Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irsisti Lejn il-Maturità—“Il-Jum il-Kbir taʼ Ġeħova fil-Qrib”

Irsisti Lejn il-Maturità—“Il-Jum il-Kbir taʼ Ġeħova fil-Qrib”

“Ħa nirsistu lejn il-​maturità.”—EBR. 6:1.

1, 2. Liema opportunità biex “jaħarbu lejn il-​muntanji” kellhom il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija?

 META Ġesù kien fuq l-​art, id-​dixxipli tiegħu resqu lejh u staqsewh: “X’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema?” L-​ewwel twettiq tal-​profezija li tahom Ġesù bi tweġiba għall-​mistoqsija tagħhom seħħ fl-​ewwel seklu. Ġesù tkellem dwar ġrajja mhux tas-​soltu li kienet se turi li t-​tmiem kien imminenti. Malli jaraw din il-​ġrajja sseħħ ‘dawk li kienu fil-​Lhudija [kellhom] jibdew jaħarbu lejn il-​muntanji.’ (Mt. 24:1-3, 15-22) Kienu d-​dixxipli taʼ Ġesù se jagħrfu s-​sinjal u jaġixxu fuq l-​istruzzjonijiet tiegħu?

2 Madwar tletin sena wara, fis-​sena 61 E.K., l-​appostlu Pawlu kiteb messaġġ qawwi u taʼ min jaħseb fuqu lill-​Kristjani Ebrej li kienu qed jgħixu f’Ġerusalemm u fl-​inħawi taʼ madwarha. La l-​appostlu Pawlu u lanqas sħabu fit-​twemmin ma kienu jafu li s-​sinjal li kien se jimmarka l-​bidu tat-​“tribulazzjoni kbira” kien biss madwar ħames snin ’il bogħod. (Mt. 24:21) Fis-​sena 66 E.K., Ċestju Gallu mexxa t-​truppi Rumani f’attakk kontra Ġerusalemm li kien kważi taʼ suċċess. Imma mbagħad f’daqqa waħda hu rtira, u ta opportunità lil dawk li kienu fil-​periklu biex jaħarbu lejn is-​sigurtà.

3. Pawlu liema twissija tahom lill-​Kristjani Ebrej, u għala?

3 Dawk il-​Kristjani kellhom bżonn dixxerniment kbir u dehen spiritwali sabiex jagħrfu l-​ġrajjiet li kienu qed iseħħu u biex jaħarbu. Madankollu, xi wħud kienu saru ‘tqal biex jisimgħu.’ Huma kienu bħal trabi spiritwali li kellhom bżonn il-​“ħalib.” (Aqra Ebrej 5:11-13.) Anki xi wħud li kienu mxew fit-​triq tal-​verità għal għaxriet taʼ snin kienu qed juru sinjali li kienu qed ‘jitbiegħdu mill-​Alla l-​ħaj.’ (Ebr. 3:12) Xi wħud kellhom id-​“drawwa” li jitilfu l-​laqgħat Kristjani meta kien qed “joqrob [dan] il-​jum” t’hemm kbir. (Ebr. 10:24, 25) Pawlu tahom twissija f’waqtha, billi qal: “Issa li tlaqna d-​duttrina elementari dwar il-​Kristu, ħa nirsistu lejn il-​maturità.”—Ebr. 6:1.

4. Għala huwa importanti li nibqgħu mqajmin spiritwalment, u x’se jgħinna nagħmlu dan?

4 Aħna qed ngħixu matul iż-​żmien taʼ l-​aħħar twettiq tal-​profezija taʼ Ġesù. “Il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova”—il-​jum li se jġib fi tmiem is-​sistema kollha taʼ Satana—huwa “fil-​qrib.” (Sof. 1:14) Irridu nibqgħu għassa u mqajmin spiritwalment iktar minn qatt qabel. (1 Pt. 5:8) Qegħdin aħna nagħmlu dan verament? Il-​maturità Kristjana se tgħinna nibqgħu ffokati fuq fejn aħna fil-​medda taż-​żmien.

Dak li Hi l-​Maturità Kristjana

5, 6. (a) Il-​maturità spiritwali x’tinvolvi? (b) F’liema żewġ aspetti jirrikjedi sforz biex nirsistu lejn il-​maturità?

