Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Napprezzaw lil Mosè Akbar

Napprezzaw lil Mosè Akbar

“Alla Ġeħova jqajmilkom profeta bħali minn fost ħutkom. Isimgħu minnu.”—ATTI 3:22.

1. Ġesù Kristu kif influwenza l-​istorja?

 ELFEJN sena ilu, it-​twelid taʼ ċertu tifel ġiegħel lil kotra anġli fis-​sema jfaħħru lil Alla u kien hemm xi rgħajja li semgħuhom. (Lq. 2:8-14) Tletin sena wara, dak it-​tifel, li issa kien sar adult, beda ministeru li għalkemm dam tliet snin u nofs biss biddel l-​istorja. Philip Schaff, storjografu magħruf tas-​seklu 19, tqanqal jgħid hekk dwar dan ir-​raġel żagħżugħ: “Għalkemm qatt ma kiteb xejn, hu ġiegħel pinen jiktbu, u kien it-​tema taʼ priedki, orazzjonijiet, diskussjonijiet, kotba, xogħlijiet taʼ l-​arti, u għanjiet taʼ tifħir, iktar mill-​armata sħiħa taʼ rġiel setgħanin kemm tal-​qedem kif ukoll taż-​żmien modern.” M’għandniex xi ngħidu, dak ir-​raġel żagħżugħ straordinarju kien Ġesù Kristu.

2. L-​appostlu Ġwanni x’qal dwar Ġesù u l-​ministeru Tiegħu?

2 L-​appostlu Ġwanni kiteb rakkont dwar il-​ministeru taʼ Ġesù u fil-​konklużjoni qal: “Fil-​fatt, hemm ukoll ħafna affarijiet oħra li għamel Ġesù, u li kieku kellhom jinkitbu sa l-​iċken dettall, naħseb jien, id-​dinja nfisha ma kinitx tesaʼ r-​rombli miktubin.” (Ġw. 21:25) Ġwanni kien jaf li ftit biss setaʼ jikteb minn dak kollu li qal u għamel Ġesù matul dawk it-​tliet snin u nofs sinifikanti. Xorta waħda, għalkemm il-​ġrajjiet storiċi li Ġwanni niżżel bil-​miktub fl-​Evanġelju tiegħu kienu ftit, dawn huma taʼ valur kbir ħafna.

3. Kif nistgħu nifhmu iktar bis-​sħiħ l-​irwol taʼ Ġesù fl-​iskop t’Alla?

3 Minbarra r-​rakkonti taʼ l-​erbaʼ Evanġelji importanti, siltiet oħrajn tal-​Bibbja jipprovdu dettalji dwar il-​ħajja taʼ Ġesù li jsaħħulna l-​fidi. Per eżempju, ir-​rakkonti Bibliċi dwar ċerti rġiel leali li għexu qabel Ġesù fihom informazzjoni li tgħinna nifhmu iktar bis-​sħiħ l-​irwol taʼ Ġesù fl-​iskop t’Alla. Ejja nikkunsidraw xi wħud minnhom.

Irġiel t’Alla li Ffiguraw bil-​Quddiem lill-​Kristu

4, 5. Min iffigura bil-​quddiem lil Ġesù, u b’liema modi?

4 Ġwanni u t-​tliet kittieba l-​oħra taʼ l-​Evanġelji juru li Mosè, David, u Salamun kienu rġiel li ffiguraw bil-​quddiem lil Ġesù bħala l-​Midluk t’Alla u s-​Sultan nominat. Dawk il-​qaddejja t’Alla fil-​qedem b’liema mod ipprovdew stampa bil-​quddiem taʼ Ġesù, u x’nistgħu nitgħallmu minn dawn ir-​rakkonti?

5 Fil-​qosor, il-​Bibbja tgħidilna li Mosè kien profeta, medjatur, u ħellies. Anki Ġesù. David kien ragħaj u sultan li rebaħ lill-​għedewwa taʼ Israel. Ġesù wkoll huwa ragħaj u sultan rebbieħ. (Eżek. 37:24, 25) Sakemm kien għadu leali, Salamun kien ħakkiem għaref, u taħt il-​ħakma tiegħu, Israel gawda l-​paċi. (1 Slat. 4:25, 29) Ġesù wkoll huwa għaref b’mod suprem u huwa msejjaħ “Prinċep tal-​Paċi.” (Is. 9:6) Jidher ċar li l-​irwol taʼ Kristu Ġesù jixbah l-​irwol taʼ dawk l-​irġiel li ġew qabel imma l-​post li għandu Ġesù fl-​iskop t’Alla huwa superlattiv. L-​ewwel, ejja nqabblu lil Ġesù maʼ Mosè u naraw kif xebh bħal dan jgħinna napprezzaw iktar bis-​sħiħ l-​irwol taʼ Ġesù fl-​iskop t’Alla.

