Fejn Għandek Tkun Meta Jiġi t-Tmiem?
META Ġeħova jtemm din is-sistema mill-agħar f’Armageddon, x’se jiġrilhom l-individwi retti? Proverbji 2:21, 22 iwieġeb: “Huma r-retti li se jgħammru fuq l-art, u dawk bla ħtija se jibqgħu fiha. Rigward in-nies mill-agħar, dawn se jitqaċċtu mill-art; u t-tradituri jinqalgħu minnha.”
Iżda, dawk bla ħtija kif se jibqgħu fl-art? Se jkun hemm post taʼ refuġju għalihom? Fejn għandhom ikunu r-retti meta jiġi t-tmiem? Erbaʼ rakkonti Skritturali taʼ sopravivenza jixħtu dawl fuq dawn il-kwistjonijiet.
Meta l-Post Kien Importanti
Dwar il-ħelsien tal-patrijarki Noè u Lot, fit-2 Pietru 2:5-7 naqraw: “[Alla] ma żammx lura milli jikkastiga dinja tal-qedem, imma lil Noè, predikatur tal-ġustizzja, żammu qawwi u sħiħ maʼ sebgħa oħrajn meta ġab dilluvju fuq dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla; u billi għamel irmied il-bliet taʼ Sodoma u Gomorra, ikkundannahom, u b’hekk lill-bnedmin bla devozzjoni lejn Alla ħallielhom mudell taʼ dak li għandu jiġri; u ħeles lil Lot, raġel sewwa li kien imnikket ferm bil-kondotta laxka u bla rażan taʼ nies li kienu jisfidaw il-liġi.”
Noè kif salva mid-Dilluvju? Alla qal lil Noè: “Wasal quddiemi t-tmiem tal-bnedmin kollha, għaliex minħabba fihom l-art imtliet bil-vjolenza; hawn jien se neqridhom flimkien maʼ l-art. Agħmel għalik arka mill-injam tas-siġra tar-raża.” (Ġen. 6:13, 14) Noè bena l-arka sewwasew bħalma kien ikkmandah Ġeħova. Sebat ijiem qabel ma beda d-Dilluvju, Ġeħova qallu biex jiġbor l-annimali fl-arka u jidħol fiha flimkien man-nies kollha taʼ daru. Fis-sebaʼ jum, il-bieb ngħalaq warajh, “u x-xita bil-qliel baqgħet nieżla fuq l-art għal erbgħin jum u erbgħin lejl.” (Ġen. 7:1-4, 11, 12, 16) Noè u l-familja tiegħu “nġarrew mill-ilma u ġew salvati.” (1 Pt. 3:20) Is-salvazzjoni tagħhom kienet tiddependi milli jkunu ġo l-arka. Ebda post ieħor fuq l-art ma setaʼ joffri sigurtà.—Ġen. 7:19, 20.
Fil-każ taʼ Lot, l-istruzzjonijiet kienu kemxejn differenti. Żewġ anġli informawh dwar fejn ma kellux ikun. “Kulmin hu tiegħek fil-belt [taʼ Sodoma],” qalu ż-żewġ anġli lil Lot, ‘oħorġu minn dan il-post! Għax dan il-post se nagħmluh ħerba.’ Kellhom ‘jaħarbu lejn ir-reġjun muntanjuż.’—Ġen. 19:12, 13, 17.
L-esperjenzi taʼ Noè u Lot juru li “Ġeħova jaf kif jeħles mill-provi lil dawk li huma devoti lejh, imma jżomm lil dawk li huma inġusti għall-qtugħ f’jum il-ġudizzju.” (2 Pt. 2:9) F’dawn iż-żewġ każi taʼ ħelsien, il-post kien fattur deċiżiv. Noè kellu jidħol fl-arka; Lot kellu joħroġ minn Sodoma. Imma dejjem hekk jiġri? Jistaʼ Ġeħova jsalva lill-ġusti kulfejn ikunu, mingħajr ma jkollhom għalfejn imorru xi mkien ieħor? Biex inwieġbu din il-mistoqsija, innota żewġ rakkonti oħrajn taʼ ħelsien.
Huwa l-Post Dejjem Importanti?
