Għid il-Verità lill-Proxxmu Tiegħek
“Issa li warrabtu l-gideb, għidu l-verità, kull wieħed minnkom lill-proxxmu tiegħu.”—EFES. 4:25.
1, 2. Ħafna nies kif iqisuha l-verità?
IL-VERITÀ kienet suġġett kontroversjali għal annati sħaħ. Fis-sitt seklu Q.E.K., poeta Grieg jismu Alkew qal: “Hemm il-verità fl-inbid.” Dan implika li l-verità tingħad biss wara li individwu jkun xorob ħafna nbid u forsi jkun iktar ħerqan biex jitkellem. Il-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu taʼ l-ewwel seklu wkoll wera li kellu opinjoni żbaljata dwar il-verità meta b’mod ċiniku staqsa lil Ġesù: “X’inhi l-verità?”—Ġw. 18:38.
2 Fi żmienna hemm ħafna ideat differenti dwar x’inhi l-verità. Ħafna nies jgħidu li l-kelma “verità” għandha diversi tifsiriet jew li l-verità hija differenti minn persuna għal oħra. Oħrajn jgħidu l-verità biss meta jkun jaqblilhom jew biex jaqtgħu fil-qasir. Il-ktieb The Importance of Lying jgħid: “L-onestà hija idea nobbli, imma ftit għandha valur fil-ġlieda bejn ħajja u mewt għas-sopravivenza u s-sigurtà. Il-bniedem ma tantx għandu għażla f’dan ir-rigward—irid jigdeb biex jgħix.”
3. Ġesù għala kien eżempju li jispikka f’li jgħid il-verità?
3 Kemm hu differenti dan għad-dixxipli taʼ Kristu! Il-ħarsa taʼ Ġesù lejn il-verità ma kinitx filosofika. Hu dejjem qal il-verità. Anki l-għedewwa tiegħu rrikonoxxew: “Għalliem, aħna nafu li int tgħid il-verità u tgħallem it-triq t’Alla fil-verità.” (Mt. 22:16) Bl-istess mod illum, il-Kristjani ġenwini jimitaw l-eżempju taʼ Ġesù. Ma jżommux lura milli jgħidu l-verità. Huma b’qalbhom kollha jaqblu maʼ l-appostlu Pawlu, li wissa lil sħabu fit-twemmin: “Issa li warrabtu l-gideb, għidu l-verità, kull wieħed minnkom lill-proxxmu tiegħu.” (Efes. 4:25) Ejja nikkunsidraw tliet aspetti mill-kliem taʼ Pawlu. L-ewwel, min hu l-proxxmu tagħna? It-tieni, xi jfisser li tgħid il-verità? U t-tielet, kif nistgħu napplikaw dan fil-ħajja tagħna taʼ kuljum?
Min Hu l-Proxxmu Tagħna?
4. Kuntrarju għall-mexxejja Lhud taʼ l-ewwel seklu, Ġesù kif irrifletta l-ħarsa taʼ Ġeħova dwar min hu l-proxxmu tagħna?
4 Fl-ewwel seklu E.K., xi mexxejja Lhud għallmu li l-Lhud sħabhom biss jew il-ħbieb persunali tagħhom kienu denji li jissejħu “proxxmu.” Madankollu, Ġesù rrifletta perfettament il-personalità u l-ħsieb taʼ Missieru. (Ġw. 14:9) B’mod sinifikanti, hu wera lid-dixxipli tiegħu li Alla ma jippreferix xi razza jew nazzjonalità iktar minn oħra. (Ġw. 4:5-26) Iktar minn hekk, l-ispirtu qaddis irrivela lill-appostlu Pietru li “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.” (Atti 10:28, 34, 35) Għalhekk, għandna nqisu lin-nies kollha bħala l-proxxmu tagħna, billi nuru mħabba anki lejn dawk li jaġixxu bħala għedewwa.—Mt. 5:43-45.
5. Xi jfisser li ngħidu l-verità lill-proxxmu tagħna?
5 Madankollu, Pawlu x’ried ifisser meta qal li għandna ngħidu l-verità lill-proxxmu tagħna? Li ngħidu l-verità jinvolvi li ngħaddu informazzjoni vera, ħielsa minn kwalunkwe qerq. Il-Kristjani veri ma jgħawġux jew jirrappreżentaw ħażin il-fatti sabiex jiżvijaw lil oħrajn. Huma ‘jistmerru dak li hu ħażin’ u ‘jżommu sod maʼ dak li hu tajjeb.’ (Rum. 12:9) Sabiex nimitaw lill-“Alla tal-verità,” għandna nistinkaw biex inkunu onesti u sinċieri f’dak kollu li nagħmlu. (Salm 15:1, 2; 31:5) Billi nagħżlu kliemna bir-reqqa, anki sitwazzjonijiet imbarazzanti u skomdi jistgħu jiġu solvuti bit-tattika mingħajr ma nirrikorru għall-qerq.—Aqra Kolossin 3:9, 10.