5 Pawlu mhux biss inkuraġġixxa lill-​Kristjani Ebrej taʼ l-​ewwel seklu biex jirsistu lejn il-​maturità imma wkoll qalilhom x’tinvolvi l-​maturità spiritwali. (Aqra Ebrej 5:14.) “Nies maturi” m’humiex kuntenti li jieħdu biss mill-​“ħalib.” Huma jieħdu “ikel solidu.” Għalhekk, huma jafu kemm “l-​affarijiet elementari” u kemm “l-​affarijiet profondi” tal-​verità. (1 Kor. 2:10) Iktar minn hekk, is-​sensi tagħhom huma mħarrġin bl-​użu—minħabba li japplikaw dak li jafu—u jgħinuhom jagħżlu t-​tajjeb mill-​ħażin. Meta jiffaċċjaw xi deċiżjoni, dan it-​taħriġ jgħinhom jagħrfu liema prinċipji Skritturali huma involuti u kif jistgħu japplikawhom.

6 “Għandna bżonn noqogħdu attenti iktar mis-​soltu għal dak li smajna,” kiteb Pawlu, “biex qatt ma ninġarru mal-​kurrent.” (Ebr. 2:1) Aħna nistgħu ninġarru ’l bogħod mill-​fidi b’dan il-​mod mingħajr ma nintebħu. Nistgħu nevitaw li jiġrilna hekk billi noqogħdu “attenti iktar mis-​soltu” meta nkunu qed nikkunsidraw il-​veritajiet spiritwali. Għalhekk, kull wieħed minna għandu bżonn jistaqsi: ‘Għadni jien qed nikkunsidra biss l-​affarijiet elementari? Qiegħed jien nagħmel l-​affarijiet b’mod mekkaniku jew bħala rutina, mingħajr ma qalbi tkun involuta bis-​sħiħ fil-​verità? Kif nistaʼ verament nagħmel progress spiritwali?’ Biex nirsistu lejn il-​maturità rridu nagħmlu sforz f’minn taʼ l-​inqas żewġ aspetti. Irridu nsiru midħla sew tal-​Kelma t’Alla. U rridu nitgħallmu l-​ubbidjenza.

Sir Midħla Sew tal-​Kelma

7. Kif nistgħu nibbenefikaw milli nsiru iktar midħla tal-​Kelma t’Alla?

7 “Kulmin jieħu mill-​ħalib mhux midħla tal-​kelma tas-​sewwa,” kiteb Pawlu, “għax għadu tarbija.” (Ebr. 5:13) Sabiex niksbu l-​maturità, irridu nsiru midħla sew tal-​kelma t’Alla, il-​messaġġ tiegħu għalina. Ladarba dan il-​messaġġ insibuh fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, għandna nkunu studenti tajbin taʼ l-​Iskrittura u tal-​pubblikazzjonijiet taʼ l-​“ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45-47) Jekk nistudjaw b’dan il-​mod se jirnexxilna nitgħallmu x’inhu l-​ħsieb t’Alla, u se niġu megħjunin inħarrġu s-​sensi tagħna. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Kristjana li jisimha Orchid. a Hi tgħid: “It-​tfakkira li kellha l-​akbar effett fuq ħajti kienet dik dwar li naqraw il-​Bibbja b’mod regulari. Domt madwar sentejn biex nispiċċa l-​Bibbja kollha, imma kien qisu qed niltaqaʼ mal-​Ħallieq tiegħi għall-​ewwel darba. Tgħallimt dwar il-​modi tiegħu, dak li jogħġbu u dak li ma jogħġbux, kemm hi kbira l-​qawwa tiegħu, u kemm hu profond l-​għerf tiegħu. Il-​qari tal-​Bibbja taʼ kuljum għenni fl-​iktar mumenti diffiċli taʼ ħajti.”

8. Il-​Kelma t’Alla liema qawwa jistaʼ jkollha fuqna?

8 Jekk naqraw silta mill-​Kelma t’Alla b’mod regulari, il-​messaġġ tagħha se jkollu ‘qawwa’ fuqna. (Aqra Ebrej 4:12.) Qari bħal dan jistaʼ jsawwar il-​persuna li aħna minn ġewwa u jagħmilna iktar nogħġbu lil Ġeħova. Għandek int personalment bżonn tagħmel iktar ħin fl-​iskeda tiegħek biex taqra l-​Bibbja u timmedita fuq dak li tgħid?