Mosè—Witta t-​Triq Għal Ġesù

6. L-​appostlu Pietru kif spjega l-​bżonn li nisimgħu minn Ġesù?

6 Ftit wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K., l-​appostlu Pietru kkwota profezija li ntqalet minn Mosè u li twettqet f’Ġesù Kristu. Pietru kien wieqaf quddiem folla t’aduraturi fit-​tempju. In-​nies baqgħu “mbellhin” meta Pietru u Ġwanni fejqu lil wieħed tallab li kien zopp minn twelidu, u huma kollha ġrew biex jaraw x’kien ġara. Pietru spjega li dan l-​att taʼ l-​għaġeb kien riżultat taʼ l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova li kien qed jaħdem permezz taʼ Ġesù Kristu. Imbagħad, billi kkwota mill-​Iskrittura Ebrajka, hu qal: “Fil-​fatt, Mosè qal, ‘Alla Ġeħova jqajmilkom profeta bħali minn fost ħutkom. Isimgħu minnu f’kulma jgħidilkom.’”—Atti 3:11, 22, 23; aqra Dewteronomju 18:15, 18, 19.

7. L-​udjenza taʼ Pietru għala setgħet tifhem l-​istqarrijiet tiegħu dwar profeta akbar minn Mosè?

7 Dan il-​kliem taʼ Mosè wisq probabbli kien familjari għall-​udjenza taʼ Pietru. Bħala Lhud, huma kellhom rispett kbir lejn Mosè. (Dt. 34:10) B’antiċipazzjoni kbira, huma kienu jħarsu ’l quddiem għall-​miġja taʼ profeta akbar minn Mosè. Dan il-​profeta kien se juri li ma kienx sempliċement xi messija, wieħed midluk t’Alla bħal Mosè, imma l-​Messija, “il-​Kristu t’Alla, il-​Magħżul” taʼ Ġeħova.—Lq. 23:35; Ebr. 11:26.

Similaritajiet Bejn Ġesù u Mosè

8. Liema huma xi similaritajiet bejn il-​ħajja taʼ Mosè u dik taʼ Ġesù?

8 F’ċerti aspetti, il-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art kienet tixbah il-​ħajja taʼ Mosè. Per eżempju, bħala trabi, kemm Mosè u kemm Ġesù ħelsu mill-​mewt minn idejn ħakkiem tiranniku. (Eżo. 1:22–2:10; Mt. 2:7-14) Barra minn hekk, it-​tnejn li huma ‘ssejħu mill-​Eġittu.’ Il-​profeta Ħosea qal: “Ħabbejt lil Israel meta kien tifel, u mill-​Eġittu sejjaħt lil ibni.” (Ħos. 11:1) Il-​kliem taʼ Ħosea rrefera għaż-​żmien meta l-​ġens taʼ Israel, li kellu lil Mosè bħala l-​mexxej tiegħu maħtur minn Alla, inħareġ mill-​Eġittu. (Eżo. 4:22, 23; 12:29-37) Madankollu, il-​kliem taʼ Ħosea mhux biss irrefera għal ġrajja tal-​passat imma wkoll għal dik li kienet se sseħħ fil-​futur. Kliemu kien profezija li twettqet meta Ġużeppi u Marija reġgħu lura mill-​Eġittu b’Ġesù wara l-​mewt tas-​Sultan Erodi.—Mt. 2:15, 19-23.

9. (a) Mosè u Ġesù liema mirakli wettqu? (b) Semmi xi similaritajiet oħrajn li kien hemm bejn Ġesù u Mosè. (Ara l-​kaxxa  “Iktar Modi Kif Ġesù Kien Bħal Mosè,” f’paġna 26.)

9 Kemm Mosè u kemm Ġesù wettqu l-​mirakli, u b’hekk urew li kellhom l-​appoġġ taʼ Ġeħova. Tabilħaqq, Mosè kien l-​ewwel bniedem fl-​istorja li wettaq il-​mirakli. (Eżo. 4:1-9) Per eżempju, Mosè wettaq mirakli li kienu jinvolvu l-​ilma meta għall-​kmand tiegħu l-​ilmijiet tan-​Nil u l-​għadajjar kollha qasab tagħha saru demm, il-​Baħar l-​Aħmar inferaq, u l-​ilma ħareġ bis-​saħħa minn ġo blata fid-​deżert. (Eżo. 7:19-21; 14:21; 17:5-7) Ġesù wkoll wettaq mirakli li kienu jinvolvu l-​ilma. L-​ewwel miraklu tiegħu kien li biddel l-​ilma fi nbid f’festa taʼ tieġ. (Ġw. 2:1-11) Iktar tard, hu kkalma l-​Baħar tal-​Galilija li kien imqalleb. U f’okkażjoni minnhom, hu saħansitra mexa fuq l-​ilma! (Mt. 8:23-27; 14:23-25) Xi similaritajiet oħrajn bejn Mosè u Ġesù, Mosè Akbar, jistgħu jidhru fil-​kaxxa f’ paġna 26.

