Żgħażagħ—Ħallu lil Kulħadd Jara li Qed Tavanzaw
“Immedita fuq dawn l-affarijiet; kun medhi fihom, biex kulħadd jara li qed tavanza.”—1 TIM. 4:15.
1. Alla x’jixtieq għaż-żgħażagħ?
“O ŻAGĦŻUGĦ, gawdi waqt li għadek żgħir! Ħalli qalbek tmexxik lejn it-tgawdija f’jiem żgħożitek.” (Ekk. 11:9, Tanakh—The Holy Scriptures) Hekk kiteb l-għaref Sultan Salamun taʼ Israel tal-qedem. L-Oriġinatur taʼ dan il-messaġġ, Alla Ġeħova, żgur li jrid li intom iż-żgħażagħ tkunu ferħanin. Iktar minn hekk, Ġeħova jrid li tibqgħu ferħanin mhux f’żgħożitkom biss imma anki meta tikbru. Madankollu, matul is-snin taż-żgħożija, iż-żgħażagħ spiss jagħmlu żbalji li jistgħu jeffettwaw il-ferħ futur tagħhom. Anki l-leali Ġob semma b’dispjaċir li kellu jiffaċċja ‘l-konsegwenzi taʼ l-iżbalji taʼ żgħożitu.’ (Ġob 13:26) Matul l-adoloxxenza u l-ftit snin taʼ wara, Kristjan żagħżugħ spiss ikollu jieħu deċiżjonijiet serji. Deċiżjonijiet ħżiena jistgħu jħallu feriti emozzjonali profondi u joħolqu problemi li jistgħu jeffettwawlu l-bqija taʼ ħajtu.—Ekk. 11:10.
2. Iż-żgħażagħ liema parir Bibliku jridu japplikaw sabiex ikunu jistgħu jevitaw li jagħmlu żbalji serji?
2 Iż-żgħażagħ jeħtieġ li jużaw l-għaqal. Ikkunsidra l-parir li ta l-appostlu Pawlu lill-Korintin. Hu kiteb: “Tkunux tfal żgħar fil-mentalità tagħkom . . . Kunu nies li kibru għalkollox fil-mentalità tagħhom.” (1 Kor. 14:20) Jekk jagħtu kas il-parir biex jiksbu l-abbiltà li jaħsbu u jirraġunaw bħal nies li kibru, iż-żgħażagħ se jiġu megħjunin jevitaw li jagħmlu żbalji serji.
3. X’tistaʼ tagħmel biex timmatura?
3 Jekk int żagħżugħ, żomm f’moħħok li sabiex timmatura jeħtieġ sforz. Pawlu qal lil Timotju: “Tħalli lil ħadd qatt imaqdar żgħożitek. Għall-kuntrarju, kun t’eżempju għall-uħud leali, fil-kliem, fil-kondotta, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa. . . . Kompli agħti ruħek għall-qari pubbliku, għat-twiddib, għat-tagħlim. . . . Immedita fuq dawn l-affarijiet; kun medhi fihom, biex kulħadd jara li qed tavanza.” (1 Tim. 4:12-15) Iż-żgħażagħ Kristjani jeħtieġ li jagħmlu progress u jħallu lil oħrajn jaraw li qed javanzaw.
Xi Jfisser li Tavanza?
4. X’jinvolvi li tavanza spiritwalment?
4 Li tavanza jfisser “li tagħmel progress, li tinbidel għall-aħjar.” Pawlu kien qed iħeġġeġ lil Timotju sabiex ikompli jagħti ruħu biex jagħmel progress fil-kliem, fil-kondotta, fl-imħabba, fil-fidi, u fis-safa, kif ukoll fil-mod kif iwettaq il-ministeru tiegħu. Hu kellu jistinka biex ħajtu tkun eżemplari. B’hekk, Timotju kellu bżonn ikompli javanza spiritwalment.
5, 6. (a) L-avanz taʼ Timotju meta beda jidher? (b) Rigward l-avanz tagħhom, iż-żgħażagħ illum kif jistgħu jimitaw lil Timotju?