9, 10. X’inhu meħtieġ biex tkun midħla tal-​Kelma t’Alla? Agħti eżempju.

9 Biex insiru midħla tal-​Bibbja jeħtieġ iktar milli nkunu familjari maʼ dak li tgħid. It-​trabi spiritwali taʼ żmien Pawlu wisq probabbli kellhom xi għarfien dwar dak li kienet tgħid il-​Kelma ispirata t’Alla. Madankollu, huma m’applikawx dak li kienu jafu sabiex jaraw ir-​riżultati tajbin tagħha. Ma sarux midħla tal-​messaġġ billi ħallewh jiggwidahom biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin f’ħajjithom.

10 Li ssir midħla tal-​Kelma t’Alla jfisser li tkun taf x’tgħid u li tipprattika dak l-​għarfien. L-​esperjenza t’oħt Kristjana li jisimha Kyle turi kif isir dan. Kyle kellha argument maʼ waħda minn sħabha taʼ fuq ix-​xogħol. X’għamlet hi sabiex issolvi l-​problema? Hi tispjega: “L-​iskrittura li mill-​ewwel ġiet f’moħħi kienet Rumani 12:18, li tgħid: ‘Sakemm jiddependi minnkom, żommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha.’ Għalhekk, għamilt appuntament biex niltaqaʼ magħha wara x-​xogħol.” Id-​diskussjoni rnexxiet ferm, u seħbitha tax-​xogħol baqgħet impressjonata bil-​mod kif Kyle ipprovat issolvi l-​problema. “Tgħallimt li qatt ma niżbaljaw jekk napplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja,” tgħid Kyle.

Tgħallem l-​Ubbidjenza

11. X’juri li l-​ubbidjenza f’ċirkustanzi diffiċli tistaʼ tkun taʼ sfida?

11 Jistaʼ jkun taʼ sfida biex napplikaw dak li nkunu tgħallimna mill-​Iskrittura, speċjalment meta ċ-​ċirkustanzi jkunu diffiċli. Per eżempju, ftit wara li Ġeħova ħeles lil ulied Israel mill-​jasar fl-​Eġittu, huma “qabdu jitlewmu maʼ Mosè” u baqgħu ‘jgħaddu lil Ġeħova minn prova.’ Għala? Minħabba li ma kellhomx ilma x’jixorbu. (Eżo. 17:1-4) F’inqas minn xahrejn wara li daħlu f’patt m’Alla u qablu li se jagħmlu “l-​kliem kollu li qal Ġeħova,” huma kisru l-​liġi tiegħu dwar l-​idolatrija. (Eżo. 24:3, 12-18; 32:1, 2, 7-9) Kien dan għax bdew jibżgħu minħabba li Mosè dam nieqes waqt li kien qed jingħata istruzzjonijiet fuq il-​Muntanja Ħoreb? Setgħu huma forsi ħasbu li l-​Għamalekin kienu se jerġgħu jaħbtu għalihom u li l-​Israelin kienu se jkunu bla ħila mingħajr Mosè, li l-​idejn merfugħin tiegħu kienu ġabulhom rebħa iktar qabel? (Eżo. 17:8-16) Jistaʼ jkun, imma kien x’kien il-​każ, l-​Israelin “ma ridux jobdu.” (Atti 7:39-41) Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani biex ‘jagħmlu l-​almu tagħhom’ biex “ma jmurx xi ħadd jaqaʼ fl-​istess mudell taʼ diżubbidjenza” li wrew l-​Israelin meta beżgħu jidħlu fl-​Art Imwiegħda.—Ebr. 4:3, 11.

12. Ġesù kif tgħallem l-​ubbidjenza, u b’liema benefiċċju?

