Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Anġli—“Spirti Għal Servizz Pubbliku”

L-Anġli—“Spirti Għal Servizz Pubbliku”

“M’humiex ilkoll spirti għal servizz pubbliku, mibgħutin biex jaqdu lil dawk li se jirtu s-​salvazzjoni?”—EBR. 1:14.

1. X’faraġ nistgħu niksbu minn Mattew 18:10 u Ebrej 1:14?

 ĠESÙ KRISTU wissa lil kulmin jistaʼ jfixkel lis-​segwaċi tiegħu: “Araw li ma tistmerrux lil xi wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin; għax ngħidilkom li l-​anġli tagħhom fis-​sema dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-​sema.” (Mt. 18:10) L-​appostlu Pawlu kien qed jirreferi għall-​anġli ġusti meta kiteb: “M’humiex ilkoll spirti għal servizz pubbliku, mibgħutin biex jaqdu lil dawk li se jirtu s-​salvazzjoni?” (Ebr. 1:14) Dan il-​kliem hu assiguranza taʼ faraġ li Alla juża lil dawn il-​ħlejjaq tas-​sema biex jgħin lill-​bnedmin. Il-​Bibbja x’tgħidilna dwar l-​anġli? Kif jgħinuna? X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji tagħhom?

2, 3. X’inhuma xi dmirijiet tal-​ħlejjaq spirti fis-​sema?

2 Hemm miljuni taʼ anġli leali fis-​sema. Ilkoll huma ‘setgħanin fil-​qawwa, [u] qed iwettqu kelmtu.’ (Salm 103:20; aqra Rivelazzjoni 5:11.) Dawn l-​ulied spirti t’Alla għandhom personalità, kwalitajiet divini, u libertà taʼ l-​għażla. Huma organizzati b’mod eċċellenti u għandhom pożizzjonijiet għoljin fl-​arranġament t’Alla, b’Mikiel (l-isem taʼ Ġesù fis-​sema) bħala l-​arkanġlu. (Dan. 10:13; Ġuda 9) Dan “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu” hu “l-​Kelma,” jew il-​Kelliemi, t’Alla u ġie użat minn Ġeħova biex jagħmel l-​affarijiet l-​oħrajn kollha.—Kol. 1:15-17; Ġw. 1:1-3.

3 Taħt l-​arkanġlu hemm is-​serafini, li jiddikjaraw il-​qdusija taʼ Ġeħova u jgħinu biex il-​poplu tiegħu jinżamm nadif spiritwalment. Hemm ukoll il-​kerubini, li jaqdu bħala wħud li jappoġġaw il-​maestà tiegħu. (Ġen. 3:24; Is. 6:1-3, 6, 7) Anġli oħrajn, jew messaġġiera, għandhom diversi dmirijiet biex iwettqu r-​rieda t’Alla.—Ebr. 12:22, 23.

4. L-​anġli kif irreaġixxew għat-​tisjis taʼ l-​art, u kieku l-​libertà taʼ l-​għażla ġiet eżerċitata b’mod xieraq x’kien ikun ifisser għall-​umanità?

4 L-​anġli kollha għajtu bil-​ferħ ‘fit-​tisjis taʼ l-​art’ u tgħaxxqu jieħdu sehem fix-​xogħol assenjat lilhom hekk kif dan il-​ġojjell uniku fl-​ispazju sar id-​dar taʼ l-​umanità. (Ġob 38:4, 7) Ġeħova ħalaq lill-​bniedem “ftit inqas mill-​anġli” imma fix-​“xbieha” Tiegħu, u b’hekk il-​bnedmin setgħu jirriflettu l-​kwalitajiet superjuri tal-​Ħallieq. (Ebr. 2:7; Ġen. 1:26) Kieku eżerċitaw kif jixraq l-​għotja tal-​libertà taʼ l-​għażla, Adam u Eva u d-​dixxendenti tagħhom, bħala parti mill-​familja universali taʼ ħlejjaq intelliġenti taʼ Ġeħova, setgħu jgawdu ħajja f’ġenna taʼ l-​art li kienet id-​dar tagħhom.

5, 6. Liema rvell seħħ fis-​sema, u Alla kif wieġeb?