6, 7. (a) Il-fatt li ngħidu l-verità jfisser li għandna nikxfu anki dettalji persunali lil kulmin jistaqsina xi ħaġa? Spjega. (b) Lil min nistgħu nafdaw biex ngħidulu l-verità kollha?
6 Ifisser il-fatt li ngħidu l-verità lil oħrajn li għandna nikxfu kull dettall maʼ kulmin jistaqsina mistoqsija? Mhux bilfors. Meta kien fuq l-art, Ġesù wera li xi nies ma jistħoqqilhomx tweġiba diretta jew ċerta informazzjoni. Meta l-mexxejja reliġjużi ipokriti staqsewh b’liema qawwa jew awtorità kien iwettaq is-sinjali u l-mirakli, Ġesù qalilhom: “Nagħmlilkom mistoqsija waħda. Wiġbuhieli, u jien ukoll ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan.” Meta l-iskribi u x-xjuħ ma ridux iwieġbu, Ġesù qalilhom: “Lanqas jien ma ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan.” (Mk. 11:27-33) Hu ma ħassux obbligat li jwieġeb il-mistoqsija minħabba l-prattiki korrotti u l-eżempju bla fidi tagħhom. (Mt. 12:10-13; 23:27, 28) B’mod simili llum, il-poplu taʼ Ġeħova jrid joqgħod għassa kontra l-apostati u rġiel ħżiena oħrajn li jużaw l-ingann jew il-makakkerija għal skopijiet egoistiċi.—Mt. 10:16; Efes. 4:14.
7 Bl-istess mod, Pawlu indika li xi wħud m’humiex intitolati li jirċievu tweġiba sħiħa jew kompleta. Hu qal li wħud li “jseksku u jindaħlu fi ħwejjeġ ħaddieħor” qed “jitkellmu dwar affarijiet li m’għandhomx jitkellmu dwarhom.” (1 Tim. 5:13) Iva, dawk li jindaħlu fl-affarijiet taʼ ħaddieħor jew dawk li ma jistgħux jiġu fdati li jżommu sigriet għandhom mnejn isibu li oħrajn ma jkunux iridu jaqsmu magħhom informazzjoni persunali. Kemm hu aħjar li nagħtu kas il-parir imnebbaħ taʼ Pawlu: “[Agħmluha] il-mira tagħkom li tgħixu bil-kwiet u ma tindaħlux fl-affarijiet taʼ ħaddieħor.” (1 Tess. 4:11) Madankollu, kultant l-anzjani tal-kongregazzjoni għandhom mnejn ikollhom bżonn jistaqsu mistoqsijiet dwar affarijiet persunali sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom. F’każ bħal dan, il-kooperazzjoni tagħna f’li ngħidu l-verità hija apprezzata ħafna u hija t’għajnuna kbira.—1 Pt. 5:2.
Għid il-Verità fi Kwistjonijiet tal-Familja
8. Il-fatt li jgħidu l-verità kif jgħin lill-membri tal-familja jersqu eqreb lejn xulxin?
8 Normalment huwa mal-familja tagħna li għandna l-iktar rabta mill-qrib. Sabiex insaħħu din ir-rabta huwa vitali li ngħidu l-verità lil xulxin. Ħafna problemi u nuqqas taʼ qbil jistgħu jitnaqqsu jew jiġu eliminati billi nkunu sinċieri, onesti, u qalbna tajba meta nikkomunikaw. Per eżempju, meta nagħmlu xi żball, inżommu lura aħna milli nammettu dan mas-sieħeb jew is-sieħba tagħna, maʼ wliedna, jew maʼ membri oħrajn tal-familja? Jekk nagħmlu apoloġija sinċiera u mill-qalb se nikkontribwixxu biex ikun hemm il-paċi u l-unità fil-familja.—Aqra l-1 Pietru 3:8-10.
9. Il-fatt li rridu ngħidu l-verità għala ma jiġġustifikax li nitkellmu kif inħossuha jew b’arroganza?
9 Għalkemm irridu ngħidu l-verità m’għandniex nitkellmu kif inħossuha, mingħajr tattika. L-arroganza tnaqqas mill-valur tal-verità jew mill-impatt tagħha. Pawlu qal: “Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir flimkien maʼ kull ħażen. Imma kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-qalb bħalma Alla wkoll ħafrilkom mill-qalb bi Kristu.” (Efes. 4:31, 32) Meta nitkellmu b’qalb tajba u b’dinjità, il-messaġġ tagħna jkollu iktar valur u jonora lil min inkellmu.—Mt. 23:12.