12 Biex nirsistu lejn il-​maturità jeħtieġ li nagħmlu l-​almu tagħna biex nobdu lil Ġeħova. Kif jurina l-​eżempju taʼ Ġesù Kristu, l-​ubbidjenza spiss nitgħallmuha mill-​affarijiet li nsofru. (Aqra Ebrej 5:8, 9.) Qabel ma ġie fuq l-​art, Ġesù kien ubbidjenti lejn Missieru. Madankollu, li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru fuq l-​art kien jinvolvi sofferenza fiżika u mentali. Permezz taʼ l-​ubbidjenza tiegħu meta kien għaddej minn għawġ kbir, Ġesù kien “magħmul perfett” għall-​pożizzjoni ġdida li Alla kellu f’moħħu għalih, dik li jkun Sultan u Qassis il-​Kbir.

13. X’se juri jekk tgħallimniex l-​ubbidjenza?

13 Xi ngħidu għalina? Determinati aħna li nobdu lil Ġeħova anki meta niffaċċjaw problemi taʼ niket? (Aqra l-1 Pietru 1:6, 7.) Il-​pariri t’Alla dwar il-​morali, l-​onestà, l-​użu xieraq taʼ l-​ilsien, il-​qari u l-​istudju persunali taʼ l-​Iskrittura, l-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani, u l-​parteċipazzjoni fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar huma ċari. (Ġoż. 1:8; Mt. 28:19, 20; Efes. 4:25, 28, 29; 5:3-5; Ebr. 10:24, 25) Ubbidjenti aħna lejn Ġeħova f’dawn il-​kwistjonijiet anki meta nkunu għaddejjin mill-​għawġ? L-​ubbidjenza tagħna hija indikazzjoni li mxejna ’l quddiem lejn il-​maturità.

Il-​Maturità Kristjana —Għala Hi taʼ Benefiċċju?

14. Uri kif li nirsistu lejn il-​maturità jistaʼ jkun taʼ protezzjoni.

14 Huwa verament taʼ protezzjoni għal Kristjan li jkollu s-​sensi mħarrġin sew biex jiddistingwi t-​tajjeb mill-​ħażin f’dinja li ‘tilfet kull sens morali.’ (Efes. 4:19) Per eżempju, ħu jismu James, li qara regolarment u apprezza ferm il-​pubblikazzjonijiet Skritturali, aċċetta impjieg fejn sħabu kollha tax-​xogħol kienu nisa. “Filwaqt li ħafna minnhom kienu juru ċar li ma kellhomx sens morali,” jgħid James, “waħda mill-​impjegati kienet tidher mill-​aħjar u wriet interess fil-​verità tal-​Bibbja. Madankollu, meta konna waħedna f’kamra, hi bdiet tittantani sesswalment. Ħsibt li kienet xi ċajta imma kien verament diffiċli biex inwaqqafha. Dak il-​ħin stess ftakart f’esperjenza fit-​Torri taʼ l-​Għassa dwar ħu li ffaċċja tentazzjoni simili fuq ix-​xogħol. L-​artiklu uża l-​eżempju taʼ Ġużeppi u l-​mara taʼ Potifar. b Mill-​ewwel imbottajt lit-​tfajla, u hi telqet tiġri ’l barra.” (Ġen. 39:7-12) James kien grat li xejn iktar ma ġara u li żamm kuxjenza tajba.—1 Tim. 1:5.

15. Kif nistgħu nsaħħu l-​qalb figurattiva tagħna billi nirsistu lejn il-​maturità?

15 Il-​maturità hija wkoll taʼ benefiċċju għax issaħħaħ il-​qalb figurattiva tagħna u żżommna milli ‘ninġarru minn tagħlim differenti u barrani.’ (Aqra Ebrej 13:9.) Meta nistinkaw biex nagħmlu progress spiritwali, moħħna jibqaʼ ffokat fuq “dak li hu iktar importanti.” (Flp. 1:9, 10) B’hekk, jikber l-​apprezzament tagħna għal Alla u għall-​provvedimenti kollha li hu għamel għall-​benefiċċju tagħna. (Rum. 3:24) Kristjan li ‘kiber għalkollox fil-​mentalità tiegħu’ jiżviluppa gratitudni bħal din u jgawdi relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova.—1 Kor. 14:20.

