“Żmien għas-Skiet”
“ID-DISKORS hu fidda, is-skiet hu deheb.” Hekk jgħid qawl antik li jingħad li għandu oriġini Orjentali. Skond il-Brewer’s Dictionary of Phrase and Fable, l-ekwivalenti bl-Ebrajk taʼ dan il-qawl hu: “Jekk kelma tiswa xekel, is-skiet jiswa tnejn.” U l-għaref Sultan Salamun taʼ Israel tal-qedem kiteb: “Kollox għandu l-istaġun tiegħu, u kull attività taħt is-sema għandha żmienha . . . żmien għas-skiet u żmien għad-diskors.”—Ekk. 3:1, 7, The New English Bible.
Iżda, meta jkun xieraq li tibqaʼ sieket minflok ma titkellem? Kliem relatat maʼ “sieket” u “silenzju” jidher ħafna drabi fil-Bibbja. Il-kuntest li fih jintuża dan il-kliem juri kemm hu xieraq li wieħed jibqaʼ sieket f’minn taʼ l-inqas tliet aspetti fil-ħajja. Ejja nagħtu ħarsa iktar mill-qrib lejn is-skiet bħala sinjal taʼ rispett, bħala evidenza taʼ diskrezzjoni u dixxerniment, u bħala għajnuna għall-meditazzjoni.
Sinjal taʼ Rispett
Is-skiet hu sinjal taʼ rispett jew unur. Il-profeta Ħabakkuk qal: “Ġeħova qiegħed fit-tempju qaddis tiegħu. Ibqaʼ siekta quddiemu, art kollha!” (Ħab. 2:20) L-aduraturi veri għandhom ‘jistennew, iva, fis-skiet, għas-salvazzjoni taʼ Ġeħova.’ (Lam. 3:26) Is-salmista kanta: “Ibqaʼ sieket quddiem Ġeħova u stennieh bil-ħerqa. Titbaqbaqx għal xi ħadd li jirnexxi fi triqtu.”—Salm 37:7.
Nistgħu aħna nfaħħru lil Ġeħova bla ma nużaw kliem? Mhux hekk jiġri meta kultant naraw il-ġmiel tan-natura u tant nibqgħu miblugħin li lanqas biss illissnu kelma? Meta naħsbu dwar dan il-kobor kollu, ma jkunx dan mod kif infaħħru lill-Ħallieq f’qalbna? Is-salmista David beda waħda mill-melodiji tiegħu, billi qal: “O Alla, int jistħoqqlok tifħir u silenzju, f’Sijon; u lilek tintradd il-wegħda.”—Salm 65:1.
Bħalma Ġeħova nnifsu jistħoqqlu r-rispett tagħna, hekk ukoll kliemu. Per eżempju, meta Mosè, il-profeta t’Alla, indirizza għall-aħħar darba lill-ġens taʼ Israel, hu u l-qassisin wissew lil kulmin kien preżenti, u qalu: “Ibqaʼ sieket u . . . ismaʼ leħen Ġeħova Alla tiegħek.” Saħansitra t-tfal Israelin Dt. 27:9, 10; 31:11, 12.
kien meħtieġ minnhom li jisimgħu b’attenzjoni meta wlied Israel kienu jinġabru flimkien għall-qari tal-Liġi t’Alla. “Laqqaʼ l-poplu,” qal Mosè, “l-irġiel, in-nisa, [u] iċ-ċkejknin . . . sabiex jitgħallmu.”—Kemm hu xieraq li l-aduraturi taʼ Ġeħova llum jisimgħu b’rispett l-istruzzjonijiet li jirċievu fil-laqgħat Kristjani, inkluż il-konvenzjonijiet kbar! Meta jkunu qed jingħataw veritajiet Bibliċi vitali minn fuq il-platform, ma nkunux aħna qed nuru nuqqas taʼ rispett lejn il-Kelma t’Alla u l-organizzazzjoni tiegħu jekk noqogħdu npaċpċu bejnietna bla bżonn? Matul is-sessjonijiet, ikun iż-żmien li nibqgħu siekta u nisimgħu.