Apprezza lil Kristu Bħala Profeta

10. X’inhu profeta veru, u Mosè għala kien profeta bħal dan?

10 Il-​biċċa l-​kbira min-​nies jaħsbu li profeta huwa xi ħadd li jbassar il-​futur, imma din hi biss parti waħda mir-​responsabbiltà taʼ profeta. Profeta veru huwa kelliemi ispirat għal Ġeħova, wieħed li jipproklama “l-​affarijiet grandjużi t’Alla.” (Atti 2:11, 16, 17) Fost affarijiet oħrajn, l-​ipprofetizzar tiegħu jistaʼ jinkludi t-​tħabbir taʼ ġrajjiet futuri, l-​irrivelar t’aspetti taʼ l-​iskop taʼ Ġeħova, jew l-​ipproklamar tal-​ġudizzji t’Alla. Mosè kien profeta bħal dan. Hu bassar kull wieħed mill-​Għaxar Kastigi li ġew fuq l-​Eġittu. Hu introduċa l-​patt tal-​Liġi fis-​Sinaj. U għallem lill-​ġens ir-​rieda t’Alla. Madankollu, eventwalment kellu jiġi profeta akbar minn Mosè.

11. Ġesù kif wettaq l-​irwol taʼ profeta akbar minn Mosè?

11 Iktar tard, fl-​ewwel seklu, Żakkarija aġixxa bħala profeta billi rrivela l-​iskop t’Alla dwar ibnu, Ġwanni. (Lq. 1:76) Dan l-​iben sar Ġwanni l-​Għammied, li ħabbar il-​miġja tal-​profeta li tant kien mistenni u li hu akbar minn Mosè—Ġesù Kristu. (Ġw. 1:23-36) Bħala profeta, Ġesù bassar ħafna affarijiet. Per eżempju, tkellem dwar il-​mewt tiegħu stess, billi bassar kif kien se jmut, fejn kien se jmut, u minn min kien se jinqatel. (Mt. 20:17-19) B’sorpriża għas-​semmiegħa tiegħu, Ġesù bassar ukoll il-​qerda taʼ Ġerusalemm bit-​tempju tagħha. (Mk. 13:1, 2) Il-​profeziji tiegħu jwasslu sa żmienna.—Mt. 24:3-41.

12. (a) Ġesù kif poġġa l-​pedament għal kampanja globali taʼ ppridkar? (b) Għala nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù llum?

12 Minbarra li kien profeta, Ġesù kien predikatur u għalliem. Hu ppriedka l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, u ħadd ma tkellem b’iktar qlubija milli tkellem hu. (Lq. 4:16-21, 43) Bħala għalliem, ħadd ma kien bħalu. “Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu,” qalu xi wħud li semgħuh. (Ġw. 7:46) Ġesù kien żeluż fl-​isforzi tiegħu biex ixerred l-​aħbar tajba, u ispira dak l-​istess żelu għas-​Saltna fis-​segwaċi tiegħu. B’hekk, hu poġġa l-​pedament għal kampanja globali taʼ ppridkar u tagħlim li għadha għaddejja. (Mt. 28:18-20; Atti 5:42) Is-​sena l-​oħra, xi sebaʼ miljun dixxiplu taʼ Kristu qattgħu madwar 1,500,000,000 siegħa jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna u jgħallmu l-​veritajiet tal-​Bibbja lil uħud li juru interess. Tieħu int sehem kemm jistaʼ jkun f’dan ix-​xogħol?

13. X’se jgħinna “nibqgħu mqajmin”?

13 M’hemm l-​ebda dubju li Ġeħova wettaq il-​profezija li jqajjem profeta bħal Mosè. Dan l-​għarfien kif jeffettwak? Jagħtik dan iktar fiduċja fit-​twettiq tal-​profeziji ispirati li huma relatati mal-​futur immedjat tagħna? Iva, billi nimmeditaw fuq l-​eżempju taʼ Mosè Akbar niġu mqanqlin biex “nibqgħu mqajmin u f’sensina” dwar dak li Alla se jagħmel dalwaqt.—1 Tess. 5:2, 6.