5 Meta Pawlu kiteb dan il-parir f’xi żmien bejn is-sena 61 u s-sena 64 E.K., Timotju kien diġà anzjan taʼ l-esperjenza. Hu ma kienx għadu kif beda javanza spiritwalment. Fis-sena 49 jew 50 E.K. meta Timotju x’aktarx li kellu madwar 20 sena, “l-aħwa f’Listra u Ikonju kienu jitkellmu tajjeb dwaru,” u dawn kienu aħwa li osservaw il-progress spiritwali tiegħu. (Atti 16:1-5) Dak iż-żmien, Pawlu ħa lil Timotju miegħu fuq il-vjaġġ missjunarju tiegħu. Wara li osserva għal xi ftit tax-xhur il-progress li kompla jagħmel Timotju, Pawlu bagħtu Tessalonika sabiex ifarraġ u jsaħħaħ lill-Kristjani taʼ dik il-belt. (Aqra l-1 Tessalonikin 3:1-3, 6.) Jidher ċar li Timotju beda juri li qed javanza minn meta kien għadu żagħżugħ.
6 Intom iż-żgħażagħ fil-kongregazzjoni, aħdmu biex tikkultivaw il-kwalitajiet spiritwali meħtiġin issa, sabiex l-avanz fil-ħajja Kristjana u l-abbiltà tagħkom li tgħallmu l-veritajiet tal-Bibbja jkun jidher ċar. Mindu kellu 12-il sena, Ġesù “baqaʼ javanza fl-għerf.” (Lq. 2:52) Issa ejja neżaminaw kif tistaʼ turi li qed tavanza fi tliet aspetti taʼ ħajtek: (1) meta tiffaċċja l-problemi, (2) hekk kif tipprepara għaż-żwieġ, u (3) hekk kif tistinka biex issir “ministru mill-aħjar.”—1 Tim. 4:6.
Iffaċċja l-Problemi b’“Moħħ f’Loku”
7. Il-problemi kif jistgħu jeffettwaw liż-żgħażagħ?
7 Kristjana taʼ 17-il sena jisimha Carol qalet, “Kultant, tant kont inkun imkissra emozzjonalment, fiżikament, u mentalment li ma kontx inkun irrid inqum fil-għodu.” a Għala kienet daqshekk imdejqa? Meta Carol kellha għaxar snin, il-familja tagħha tkissret minħabba d-divorzju, u hi spiċċat tgħix m’ommha, li rrifjutat il-livelli morali tal-Bibbja. Bħal Carol, int għandek mnejn qed tiffaċċja xi sitwazzjonijiet li huma verament stressanti u forsi ma tantx jidher li se jkun hemm xi titjib.
8. Timotju maʼ liema problemi kellu jissielet?
8 Waqt li kien qed jagħmel progress spiritwali, Timotju wkoll issielet maʼ ċirkustanzi diffiċli. Per eżempju, hu esperjenza ‘mard sikwit’ minħabba problema fl-istonku. (1 Tim. 5:23) Meta Pawlu bagħtu Korintu sabiex jittratta ċerti problemi li qajmu xi individwi li kienu sfidaw l-awtorità taʼ l-appostlu, Pawlu ħeġġeġ lill-kongregazzjoni biex tikkoopera, ħalli Timotju “ma jkollux għalfejn jibżaʼ” fosthom. (1 Kor. 4:17; 16:10, 11) Evidentement, Timotju kien mistħi, jew timidu.