5 Żgur li l-​anġli mqaddsa baqgħu xxokkjati meta raw b’għajnejhom il-​bidu taʼ l-​irvell fil-​familja t’Alla fis-​sema. Wieħed minn fosthom ma baqax kuntent li jfaħħar lil Ġeħova, imma xtaq li jiġi adurat. Hu għamel lilu nnifsu Satana (li jfisser “Avversarju”) billi sfida d-​dritt tal-​ħakma taʼ Ġeħova u billi pprova b’mod ambizzjuż jistabbilixxi sovranità rivali. Bl-​ewwel gidba dokumentata, Satana b’makakkerija ħajjar lill-​ewwel koppja umana biex jingħaqdu miegħu fir-​ribelljoni kontra l-​Ħallieq maħbub tagħhom.—Ġen. 3:4, 5; Ġw. 8:44.

6 Ġeħova malajr għamel ħaqq minn Satana billi stqarr l-​ewwel profezija li nsibu fil-​Bibbja: “Inqanqal għadwa bejnek u bejn il-​mara u bejn nislek u nisilha. Hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġen. 3:15) L-​għadwa bejn Satana u l-​“mara” t’Alla kellha tibqaʼ sejra. Iva, Ġeħova qies l-​organizzazzjoni tas-​sema taʼ ħlejjaq spirti leali bħala mara maħbuba marbuta miegħu bħala Żewġha. Din il-​profezija pprovdiet bażi ċerta għal tama, għalkemm id-​dettalji baqgħu “sigriet sagru” li kellu jiġi rivelat b’mod progressiv. L-​iskop t’Alla kien li wieħed li kien jagħmel parti mill-​organizzazzjoni tiegħu fis-​sema kellu jisħaq lir-​ribelli kollha u li permezz tiegħu “kulma hemm fis-​smewwiet u kulma hemm fuq l-​art” kellu jinġabar flimkien.—Efes. 1:8-10.

7. Xi anġli x’għamlu fi żmien Noè, u b’liema konsegwenza għalihom?

7 Fi żmien Noè, għadd t’anġli telqu “l-​post xieraq fejn kellhom jgħammru” u ħadu iġsma tal-​laħam għalihom stess sabiex jiġru wara l-​pjaċiri egoistiċi fuq l-​art. (Ġuda 6; Ġen. 6:1-4) Ġeħova tefaʼ lil dawn ir-​ribelli fi dlam ċappa, u b’hekk huma ngħaqdu maʼ Satana u saru “forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar” u għedewwa ħorox tal-​qaddejja t’Alla.—Efes. 6:11-13; 2 Pt. 2:4.

L-​Anġli Kif Jgħinuna?

8, 9. Ġeħova kif uża l-​anġli biex jgħinu lill-​bnedmin?

8 Abraham, Ġakobb, Mosè, Ġożwè, Isaija, Danjel, Ġesù, Pietru, Ġwanni, u Pawlu huma fost dawk l-​uħud li qdewhom l-​anġli. L-​anġli ġusti esegwew il-​ġudizzji t’Alla u ttrasmettew profeziji u direzzjonijiet, inkluż il-​Liġi Mosajka. (2 Slat. 19:35; Dan. 10:5, 11, 14; Atti 7:53; Riv. 1:1) Ladarba issa għandna l-​Kelma t’Alla kompleta, l-​anġli għandhom mnejn ma jkollhomx bżonn iwasslu messaġġi divini. (2 Tim. 3:16, 17) Madankollu, minn wara l-​kwinti l-​anġli qed jaħdmu iebes biex iwettqu r-​rieda t’Alla u jappoġġaw lill-​qaddejja tiegħu.

9 Il-​Bibbja tiżgurana: “L-​anġlu taʼ Ġeħova qed jikkampja madwar dawk li jibżgħu minnu, u hu jeħlishom.” (Salm 34:7; 91:11) Minħabba l-​kwistjoni taʼ l-​integrità, Ġeħova jippermetti lil Satana biex iġib kull xorta taʼ provi fuqna. (Lq. 21:16-19) Madankollu, Alla jkun jaf meta nkunu ssaportejna prova biżżejjed, għax inkunu tajna prova taʼ l-​integrità tagħna. (Aqra l-1 Korintin 10:13.) L-​anġli dejjem ikunu pronti biex jintervienu skond ir-​rieda t’Alla. Huma salvaw lil Sidrak, Mesak, Għabednego, Danjel, u Pietru imma ma skansawx lil Stiefnu u lil Ġakbu milli jinqatlu mill-​għedewwa tagħhom. (Dan. 3:17, 18, 28; 6:22; Atti 7:59, 60; 12:1-3, 7, 11) Iċ-​ċirkustanzi u l-​kwistjonijiet kienu differenti. Bl-​istess mod, filwaqt li xi wħud minn ħutna fil-​kampijiet tal-​konċentrament tan-​Nazi nqatlu, Ġeħova ħa ħsieb li l-​biċċa l-​kbira minnhom isalvaw.