Anki meta nitkellmu fil-privat maʼ xi ħadd ieħor, li nisimgħu b’attenzjoni jkun sinjal taʼ rispett. Per eżempju, il-patrijarka Ġob qal lil dawk li akkużawh: “Għallmuni, u jien, min-naħa tiegħi, nibqaʼ sieket.” Ġob kien lest li jismaʼ fis-skiet meta tkellmu huma. U meta kien imissu jitkellem hu, talabhom: “Ibqgħu siekta quddiemi, biex nitkellem jien stess.”—Ġob 6:24; 13:13.
Evidenza taʼ Diskrezzjoni u Dixxerniment
Il-Bibbja tistqarr: “Min irażżan xofftejh qed jaġixxi b’mod diskret.” “Il-bniedem taʼ dixxerniment kbir jibqaʼ sieket.” (Prov. 10:19; 11:12) Ikkunsidra b’liema mod sabiħ Ġesù wera diskrezzjoni u dixxerniment billi baqaʼ sieket. Meta għaraf li ma kien se joħroġ ebda ġid jekk ikellem lill-għedewwa tiegħu, li kienu ostili lejh, “Ġesù baqaʼ sieket.” (Mt. 26:63) Iktar tard, meta kien qed jgħaddi ġuri quddiem Pilatu, Ġesù “ma wieġeb xejn.” Hu b’mod diskret għażel li jħalli r-reputazzjoni tiegħu titkellem għalih.—Mt. 27:11-14.
Aħna wkoll inkunu għorrief jekk irrażżnu xofftejna, b’mod partikulari meta niġu provokati. “Min idum biex jirrabja għandu ħafna dixxerniment,” jgħid proverbju wieħed, “imma min hu bla paċenzja qed jeżalta l-bluha.” (Prov. 14:29) Jekk inwieġbu bla ma naħsbuha f’sitwazzjoni diffiċli nistgħu ngħidu xi kelma żejda li iktar tard jiddispjaċina li nkunu għednieha. F’ċirkustanzi bħal dawn, kliemna jistaʼ jidher iblah, u minħabba f’hekk nistgħu nitilfu l-paċi tal-moħħ.
Inkunu qed nuru d-diskrezzjoni meta rrażżnu xofftejna quddiem nies mill-agħar. Meta fil-ministeru niltaqgħu maʼ nies li jwaqqgħuna għaċ-ċajt, is-skiet jistaʼ jkun ir-risposta xierqa. Iktar minn hekk, ma jkunx għaqli kultant li nibqgħu siekta meta sħabna taʼ l-iskola jew taʼ fuq ix-xogħol jgħidu ċajt doppju sens jew jużaw kliem baxx ħalli ma jaħsbux li qed nieħdu gost b’dak li jkunu qed jgħidu? (Efes. 5:3) “Se nagħmel sarima biex ngħasses fommi,” kiteb is-salmista, “sakemm ikun hemm quddiemi xi ħadd mill-agħar.”—Salm 39:1.
Bniedem taʼ “dixxerniment kbir” ma jikxifx xi ħaġa kunfidenzjali. (Prov. 11:2) Kristjan veru joqgħod attent biex ma jikxifx affarijiet kunfidenzjali. L-anzjani Kristjani jridu joqogħdu partikolarment attenti f’dan ir-rigward, biex b’hekk ma jitilfux il-fiduċja tal-membri tal-kongregazzjoni.
Għalkemm is-skiet hu bla kliem, jistaʼ jkollu effett pożittiv. Sydney Smith, kittieb Ingliż tas-seklu 19, kiteb hekk dwar wieħed li kien jgħix fi żmienu: ‘Il-mod kif kultant jagħżel li jibqaʼ sieket jagħmel il-konversazzjoni tiegħu verament pjaċevoli.’ Tabilħaqq, il-konversazzjoni taʼ kuljum bejn żewġt iħbieb għandha tkun komunikazzjoni miż-żewġ naħat. Komunikatur tajjeb irid ikun semmiegħ tajjeb.