16. X’għen lil waħda oħt biex tiżviluppa ‘qalb soda’?

16 Oħt jisimha Louise ammettiet li għal xi żmien wara l-​magħmudija tagħha, dak li kien jikkonċernaha l-​iktar kien l-​impressjoni li kienet tagħti lil oħrajn. “Ma kont qed nagħmel xejn ħażin,” tgħid hi, “imma f’qalbi ma kontx inħoss xewqa kbira li naqdi lil Ġeħova. Irrealizzajt li sabiex inħoss li qed nagħti kulma nistaʼ lil Ġeħova kelli nagħmel xi bidliet. L-​akbar bidla kienet li nibda nqimu b’qalbi kollha.” Billi għamlet sforz bħal dan, Louise żviluppat ‘qalb soda,’ u dan wera li kien vitali meta għaddiet minn problema serja taʼ saħħa. (Ġak. 5:8) Louise qalet, “Issilitt ħafna, imma rsaqt ħafna qrib Ġeħova.”

‘Obdi mill-​Qalb’

17. L-​ubbidjenza għala kienet vitali b’mod speċjali fl-​ewwel seklu?

17 Il-​parir taʼ Pawlu biex “nirsistu lejn il-​maturità” salva l-​ħajjiet tal-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu li kienu jgħixu f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija. Dawk li taw kasu kellhom id-​dixxerniment spiritwali li kien hemm bżonn sabiex jagħrfu s-​sinjal li kien tahom Ġesù biex “jibdew jaħarbu lejn il-​muntanji.” Meta raw ‘il-​ħaġa moqżieża li ġġib ħerba wieqfa f’post qaddis,’ jiġifieri, l-​armati taʼ Ruma madwar u ġo Ġerusalemm, huma kienu jafu li kien iż-​żmien li jaħarbu. (Mt. 24:15, 16) Billi taw kas it-​twissija profetika taʼ Ġesù, il-​Kristjani ħarbu mill-​belt taʼ Ġerusalemm qabel ma nqerdet u, skond Ewsebju li kien storjografu tal-​knisja, issetiljaw fil-​belt taʼ Pella fir-​reġjun muntanjuż taʼ Gilegħad. B’hekk, huma evitaw l-​agħar diżastru taʼ Ġerusalemm dokumentat fl-​istorja.

18, 19. (a) L-​ubbidjenza għala hija vitali fi żmienna? (b) X’se jiġi kunsidrat fl-​artiklu li jmiss?

18 L-​ubbidjenza li tiġi meta nirsistu lejn il-​maturità se ssalva lil ħajjitna wkoll meta niffaċċjaw it-​twettiq il-​kbir tal-​profezija taʼ Ġesù li se “jkun hemm tribulazzjoni kbira” li qatt ma kien hawn kbira daqsha. (Mt. 24:21) Se nobdu aħna kwalunkwe direzzjoni urġenti li għandna mnejn nirċievu fil-​futur mingħand “il-​prokuratur leali”? (Lq. 12:42) Kemm hu importanti li nitgħallmu ‘nobdu mill-​qalb’!—Rum. 6:17.

19 Sabiex inkunu nistgħu niksbu l-​maturità jeħtieġ li nħarrġu s-​sensi tagħna. Dan nagħmluh billi nagħmlu sforz sabiex insiru iktar midħla tal-​Kelma t’Alla u billi nitgħallmu l-​ubbidjenza. Il-​maturità Kristjana ġġib sfidi speċjali għaż-​żgħażagħ. L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra kif sfidi bħal dawn jistgħu jiġu ffaċċjati b’suċċess.

[Noti taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b Ara l-​artiklu “Imsaħħin Biex Ngħidu Le għall-​Għemil Ħażin,” fil-​ħarġa tat-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 t’Ottubru, 1999.

X’Tgħallimt?

• X’inhi l-​maturità spiritwali, u kif nistgħu niksbuha?

• Liema rwol għandu l-​fatt li nsiru midħla tal-​Kelma t’Alla f’li nirsistu lejn il-​maturità?

• Kif nitgħallmuha l-​ubbidjenza?

• Il-​maturità b’liema modi hi taʼ benefiċċju għalina?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 10]

Jekk napplikaw il-​pariri tal-​Bibbja se niġu megħjunin niffaċċjaw il-​problemi b’mod matur

[Stampa f’paġna 12, 13]

Minħabba li segwew il-​parir taʼ Ġesù, il-​Kristjani tal-​bidu salvaw ħajjithom