10. Minbarra l-​għajnuna anġelika, liema assistenza nistgħu nirċievu?

10 L-​Iskrittura ma tgħallimx li kull individwu fuq l-​art għandu xi anġlu kustodju. Aħna nitolbu b’fiduċja sħiħa li “kulma nitolbuh skond ir-​rieda tiegħu, [Alla] jismagħna.” (1 Ġw. 5:14) M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova jistaʼ jibgħat anġlu biex jgħinna, imma l-​għajnuna tistaʼ tiġi b’mod differenti. Sħabna Kristjani jistgħu jiġu mqanqlin biex jipprovdu għajnuna u faraġ. Alla jistaʼ jagħtina l-​għerf u s-​saħħa ġewwinija li għandna bżonn biex inkampaw maʼ xi “xewka fil-​laħam” li tkun taʼ tbatija għalina bħallikieku konna qed niġu msawtin minn “anġlu taʼ Satana.”—2 Kor. 12:7-10; 1 Tess. 5:14.

Imita lil Ġesù

11. L-​anġli kif intużaw biex jgħinu lil Ġesù, u x’wettaq billi baqaʼ leali lejn Alla?

11 Ikkunsidra kif Ġeħova uża lill-​anġli fil-​każ taʼ Ġesù. Huma ħabbru t-​twelid u l-​irxoxt tiegħu u qdewh meta kien fuq l-​art. L-​anġli setgħu ma ħallewhx jiġi arrestat u jingħata mewta kiefra. Madankollu, minflok intbagħat anġlu biex iqawwilu qalbu. (Mt. 28:5, 6 Lq. 2:8-11; 22:43) Fi qbil maʼ l-​iskop taʼ Ġeħova, Ġesù miet mewta taʼ sagrifiċċju u ta prova li bniedem perfett jistaʼ jżomm l-​integrità lejn Alla minkejja li jgħaddi minn provi ħorox. Għalhekk, Ġeħova rxoxta lil Ġesù lejn ħajja immortali fis-​sema u tah “kull awtorità” u l-​anġli ntgħamlu sottomessi lejh. (Mt. 28:18; Atti 2:32; 1 Pt. 3:22) B’hekk, Ġesù wera li hu l-​parti prinċipali taʼ ‘nisel’ “il-​mara” t’Alla.—Ġen. 3:15; Gal. 3:16.

12. B’liema mod nistgħu nimitaw l-​eżempju bilanċjat taʼ Ġesù?

12 Ġesù kien jaf li ma kienx sewwa li jgħaddi lil Ġeħova minn prova billi jistenna li l-​anġli jiġu jsalvawh jekk jaġixxi b’mod irresponsabbli. (Aqra Mattew 4:5-7.) Għalhekk, ejja nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù billi ngħixu “b’moħħ f’loku,” bla ma nieħdu riskji bla bżonn, u madankollu niffaċċjaw il-​persekuzzjoni bil-​fiduċja.—Titu 2:12.

Dak li Nistgħu Nitgħallmu mill-​Anġli Leali

13. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ l-​anġli ġusti li jissemmew fit-​2 Pietru 2:9-11?

13 Fiċ-​ċanfira li jagħti lil dawk li ‘jmaqdru’ lill-​qaddejja midlukin taʼ Ġeħova, l-​appostlu Pietru jalludi għall-​eżempju mill-​aħjar taʼ l-​anġli ġusti. Għalkemm għandhom qawwa kbira, l-​anġli b’umiltà jżommu lura milli jiġġudikaw u jikkritikaw lil ħaddieħor, u dan jagħmluh “b’rispett lejn Ġeħova.” (Aqra t-2 Pietru 2:9-11.) Ħalli aħna wkoll nżommu ruħna ħelsin milli ngħaddu ġudizzju mhux xieraq, nuru rispett lejn dawk li huma fdati bħala indokraturi fil-​kongregazzjoni, u nħallu l-​affarijiet f’idejn Ġeħova, l-​Imħallef Suprem.—Rum. 12:18, 19; Ebr. 13:17.