“Fl-abbundanza tal-kliem, in-nuqqasijiet ma jonqsux,” wissa Salamun, “imma min irażżan xofftejh qed jaġixxi b’mod diskret.” (Prov. 10:19) Għaldaqstant, inqas ma wieħed juża kliem, inqas hemm ċans li jgħid xi ħaġa mhix flokha. Fil-fatt, “anki xi ħadd iblah, meta jibqaʼ sieket, jitqies bħala għaref; kulmin jagħlaq xofftejh jitqies bħala wieħed li għandu l-abbiltà li jifhem.” (Prov. 17:28) Allura, ejja nitolbu lil Ġeħova biex ‘ipoġġilna għassa mal-bieb taʼ xofftejna.’—Salm 141:3.
Għajnuna għall-Meditazzjoni
Dwar il-bniedem li jimxi fit-triq tas-sewwa, l-Iskrittura tgħidilna li “lejl u nhar jaqra u jimmedita fuq il-liġi” t’Alla. (Salm 1:2) F’liema ċirkustanzi jkun tajjeb li nimmeditaw?
Iżakk, bin il-patrijarka Abraham, “kien barra jippassiġġa sabiex jimmedita fl-għalqa għall-ħabta taʼ fil-għaxija.” (Ġen. 24:63) Hu għażel ħin u post fil-kwiet biex jimmedita. Kien matul is-skiet taʼ l-għases tal-lejl li s-Sultan David kien jimmedita. (Salm 63:6) Il-bniedem perfett Ġesù b’determinazzjoni kien jagħmel sforz biex jissodisfa l-bżonn tiegħu għas-solitudni u l-meditazzjoni, ’il bogħod mill-istorbju tal-folol, maqtugħ għalih waħdu fuq il-muntanji, fid-deżert, u f’postijiet imwarrbin oħrajn.—Mt. 14:23; Lq. 4:42; 5:16.
Ħadd ma jistaʼ jiċħad li s-skiet jagħmlilna l-ġid. Is-skiet jistaʼ jipprovdi ambjent adattat biex neżaminaw sew lilna nfusna—ħtieġa ferm essenzjali biex intejbu lilna nfusna. Is-skiet jistaʼ jgħinna niksbu l-paċi tal-moħħ. Il-meditazzjoni matul perijodi fil-kwiet tistaʼ tqanqalna biex inkunu modesti u umli u tistaʼ żżidilna l-apprezzament għall-affarijiet li huma verament importanti fil-ħajja.
Filwaqt li s-skiet jistaʼ jkun virtù, hemm ukoll “żmien li titkellem.” (Ekk. 3:7) Illum, l-aduraturi veri qed iħabirku biex jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla “fl-art abitata kollha.” (Mt. 24:14) Il-ħoss ferrieħi tagħhom qed jinstemaʼ b’volum dejjem iktar għoli hekk kif l-għadd tagħhom ikompli jiżdied. (Mik. 2:12) Mela, ejja nkunu fost dawk li qegħdin jiddikjaraw l-aħbar tajba tas-Saltna b’żelu kbir u jitkellmu dwar l-għemejjel meraviljużi t’Alla. Hekk kif nieħdu sehem f’din l-attività importanti, jalla l-mod taʼ ħajja tagħna jirrifletti wkoll li aħna konxji li s-skiet, xi drabi, hu deheb.
[Stampa f’paġna 3]
Matul il-laqgħat Kristjani tagħna, għandna nisimgħu u nitgħallmu
[Stampa f’paġna 4]
Is-skiet jistaʼ jkun ir-risposta xierqa għal abbuż verbali fil-ministeru tagħna
[Stampa f’paġna 5]
Is-skiet iwassal għall-meditazzjoni