Apprezza lil Kristu Bħala Medjatur

14. Mosè kif kien medjatur bejn l-​Israelin u Alla?

14 Bħal Mosè, Ġesù kien medjatur. Medjatur jaġixxi bħala pont bejn żewġ naħat. Mosè kien il-​medjatur tal-​patt tal-​Liġi bejn Ġeħova u l-​Israelin. Li kieku wlied Ġakobb obdew il-​liġijiet t’Alla, huma kienu jibqgħu l-​proprjetà speċjali t’Alla, il-​kongregazzjoni tiegħu. (Eżo. 19:3-8) Dan il-​patt baqaʼ validu mill-​1513 Q.E.K. sa l-​ewwel seklu E.K.

15. Ġesù kif inhu medjatur superjuri?

15 Fis-​sena 33 E.K., Ġeħova beda patt aħjar maʼ Israel ġdid, “l-​Israel t’Alla,” li sar kongregazzjoni mad-​dinja kollha magħmula minn Kristjani midlukin. (Gal. 6:16) Waqt li l-​patt li Mosè kien medjatur tiegħu inkluda liġijiet miktubin minn Alla fuq il-​ġebel, il-​patt li Ġesù kien medjatur tiegħu hu superjuri. Il-​liġijiet tiegħu huma mnaqqxin minn Alla fi qlub il-​bnedmin. (Aqra l-1 Timotju 2:5; Ebrej 8:10.) B’hekk, “l-​Israel t’Alla” issa huwa proprjetà speċjali t’Alla, “ġens li jagħti l-​frott” tas-​Saltna Messjanika. (Mt. 21:43) Membri taʼ dak il-​ġens spiritwali jipparteċipaw f’dak il-​patt il-​ġdid. Xorta waħda, m’humiex l-​uniċi li jibbenefikaw minnu. Kotriet bla għadd, saħansitra ħafna li bħalissa huma reqdin fil-​mewt, se jirċievu barkiet dejjiema minħabba dak il-​patt superlattiv.

Irrispetta lil Kristu Bħala Ħellies

16. (a) Ġeħova b’liema modi uża lil Mosè biex jeħles lil Israel? (b) Skond Eżodu 14:13, min hu s-​Sors tas-​salvazzjoni?

16 Fl-​aħħar lejl tagħhom qabel l-​Eżodu, xi wħud min-​nisel taʼ Israel kienu f’periklu kbir. Dalwaqt, l-​anġlu t’Alla kien se jgħaddi mill-​art taʼ l-​Eġittu u joqtol lil kull l-​ewwel imwieled. Ġeħova qal lil Mosè li l-​ewwel imwieled taʼ Israel kien se jiġi salvat jekk l-​Israelin jieħdu d-​demm tal-​ħaruf tal-​Qbiż u jroxxuh mal-​blata taʼ fuq il-​bieb u mal-​koxox tal-​bibien tagħhom. (Eżo. 12:1-13, 21-23) U hekk ġara. Iktar tard, il-​ġens kollu kien f’periklu serju. Huma kienu maqbudin bejn il-​Baħar l-​Aħmar u l-​karrijiet tal-​gwerra taʼ l-​Eġizzjani li kienu qed jiġru warajhom. Ġeħova għal darb’oħra pprovda ħelsien permezz taʼ Mosè, li b’mod mirakoluż feraq l-​ilmijiet taʼ dak il-​baħar.—Eżo. 14:13, 21.

17, 18. Ġesù b’liema modi huwa ħellies akbar minn Mosè?

17 Kienu kemm kienu kbar dawk l-​atti taʼ ħelsien, il-​ħelsien li Ġeħova wettaq permezz taʼ Ġesù huwa bil-​wisq akbar. Ġesù huwa l-​mezz li bih uħud ubbidjenti jinħelsu mill-​jasar għad-​dnub. (Rum. 5:12, 18) U dan il-​ħelsien huwa “ħelsien taʼ dejjem.” (Ebr. 9:11, 12) L-​isem Ġesù jfisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.” Ġesù, bħala l-​Ħellies tagħna, jew Salvatur, mhux biss isalvana mid-​dnubiet tal-​passat imma wkoll jiftħilna t-​triq biex inkunu nistgħu ngawdu futur aħjar. Billi jeħlishom mill-​jasar għad-​dnub, Ġesù jsalva lis-​segwaċi tiegħu mill-​korla t’Alla u jġibhom f’relazzjoni kollha mħabba maʼ Ġeħova.—Mt. 1:21.