14. L-​anġli jipprovdu liema eżempji taʼ servizz umli?

14 L-​anġli taʼ Ġeħova jipprovdulna eżempji mill-​aqwa taʼ servizz umli. Ċerti anġli rrifjutaw li juru isimhom lill-​bnedmin. (Ġen. 32:29; Mħ. 13:17, 18) Għalkemm hemm miljuni taʼ ħlejjaq spirti fis-​sema, il-​Bibbja tirrivela biss l-​ismijiet taʼ Mikiel u Gabrijel. Dan għandu mnejn jipproteġina milli nagħtu unur mhux xieraq lill-​anġli. (Lq. 1:26; Riv. 12:7) Meta l-​appostlu Ġwanni niżel għarkopptejh quddiem anġlu biex iqimu, hu ġie mwissi: “Oqgħod attent! Tagħmilx hekk! Jien sempliċement ilsir bħalek u bħal ħutek.” (Riv. 22:8, 9) Il-​qima tagħna, inkluż it-​talb tagħna, għandha tingħata biss lil Alla.—Aqra Mattew 4:8-10.

15. L-​anġli kif inhuma t’eżempju għalina fil-​paċenzja?

15 L-​anġli jagħtuna wkoll eżempju fil-​paċenzja. Għalkemm huma interessati ferm li jkunu jafu s-​sigrieti sagri t’Alla, ma jafuhomx kollha. “Dwar dawn l-​affarijiet jixtiequ jkunu jafu l-​anġli,” tistqarr il-​Bibbja. (1 Pt. 1:12) Għalhekk, huma x’jagħmlu? Huma jistennew bil-​paċenzja kollha sakemm Alla jara li wasal il-​waqt biex “ikunu jafu, permezz tal-​kongregazzjoni, l-​għerf [tiegħu] li jintwera b’ħafna modi differenti.”—Efes. 3:10, 11.

16. Il-​kondotta tagħna kif tistaʼ teffettwa lill-​anġli?

16 Il-​Kristjani li għaddejjin minn xi prova huma ‘spettaklu teatrali għall-​anġli.’ (1 Kor. 4:9) B’sodisfazzjon kbir, l-​anġli josservaw l-​għemejjel taʼ fedeltà tagħna u saħansitra jifirħu meta midneb jasal għall-​indiema. (Lq. 15:10) Il-​kondotta qaddisa tan-​nisa Kristjani tiġi notata mill-​anġli. Il-​Bibbja turi li “l-​mara għandu jkollha sinjal t’awtorità fuq rasha, minħabba l-​anġli.” (1 Kor. 11:3, 10) Iva, l-​anġli jieħdu gost jaraw lin-​nisa Kristjani u lill-​qaddejja l-​oħrajn kollha t’Alla fuq l-​art jaġixxu fi qbil maʼ l-​ordni teokratiku u maʼ l-​istat taʼ kap. Ubbidjenza bħal din hi tfakkira xierqa għal dawn l-​ulied t’Alla fis-​sema.

L-​Anġli Jappoġġaw ix-​Xogħol taʼ l-​Ippridkar

17, 18. Għala nistgħu ngħidu li l-​anġli jappoġġaw l-​ippridkar tagħna?

17 L-​anġli huma involuti f’xi ftit mill-​affarijiet sinifikanti li jseħħu “f’Jum il-​Mulej.” Dawn jinkludu t-​twelid tas-​Saltna fl-​1914 u t-​twaddib għal isfel taʼ Satana u d-​demonji tiegħu mis-​sema minn “Mikiel u l-​anġli tiegħu.” (Riv. 1:10; 11:15; 12:5-9) L-​appostlu Ġwanni ra “anġlu . . . jtir f’nofs is-​sema, u kellu aħbar tajba taʼ dejjem biex ixandarha bħala bxara taʼ ferħ lil dawk li jgħammru fuq l-​art.” L-​anġlu ddikjara: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax waslet is-​siegħa biex jagħmel il-​ġudizzju, u għalhekk qimu lil Dak li għamel is-​sema u l-​art u l-​baħar u l-​għejun taʼ l-​ilmijiet.” (Riv. 14:6, 7) B’hekk, il-​qaddejja taʼ Ġeħova huma żgurati mill-​appoġġ taʼ l-​anġli hekk kif huma jippridkaw l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna stabbilita minkejja l-​oppożizzjoni ħarxa mix-​Xitan.—Riv. 12:13, 17.