Qabel ma Ġeħova għamel ħerba mill-Eġittu billi bagħat l-għaxar kastig fi żmien Mosè, Hu kkmanda lill-Israelin biex iroxxu d-demm taʼ l-annimal tal-Qbiż fuq il-blata taʼ fuq il-bieb u fuq il-koxox tal-bieb tad-djar tagħhom. Għala? Sabiex ‘meta Ġeħova jgħaddi biex jikkastiga lill-Eġizzjani u jara d-demm fuq il-parti taʼ fuq tad-daħla tal-bieb u fuq iż-żewġ koxox tal-bieb, hu jaqbeż il-bieb Eżo. 12:22, 23, 29.
u ma jħallix ir-rovina tidħol fi djarhom biex jikkastigahom.’ Dak il-lejl stess, “Ġeħova laqat lil kull l-ewwel imwieled fl-art taʼ l-Eġittu, mill-ewwel imwieled tal-Fargħun, bil-qiegħda fuq it-tron tiegħu, sa l-ewwel imwieled taʼ l-ilsir, li kien fil-ħofra fil-ħabs, u lil kull l-ewwel imwieled tal-bhejjem.” Ħadd mill-ewwel imweldin taʼ l-Israelin ma kellu għalfejn imur xi mkien ieħor biex jiġi salvat.—Ikkunsidra wkoll il-każ taʼ Raħab, prostituta li kienet tgħix fil-belt taʼ Ġeriko. L-Israelin kienu se jibdew il-konkwista tagħhom taʼ l-Art Imwiegħda. Meta Raħab irrealizzat li Ġeriko kienet kundannata, hi qalet liż-żewġ spiji Israelin li l-belt kienet paralizzata bil-biżaʼ mill-Israelin li kienu qed javanzaw. Hi ħbiet lill-ispiji u talbithom jaħilfulha li hi u l-familja tagħha kollha kemm hi jibqgħu ħajjin meta tiġi mirbuħa Ġeriko. L-ispiji qalu lil Raħab biex tiġbor flimkien lill-familja tagħha ġo darha, li kienet fuq is-sur tal-belt. Jekk jitilqu mid-dar ikun ifisser qerda għalihom mal-bqija tal-belt. (Ġoż. 2:8-13, 15, 18, 19) Madankollu, iktar tard Ġeħova qal lil Ġożwè li “s-sur tal-belt [irid] jaqaʼ ċatt maʼ l-art.” (Ġoż. 6:5) Dak li l-ispiji kienu qalu li hu l-post taʼ sigurtà issa kien jidher li qiegħed fil-periklu. Raħab u n-nies taʼ darha kif kellhom jinħelsu?
Meta wasal iż-żmien biex tintrebaħ Ġeriko, l-Israelin għajtu u daqqew il-qarn. “Malli s-suldati [taʼ Israel] semgħu l-ħoss tal-qarn u s-suldati bdew jgħajtu għajta kbira tal-gwerra,” jistqarr Ġożwè 6:20, “imbagħad is-sur waqaʼ ċatt maʼ l-art.” Ħadd ma setaʼ issa jikkontrolla l-waqgħa tas-sur. Iżda, b’mod mirakoluż, il-waqgħa tas-sur tal-belt waqfet ħdejn id-dar taʼ Raħab. Ġożwè ordna liż-żewġ spiji: “Morru fid-dar tal-mara, il-prostituta, u oħorġu minn hemmhekk lill-mara u lil dawk kollha li huma tagħha, sewwasew bħalma ħliftulha.” (Ġoż. 6:22) Kulħadd fid-dar taʼ Raħab ġie salvat.
X’Kien Jgħodd l-Iktar?
X’nistgħu nitgħallmu mill-ħelsien taʼ Noè, Lot, l-Israelin fi żmien Mosè, u Raħab? Dawn ir-rakkonti kif jgħinuna niddeterminaw fejn għandna nkunu meta jiġi t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar?
Huwa minnu li Noè sab is-salvazzjoni fl-arka. Imma għala kien hemmhekk? Mhux għaliex eżerċita l-fidi u kien ubbidjenti? “Noè għamel skond kulma kien ordnalu Alla,” tgħid il-Bibbja. “Għamel preċiż hekk.” (Ġen. 6:22; Ebr. 11:7) Xi ngħidu għalina? Qegħdin aħna nagħmlu kulma kkmandana Alla? Noè kien ukoll “predikatur tal-ġustizzja.” (2 Pt. 2:5) Żelużi aħna bħalu fix-xogħol taʼ l-ippridkar, anki jekk in-nies fit-territorju tagħna ma jwiġbux favorevolment?