18 Il-​ħelsien mid-​dnub li jipprovdi Ġesù fiż-​żmien xieraq se jinkludi ħelsien mill-​effetti koroh tiegħu—il-​mard u saħansitra l-​mewt. Sabiex inkunu nistgħu nimmaġinaw xi jkun ifisser dan, ikkunsidra x’ġara meta Ġesù mar id-​dar taʼ wieħed raġel jismu Ġajru, li bintu taʼ 12-il sena kienet mietet. Ġesù assigura lil Ġajru: “Tibżax, biss uri l-​fidi, u hi tiġi salvata.” (Lq. 8:41, 42, 49, 50) Fi qbil maʼ dak li qal, it-​tifla qamet mill-​mewt! Tistaʼ timmaġinah il-​ferħ tal-​ġenituri tagħha? Mela għandek idea x’ferħ akbar se nesperjenzaw meta “dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu [leħen Ġesù] u joħorġu” fl-​irxoxt. (Ġw. 5:28, 29) Verament, Ġesù huwa Salvatur, il-​Ħellies tagħna!—Aqra Atti 5:31; Titu 1:4; Riv. 7:10.

19, 20. (a) Kif nistgħu niġu effettwati jekk nimmeditaw fuq l-​irwol taʼ Ġesù bħala Mosè Akbar? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

19 Il-​fatt li nkunu nafu li nistgħu ngħinu lin-​nies jibbenefikaw mill-​atti li jsalvaw taʼ Ġesù jġegħelna nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u tat-​tagħlim. (Is. 61:1-3) Iżjed minn hekk, jekk nimmeditaw fuq l-​irwol taʼ Ġesù bħala Mosè Akbar se nsaħħu l-​fiduċja tagħna li hu se jeħles lis-​segwaċi tiegħu meta jiġi biex jesegwixxi ġudizzju fuq il-​ħżiena.—Mt. 25:31-34, 41, 46; Riv. 7:9, 14.

20 Iva, Ġesù huwa Mosè Akbar. Hu għamel ħafna affarijiet meraviljużi li Mosè qatt ma setaʼ jagħmilhom. Il-​kliem taʼ Ġesù bħala profeta u l-​azzjonijiet tiegħu bħala medjatur jeffettwaw lill-​familja umana kollha. Bħala Ħellies, Ġesù ma jġibx salvazzjoni temporanja imma salvazzjoni eterna għall-​umanità li tistaʼ tiġi mifdija. Madankollu, hemm iktar x’nitgħallmu dwar Ġesù mill-​irġiel leali tal-​qedem. L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti kif hu kien David Akbar u Salamun Akbar.

Tistaʼ Tispjega?

Ġesù kif inhu akbar minn Mosè bħala

• profeta?

• medjatur?

• ħellies?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 26]

  Iktar Modi Kif Ġesù Kien Bħal Mosè

◻ It-​tnejn li huma ħallew warajhom pożizzjonijiet għoljin sabiex ikunu jistgħu jaqdu lil Ġeħova u lill-​poplu tiegħu.​—2 Kor. 8:9; Flp. 2:5-8; Ebr. 11:24-26.

◻ It-​tnejn li huma qdew bħala wħud midlukin, jew ‘kristijiet.’​—Mk. 14:61, 62; Ġw. 4:25, 26; Ebr. 11:26.

◻ It-​tnejn li huma ġew f’isem Ġeħova.​—Eżo. 3:13-16; Ġw. 5:43; 17:4, 6, 26.

◻ It-​tnejn li huma kienu ġwejdin.​—Num. 12:3; Mt. 11:28-30.

◻ It-​tnejn li huma kienu involuti f’li jitimgħu lil kotriet.​—Eżo. 16:12; Ġw. 6:48-51.

◻ It-​tnejn li huma qdew bħala mħallfin u leġislaturi.​—Eżo. 18:13; Mal. 4:4; Ġw. 5:22, 23; 15:10.

◻ It-​tnejn li huma ġew fdati biex ikunu kapijiet fuq id-​dar t’Alla.​—Num. 12:7; Ebr. 3:2-6.

◻ It-​tnejn li huma ġew deskritti bħala xhieda leali taʼ Ġeħova.​—Ebr. 11:24-29; 12:1; Riv. 1:5.

◻ Wara l-​mewt taʼ Mosè u tal-​bniedem Ġesù, Alla neħħa l-​iġsma tagħhom.​—Dt. 34:5, 6; Lq. 24:1-3; Atti 2:31; 1 Kor. 15:50; Ġuda 9.