Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Satana meta tkeċċa mis-sema?—Riv. 12:1-9.
Għalkemm il-ktieb Bibliku tar-Rivelazzjoni ma jagħtix iż-żmien preċiż tat-tkeċċija taʼ Satana, fih tissemma serje taʼ ġrajjiet li jistgħu jgħinuna nikkalkulaw meta tkeċċa mis-sema. L-ewwel fost il-ġrajjiet hemm it-twelid tas-Saltna Messjanika. Wara dan, “faqqgħet gwerra fis-sema,” li wasslet biex Satana jitlef u fl-aħħarnett jitkeċċa mis-sema.
L-Iskrittura timmarka b’mod ċar l-1914 bħala s-sena meta ntemmu “ż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus” u ġiet stabbilita s-Saltna. a (Lq. 21:24) Wara dan, kemm damet ma faqqgħet il-gwerra fis-sema, li rriżultat fit-tkeċċija taʼ Satana?
“Id-dragun [Satana] baqaʼ wieqaf quddiem il-mara li kienet waslet biex tiled,” jistqarr Rivelazzjoni 12:4, “sabiex, malli tiled, jiblaʼ lit-tarbija tagħha.” Dan juri li Satana ried jeħles malajr mis-Saltna li kienet għadha kif twieldet, li kieku kien possibbli dak il-ħin stess li twieldet. Għalkemm l-intervent taʼ Ġeħova ma ħalliex lil Satana jwettaq l-intenzjoni mill-agħar tiegħu, Satana kien determinat u deċiż fl-isforz tiegħu biex jagħmel ħsara lis-Saltna li kienet għadha kif ġiet stabbilita. Għalhekk, jagħmel sens li “Mikiel u l-anġli tiegħu” ma kinux se jaħlu ħin biex jaġixxu u jneħħu lid-“dragun u l-anġli tiegħu” mis-sema sabiex is-Saltna ma ssirilha ebda ħsara. Dan jissuġġerixxi li t-telfa u t-tkeċċija taʼ Satana seħħew ftit wara t-twelid tas-Saltna fl-1914.
Fattur ieħor li rridu nikkunsidraw hu l-irxoxt tal-Kristjani midlukin, li—bħalma tindika l-evidenza Skritturali—beda ftit wara li ġiet stabbilita s-Saltna. b (Riv. 20:6) Ladarba ħadd mill-aħwa midlukin taʼ Kristu ma jingħad li qed jakkumpanja lil Ġesù fil-battalja mad-dragun u l-anġli tiegħu, il-gwerra fis-sema u t-tkeċċija taʼ Satana u d-demonji tiegħu kellhom ikunu lesti saż-żmien meta beda l-irxoxt taʼ ħut Kristu.
Għalhekk, mela, il-Bibbja ma tirrivelax iż-żmien eżatt meta Satana u d-demonji tiegħu tkeċċew mis-sema. Minkejja dan, huwa evidenti li din il-ġrajja ġiet eżatt wara li Ġesù Kristu tqiegħed fuq it-tron fis-sema fl-1914.
[Noti taʼ taħt]
b Ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Jannar, 2007, paġni 27-28, paragrafi 9-13.