Lot skansa l-qerda billi ħarab minn Sodoma. Hu baqaʼ ħaj għax kien ġust f’għajnejn Alla u kien imnikket ferm minħabba l-kondotta laxka tan-nies taʼ Sodoma u Gomorra li kienu jisfidaw il-liġi. Tnikkitna tassew il-kondotta laxka li llum tant hi komuni? Jew tant aħna mdorrijin biha li ma ddejjaqniex? Qegħdin aħna nagħmlu l-almu kollu tagħna biex inkunu “bla tebgħa u bla difett u fil-paċi”?—2 Pt. 3:14.
Għall-Israelin fl-Eġittu u għal Raħab f’Ġeriko, il-ħelsien kien jiddependi milli jibqgħu fi djarhom. Dan kien jirrikjedi fidi u ubbidjenza. (Ebr. 11:28, 30, 31) Immaġina kif kull familja Israelija ma qalgħetx għajnejha minn fuq l-ewwel imwieled tagħha hekk kif “beda jinstemaʼ għajat kbir” f’dar Eġizzjana waħda wara l-oħra. (Eżo. 12:30) Immaġina kif tgeddset Raħab mal-familja tagħha hekk kif ħasset l-irbombjar tas-swar taʼ Ġeriko li kienu qed jaqgħu riesaq eqreb u eqreb. Min-naħa tagħha kellha bżonn fidi vera biex tibqaʼ ubbidjenti u tibqaʼ f’dik id-dar.
Dalwaqt jasal it-tmiem għad-dinja mill-agħar taʼ Satana. Kif Ġeħova se jipproteġi lill-poplu tiegħu “f’jum ir-rabja” tiegħu li jqanqal il-biżaʼ, għadna ma nafux. (Sof. 2:3) Madankollu, inkunu fejn inkunu u tkun xi tkun is-sitwazzjoni tagħna f’dak iż-żmien, nistgħu nkunu ċerti li s-sopravivenza tagħna se tkun tiddependi mill-fidi tagħna f’Ġeħova u mill-ubbidjenza tagħna lejh. Sadanittant, għandna nikkultivaw attitudni xierqa lejn dawk li l-profezija taʼ Isaija tirreferi għalihom bħala l-“kmamar taʼ ġewwa” tagħna.
“Idħol fil-Kmamar taʼ Ġewwa Tiegħek”
“Mur, poplu tiegħi, idħol fil-kmamar taʼ ġewwa tiegħek, u agħlaq il-bibien tiegħek warajk,” jistqarr Isaija 26:20. “Inħeba għal mument wieħed sakemm tgħaddi l-kundanna.” Jistaʼ jkun li din il-profezija kellha l-ewwel twettiq tagħha fis-sena 539 Q.E.K. meta l-Medi u l-Persjani rebħu lil Babilonja. Malli daħal Babilonja, Ċiru l-Persjan milli jidher ikkmanda lil kulħadd biex jibqaʼ ġewwa għaliex is-suldati tiegħu kienu ordnati biex joqtlu lil kulmin isibu barra.
Fi żmienna, il-“kmamar taʼ ġewwa” taʼ din il-profezija jistgħu jkunu assoċjati mill-qrib maʼ l-iktar minn 100,000 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja. Dawn il-kongregazzjonijiet għandhom irwol importanti f’ħajjitna. U se jkompli jkollhom irwol importanti matul it-“tribulazzjoni l-kbira.” (Riv. 7:14) Il-poplu t’Alla hu kmandat biex jidħol “fil-kmamar taʼ ġewwa” tiegħu u jinħeba “sakemm tgħaddi l-kundanna.” Huwa vitali li niżviluppaw u nżommu attitudni tajba lejn il-kongregazzjoni u nkunu deċiżi b’mod sod li nibqgħu fi sħubija mill-qrib magħha. Għandna nieħdu bis-serjetà t-twissija taʼ Pawlu: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif [naraw] joqrob il-jum.”—Ebr. 10:24, 25.
[Stampi f’paġna 7]
X’nistgħu nitgħallmu mill-atti taʼ ħelsien t’Alla fil-passat?
[Stampa f’paġna 8]
Fi żmienna, il-“kmamar taʼ ġewwa” maʼ xiex jistgħu jkunu assoċjati?