9. X’inhu l-moħħ f’loku, u kif inhu differenti minn spirtu beżżiegħ?
9 Biex jgħin lil Timotju, Pawlu iktar tard fakkru: “Alla ma taniex spirtu beżżiegħ, imma spirtu taʼ qawwa u taʼ mħabba u taʼ moħħ f’loku.” (2 Tim. 1:7) Li jkollok “moħħ f’loku” jinvolvi li tkun kapaċi taħseb u tirraġuna bis-sens. Dan jinkludi l-abbiltà li tiffaċċja l-affarijiet kif inhuma—mhux bil-mod li tixtieq li jkunu. Xi żgħażagħ immaturi juru spirtu beżżiegħ u mentalment jipprovaw jaħarbu minn sitwazzjonijiet stressanti billi jorqdu żżejjed, jaraw ħafna televixin, jabbużaw mid-drogi jew l-alkoħol, jixxalaw il-ħin kollu, jew jieħdu sehem f’immoralità sesswali. Il-Kristjani huma mwissijin biex ‘iwarrbu dak kollu li hu kontra r-rieda t’Alla u x-xewqat tad-dinja u jgħixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-sistema.’—Titu 2:12.
10, 11. Il-moħħ f’loku kif se jgħinna niżviluppaw saħħa spiritwali?
10 Il-Bibbja tħeġġeġ “lill-irġiel żgħażagħ biex ikunu moħħhom f’loku.” (Titu 2:6) Sabiex tagħti kas dan il-parir trid tiffaċċja l-problemi bit-talb u tistrieħ fuq is-saħħa li jagħti Alla. (Aqra l-1 Pietru 4:7.) B’hekk, int se tibda tafda b’qalbek kollha fis-“saħħa li jagħti Alla.”—1 Pt. 4:11.
11 Kienu l-moħħ f’loku u t-talb li għenu lil Carol. “Waħda mill-iktar affarijiet diffiċli li qatt kelli nagħmel kienet li nieħu waqfa kontra l-ħajja immorali t’ommi,” qalet hi. “Imma t-talb tassew għenni. Naf li Ġeħova huwa miegħi, u għalhekk m’għadnix nibżaʼ iktar.” Ftakar, il-problemi jistgħu jirfinawk u jsaħħuk. (Salm 105:17-19; Lam. 3:27) Minkejja dak li tistaʼ tiffaċċja, Alla qatt m’hu se jabbandunak. Hu se ‘jgħinek verament.’—Is. 41:10.
Nippreparaw Għal Żwieġ taʼ Suċċess
12. Kristjan li qed jikkunsidra ż-żwieġ għala għandu japplika l-prinċipju li hemm fi Proverbji 20:25?
12 Xi żgħażagħ għaġġlu biex jiżżewġu, għax ħasbu li din kienet is-soluzzjoni għan-nuqqas t’hena, għas-solitudni, għad-dwejjaq, jew għall-problemi fid-dar. Madankollu, il-wegħdi taż-żwieġ huma kwistjoni serja. Xi wħud fiż-żminijiet Bibliċi kienu jagħmlu wegħdi sagri, jew imqaddsin, bla ma kienu joqogħdu jaħsbuha, mingħajr m’analizzaw sew dak li kien jinvolvi. (Aqra Proverbji 20:25.) Kultant, iż-żgħażagħ ma jikkunsidrawx bis-serjetà dak li hu meħtieġ minnhom fiż-żwieġ. Iktar tard, huma jsibu li hemm ħafna iktar involut milli qatt kienu rrealizzaw.
13. Liema mistoqsijiet għandhom jikkunsidraw dawk li qed jaħsbu biex jibdew joħorġu maʼ xi ħadd tas-sess oppost, u liema parir t’għajnuna huwa disponibbli għalihom?
13 Għalhekk, qabel ma tibda toħroġ maʼ xi ħadd tas-sess oppost staqsi lilek innifsek: ‘Għala nixtieq niżżewweġ? X’qed nistenna miż-żwieġ? Hija din il-persuna tajba għalija? Lest jien li nwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħi fiż-żwieġ?’ Sabiex jgħinek tqis l-affarijiet bid-dehen, “l-ilsir leali u għaqli” ppubblika artikli speċifiċi ħafna. b (Mt. 24:45-47) Ħares lejn materjal bħal dan bħala parir li qed jagħtihulek Ġeħova. Qis bir-reqqa dak li hemm miktub u applikah. Qatt tħalli lilek innifsek issir “bħal żiemel jew bagħal li ma jifhimx.” (Salm 32:8, 9) Ifhem sew dak li hu meħtieġ minnek fiż-żwieġ. Jekk tħoss li int lest biex toħroġ maʼ xi ħadd tas-sess oppost, dejjem ftakar li trid tkun “t’eżempju . . . fis-safa.”—1 Tim. 4:12.