18 Illum, l-​anġli ma jmexxuniex lejn uħud taʼ qalb onesta billi jkellmuna kif anġlu kellem lil Filippu u dderiġieh għand l-​ewnuku Etjopjan. (Atti 8:26-29) Madankollu, ħafna esperjenzi taʼ żmienna jagħtu evidenza li minn wara l-​kwinti l-​anġli qed jappoġġaw ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u qed jiggwidawna lejn dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem.” a (Atti 13:48) Kemm hu importanti li nieħdu sehem fil-​ministeru regolarment sabiex inkunu disponibbli biex nagħtu sehemna ħalli nsibu lil dawk li jixtiequ “jqimu lill-​Missier bl-​ispirtu u l-​verità”!—Ġw. 4:23, 24.

19, 20. L-​anġli x’parti għandhom fil-​ġrajjiet li jimmarkaw “il-​konklużjoni tas-​sistema”?

19 Ġesù kien qed jalludi għal żmienna meta qal li “fil-​konklużjoni tas-​sistema,” l-​anġli kellhom “jifirdu lin-​nies ħżiena min-​nies sewwa.” (Mt. 13:37-43, 49) L-​anġli jieħdu sehem fil-​ġbir finali u fl-​issiġillar tal-​midlukin. (Aqra Mattew 24:31; Riv. 7:1-3) Iktar minn hekk, Ġesù huwa akkumpanjat mill-​anġli meta “jifred in-​nagħaġ mill-​mogħoż.”—Mt. 25:31-33, 46.

20 “Fir-​rivelazzjoni tal-​Mulej Ġesù mis-​sema maʼ l-​anġli setgħanin tiegħu” dawk kollha “li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-​aħbar tajba dwar il-​Mulej tagħna Ġesù” se jiġu meqrudin. (2 Tess. 1:6-10) Meta Ġwanni ra l-​istess ġrajja fil-​viżjoni, hu ddeskriva lil Ġesù u l-​armati anġeliċi fis-​sema bħala li ħerġin fuq żwiemel bojod sabiex jiggwerraw bil-​ġustizzja.—Riv. 19:11-14.

21. L-​anġlu li qiegħed “bil-​muftieħ taʼ l-​abbiss u b’katina kbira f’idu” liema azzjoni se jieħu kontra Satana u d-​demonji tiegħu?

21 Ġwanni ra wkoll “anġlu nieżel mis-​sema bil-​muftieħ taʼ l-​abbiss u b’katina kbira f’idu.” Dan m’hu ħadd ħlief l-​arkanġlu Mikiel, li se jorbot lix-​Xitan u jixħtu—u b’mod evidenti lid-​demonji—fl-​abbiss. Dawn se jinħelsu għal ftit taż-​żmien fi tmiem ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu meta l-​umanità perfetta se jkollha prova finali. Wara dan, Satana u r-​ribelli l-​oħrajn kollha se jiġu meqrudin. (Riv. 20:1-3, 7-10; 1 Ġw. 3:8) Kull ribelljoni kontra Alla se tkun tneħħiet.

22. L-​anġli kif inhuma involuti f’dak li qiegħed preċiż quddiemna, u aħna kif għandna nħossuna dwar l-​irwol tagħhom?

22 Ħelsien grandjuż mis-​sistema mill-​agħar taʼ Satana qiegħed preċiż quddiemna. L-​anġli se jkollhom irwol importanti f’dawn il-​ġrajjiet sinifikanti li se jivvindikaw is-​sovranità taʼ Ġeħova u jwettqu kompletament l-​iskop tiegħu għall-​art u għall-​umanità. L-​anġli ġusti huma tabilħaqq “spirti għal servizz pubbliku, mibgħutin biex jaqdu lil dawk li se jirtu s-​salvazzjoni.” Għalhekk, ejja nkunu grati lejn Alla Ġeħova għall-​mod kif juża l-​anġli biex jgħinuna nagħmlu r-​rieda divina u niksbu l-​ħajja taʼ dejjem.

[Nota taʼ taħt]

Int Kif Twieġeb?

• Il-​ħlejjaq spirti fis-​sema kif inhuma organizzati?

• Xi anġli x’għamlu fi żmien Noè?

• Alla kif uża lill-​anġli biex jgħinuna?

• L-​anġli ġusti xi rwol għandhom fi żmienna?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 21]

L-​anġli huma ferħanin li jwettqu r-​rieda t’Alla

[Stampa f’paġna 23]

Bħalma ġara fil-​każ taʼ Danjel, l-​anġli huma dejjem pronti biex jintervienu skond ir-​rieda t’Alla

[Stampi f’paġna 24]

Kun kuraġġuż, għax l-​anġli qed jappoġġaw ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna!

[Sors]

Globu: NASA photo