 9:17-19) Is-saltna kollha bbenefikat mix-xogħol tiegħu taʼ bini. Ġesù wkoll hu bennej. Hu bena l-kongregazzjoni tiegħu fuq “il-blata.” (Mt. 16:18) Hu se jieħu ħsieb ukoll ix-xogħol taʼ bini li se jitwettaq fid-dinja l-ġdida.—Is. 65:21, 22.
Segwi lis-Sultan tal-Paċi
17. (a) X’kienet karatteristika li tispikka mill-ħakma taʼ Salamun? (b) Salamun x’ma setax iwettaq?
17 L-isem Salamun ġej minn għerq li jfisser “paċi.” Is-Sultan Salamun ħakem minn Ġerusalemm, li l-isem tagħha jfisser “Pussess taʼ Paċi Doppja.” Ir-renju tiegħu li dam 40 sena kien karatterizzat minn paċi straordinarja fil-ġens taʼ Israel. Il-Bibbja tistqarr dwar dawk is-snin: “Ġuda u Israel baqgħu jgħammru fis-sigurtà, kulħadd taħt id-dielja tiegħu u taħt it-tina tiegħu, minn Dan sa Bir-xeba, il-jiem kollha taʼ Salamun.” (1 Slat. 4:25) Xorta waħda, bl-għerf kollu tiegħu, Salamun ma setax jeħles lis-sudditi tiegħu mill-jasar tal-mard, tad-dnub, u tal-mewt. Madankollu, Salamun Akbar se jeħles lis-sudditi tiegħu minn dan kollu.—Aqra Rumani 8:19-21.
18. Fil-kongregazzjoni Kristjana, liema kundizzjonijiet ingawdu?
18 Anki issa fil-kongregazzjoni Kristjana għandna kundizzjonijiet taʼ paċi. Tabilħaqq, qed ingawdu ġenna spiritwali vera. Għandna l-paċi m’Alla u maʼ sħabna l-bnedmin. Innota dak li pprofetizza Isaija dwar il-kundizzjonijiet li qed nesperjenzaw illum: “Ikollhom jaħdmu sjufhom f’sikek tal-moħriet u l-lanez tagħhom fi skieken taż-żabra. Ġens ma jerfax sejf kontra ġens, u ma jitħarrġux iktar għall-gwerra.” (Is. 2:3, 4) Billi naġixxu fi qbil maʼ l-ispirtu t’Alla, aħna nikkontribwixxu għas-sbuħija tal-ġenna spiritwali.
19, 20. Liema raġunijiet għandna biex nithennew?
19 Madankollu, il-futur se jkun saħansitra aħjar. Hekk kif bnedmin ubbidjenti jgawdu paċi li qatt ma kien hawn bħalha qabel taħt il-ħakma taʼ Ġesù, huma bil-mod il-mod se ‘jinħelsu mill-jasar tat-taħsir’ sakemm jilħqu l-perfezzjoni umana. (Rum. 8:21) Wara li jgħaddu mit-test finali fit-tmiem tar-Renju t’Elf Sena, “il-ġwejdin se jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” (Salm 37:11; Riv. 20:7-10) Verament, il-ħakma taʼ Kristu Ġesù se tisboq il-ħakma taʼ Salamun b’modi li għadna ma nistgħux nimmaġinaw!
20 Bħalma Israel thenna taħt l-indokrar taʼ Mosè, David, u Salamun, aħna se nithennew saħansitra iktar taħt il-ħakma taʼ Kristu. (1 Slat. 8:66) Dan kollu grazzi għal Ġeħova li pprovdielna lil Ibnu uniġenitu—Mosè, David, u Salamun Akbar!
[Noti taʼ taħt]
a L-isem David probabbli jfisser “Maħbub.” Fil-magħmudija taʼ Ġesù u jerġaʼ fit-trasfigurazzjoni tiegħu, Ġeħova tkellem mis-sema u sejjaħlu “Ibni, il-maħbub.”—Mt. 3:17; 17:5.
b Fl-istess ħin, David sar bħal ħaruf li jafda fir-ragħaj tiegħu. Hu dar lejn ir-Ragħaj il-Kbir, Ġeħova, għall-protezzjoni u l-gwida. “Ġeħova r-Ragħaj tiegħi,” hu qal b’fiduċja sħiħa. “Ma se jonqosni xejn.” (Salm 23:1) Ġwanni l-Għammied identifika lil Ġesù bħala “l-Ħaruf t’Alla.”—Ġw. 1:29.
c Taʼ interess, it-tieni isem taʼ Salamun kien Ġedidija, li jfisser “Maħbub Minn Jah.”—2 Sam. 12:24, 25.
Tistaʼ Tispjega?
• Ġesù kif inhu David Akbar?
• Ġesù kif inhu Salamun Akbar?
• X’napprezzaw dwar David Akbar, li hu wkoll Salamun Akbar?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 31]
L-għerf taʼ Salamun li ngħata minn Alla kien jiffigura bil-quddiem l-għerf taʼ Salamun Akbar
[Stampa f’paġna 32]
Il-ħakma taʼ Ġesù se tisboq il-ħakma taʼ Salamun u David b’modi li għadna ma nistgħux nimmaġinaw!