14. Il-maturità spiritwali kif tistaʼ tgħinek jekk tiżżewweġ?
14 Il-maturità spiritwali twassal ukoll għas-suċċess wara ż-żwieġ. Kristjan li jkun immatura spiritwalment jistinka biex jilħaq il-“qjies taʼ statura li jiġi mill-milja tal-Kristu.” (Efes. 4:11-14) Hu jaħdem iebes biex jiżviluppa personalità bħal taʼ Kristu. Bħala x-Xempju tagħna, ‘il-Kristu ma fittixx li jogħġob lilu nnifsu.’ (Rum. 15:3) Meta l-imseħbin fiż-żwieġ ma jfittxux il-vantaġġi tagħhom stess imma dawk taʼ xulxin, il-ħajja tal-familja se tkun menqa taʼ paċi u sigurtà. (1 Kor. 10:24) Ir-raġel juri mħabba tant li jkun lest li jagħmel sagrifiċċji, u l-mara se tkun determinata li tkun sottomessa lejn ir-raġel tagħha bħalma Ġesù huwa sottomess lejn il-Kap tiegħu.—1 Kor. 11:3; Efes. 5:25.
“Wettaq bis-Sħiħ il-Ministeru Tiegħek”
15, 16. Kif jistaʼ kulħadd jara li qed tavanza fil-ministeru?
15 Biex jiġbed l-attenzjoni lejn l-inkarigu importanti taʼ Timotju, Pawlu kiteb: “Nordnalek solennement quddiem Alla u Kristu Ġesù, . . . ippriedka l-kelma u agħmel dan b’urġenza.” Hu żied: “Agħmel ix-xogħol taʼ evanġelizzatur, wettaq bis-sħiħ il-ministeru tiegħek.” (2 Tim. 4:1, 2, 5) Sabiex iwettaq dan l-inkarigu, Timotju kellu jiġi “mitmugħ bil-kliem tal-fidi.”—Aqra l-1 Timotju 4:6.
16 Kif tistaʼ tkun “mitmugħ bil-kliem tal-fidi”? Pawlu kiteb: “Kompli agħti ruħek għall-qari pubbliku, għat-twiddib, għat-tagħlim. Immedita fuq dawn l-affarijiet; kun medhi fihom.” (1 Tim. 4:13, 15) Sabiex titjieb jeħtieġ li tagħmel studju persunali diliġenti. L-espressjoni “kun medhi” ġġorr l-idea li tkun involut sew f’xi attività. Kif inhuma d-drawwiet tiegħek taʼ studju? Medhi int fl-“affarijiet profondi t’Alla”? (1 Kor. 2:10) Jew tagħmel biss ftit sforz? Il-meditazzjoni fuq dak li tistudja se timmotivak biex taġixxi.—Aqra Proverbji 2:1-5.
17, 18. (a) Liema abbiltajiet għandek tistinka biex tikseb? (b) Kif se tiġi megħjun fil-ministeru tiegħek jekk tiżviluppa l-istess attitudni li kellu Timotju?
17 Pijuniera żagħżugħa jisimha Michelle qalet: “Sabiex inkun verament effettiva fil-ministeru, għandi skeda tajba għal studju persunali, u nattendi l-laqgħat regolarment. Minħabba f’hekk, jien dejjem qed nikber spiritwalment.” Il-fatt li taqdi bħala pijunier żgur li se jgħinek ittejjeb l-abbiltà tiegħek biex tuża l-Bibbja fil-ministeru u biex tavanza spiritwalment. Stinka biex tkun qarrej tajjeb u biex tagħti kummenti tajbin fil-laqgħat Kristjani. Bħala żagħżugħ matur spiritwalment, int għandek tipprepara taħditiet istruttivi fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, billi żżomm mal-materjal li jiġi assenjat lilek.
18 ‘Li tagħmel ix-xogħol t’evanġelizzatur’ ifisser li tagħmel il-ministeru tiegħek iktar effettiv u tgħin lil oħrajn jiksbu s-salvazzjoni. Dan jirrikjedi li tiżviluppa l-“arti tat-tagħlim.” (2 Tim. 4:2) Jekk tirranġa biex taħdem fil-ministeru maʼ dawk li għandhom esperjenza f’dan ix-xogħol, int se tkun tistaʼ titgħallem mill-metodi taʼ tagħlim tagħhom, bħalma Timotju tgħallem billi ħadem maʼ Pawlu. (1 Kor. 4:17) Meta rrefera għal dawk li kien għen, Pawlu qal li hu mhux biss qasam l-aħbar tajba magħhom imma wkoll ta ‘ruħu,’ jew uża ħajtu stess biex jgħinhom, għax kienu saru għeżież għalih. (1 Tess. 2:8) Sabiex issegwi l-eżempju taʼ Pawlu fil-ministeru jrid ikollok l-istess attitudni li kellu Timotju, li ġenwinament kien jimpurtah mill-oħrajn u ‘tjassar biex iġib l-aħbar tajba ’l quddiem.’ (Aqra Filippin 2:19-23.) Turi int dan l-ispirtu taʼ sagrifiċċju persunali fil-ministeru tiegħek?
L-Avanz Iġib Sodisfazzjon Reali
19, 20. L-avanz spiritwali għala jġib il-ferħ?
19 Jeħtieġ sforz biex tavanza spiritwalment. Imma jekk bil-paċenzja tikkultiva s-sengħa tat-tagħlim, maż-żmien se jkollok il-privileġġ li ‘tagħmel lil ħafna sinjuri’ spiritwalment, u huma se jkunu “l-ferħ jew il-kuruna taʼ l-hena” tiegħek. (2 Kor. 6:10; 1 Tess. 2:19) “Iktar minn qatt qabel, il-ħin tiegħi nqattgħu ngħin lin-nies,” spjega Fred, ministru full-time. “Huwa verament minnu li hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”
20 Rigward il-ferħ u s-sodisfazzjon li esperjenzat mill-fatt li kibret spiritwalment, pijuniera żagħżugħa jisimha Daphne qalet: “Żviluppajt relazzjoni ħafna eqreb maʼ Ġeħova hekk kif bdejt napprezzah bħal Persuna. Meta togħġob lil Ġeħova bl-abbiltà tiegħek kollha, tħossok verament tajjeb—verament sodisfatt!” Għalkemm il-bnedmin mhux dejjem japprezzaw l-avanz spiritwali tiegħek, Ġeħova dejjem jarah u jgħożżu. (Ebr. 4:13) Bla ebda dubju, intom iż-żgħażagħ Kristjani tistgħu ġġibu glorja u tifħir lil Missierna tas-sema. Ibqgħu ferrħulu qalbu hekk kif tħallu lil kulħadd jara li verament qed tavanzaw.—Prov. 27:11.
[Noti taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
b “Is This Person Right for Me?” (Hija Din il-Persuna Tajba Għalija?) fil-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2; “Fittex il-Gwida t’Alla Meta Tiġi biex Tagħżel lil Min Tiżżewweġ,” fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Mejju, 2001; u “How Wise Is a Teenage Marriage?” (Huwa Għaqli li Tiżżewweġ Meta Tkun Għadek Adoloxxenti?) fl-Awake! tat-22 taʼ Settembru, 1983.
X’Tgħallimt?
• X’inhu involut f’li tavanza spiritwalment?
• Kif tistaʼ tħalli l-avanz tiegħek jidher . . .
meta tiffaċċja l-problemi?
meta tkun qed tipprepara għaż-żwieġ?
fil-ministeru?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 15]
It-talb jistaʼ jgħinek tkampa mal-problemi
[Stampa f’paġna 16]
Il-pubblikaturi żgħażagħ kif jistgħu jiżviluppaw metodi effettivi taʼ tagħlim?