Għid il-Verità fi Kwistjonijiet tal-Kongregazzjoni
10. L-anzjani Kristjani x’jistgħu jitgħallmu mill-eżempju eċċellenti taʼ Ġesù f’li jgħid il-verità?
10 Ġesù kellem lid-dixxipli tiegħu b’mod sempliċi u dirett. Il-pariri tiegħu kienu dejjem mogħtijin bl-imħabba, u madankollu ma dgħajjifx il-verità sabiex jogħġob lis-semmiegħa tiegħu. (Ġw. 15:9-12) Per eżempju, meta l-appostli tiegħu ripetutament argumentaw bejniethom dwar min kien l-akbar, Ġesù b’mod sod imma bil-paċenzja għenhom jifhmu li kellhom bżonn ikunu umli. (Mk. 9:33-37; Lq. 9:46-48; 22:24-27; Ġw. 13:14) B’mod simili, waqt li jżommu sod maʼ dak li hu sewwa, l-anzjani Kristjani llum ma jiddominawx fuq il-merħla t’Alla. (Mk. 10:42-44) Huma jimitaw lil Kristu billi jkunu ‘qalbhom tajba maʼ xulxin’ u ‘jagħdru b’tenerezza’ meta jittrattaw m’oħrajn.
11. L-imħabba għal ħutna x’għandha tqanqalna nagħmlu bil-mod kif nużaw ilsienna?
11 Jekk inkunu sinċieri maʼ ħutna imma ma nurux kunfidenza żejda, inkunu nistgħu nesprimu dak li jkollna f’moħħna mingħajr ma noffendu lil ħaddieħor. Tabilħaqq, qatt ma rridu li lsienna jkun “jaqtaʼ daqs mus,” billi nużawh b’tali mod li kliemna jweġġaʼ minħabba li jkun abbużiv jew li jċekken lil oħrajn. (Salm 52:2; Prov. 12:18) L-imħabba għal ħutna se tqanqalna biex ‘inħarsu lsienna mill-ħażen, u xofftejna milli jitkellmu l-qerq.’ (Salm 34:13) B’dan il-mod, nonoraw lil Alla u nippromwovu l-unità fil-kongregazzjoni.
12. Il-gideb meta jkun jirrikjedi azzjoni ġudizzjarja? Spjega.
12 L-anzjani jaħdmu b’mod diliġenti sabiex jipproteġu lill-kongregazzjoni minn dawk li jgħidu gideb malizzjuż. (Aqra Ġakbu 3:14-16.) Gidba malizzjuża tingħad bil-ħsieb li tagħmel ħsara lil xi ħadd; l-iskop tagħha hu li jġiegħel lil xi ħadd isofri b’xi mod jew jesperjenza n-niket. Jinvolvi iktar milli xi ħadd jagħmel stqarrijiet insinifikanti li jiżvijaw jew jesaġera l-fatti. M’għandniex xi ngħidu, kull gideb huwa ħażin, imma mhux kull każ taʼ nuqqas taʼ verità jirrikjedi azzjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant, l-anzjani jeħtieġ li jużaw il-bilanċ, ir-raġunevolezza, u l-għaqal meta jiddeterminaw jekk individwu li għamel stqarrijiet li m’humiex veri qabadx il-vizzju taʼ li jigdeb apposta u b’mod malizzjuż, u b’hekk ikollhom bżonn jieħdu azzjoni ġudizzjarja. Jew forsi jkun biżżejjed li tingħata twissija soda u bi mħabba mill-Iskrittura?
Għid il-Verità fi Kwistjonijiet taʼ Negozju
13, 14. (a) Xi wħud kif jonqsu li jgħidu l-verità lill-imgħallem tagħhom? (b) X’riżultat tajjeb jistaʼ jkollna meta nkunu onesti u ngħidu l-verità fuq ix-xogħol?
13 Qed ngħixu fi żmien meta d-diżonestà hija mifruxa maʼ kullimkien, u għalhekk jistaʼ jkun diffiċli li nirreżistu t-tentazzjoni biex ma nkunux daqshekk onesti maʼ min jimpjegana. Meta japplikaw għal xi xogħol, ħafna jigdbu bl-addoċċ. Per eżempju, huma forsi jesaġeraw dwar kemm għandhom esperjenza jew edukazzjoni meta japplikaw biex jiksbu xogħol aħjar jew li jħallas iktar. Mill-banda l-oħra, ħafna impjegati jgħidu li jkunu qed jaħdmu meta fil-fatt ikunu qed jagħmlu affarijiet persunali, avolja dan ikun kontra r-regoli tal-kumpanija. Huma forsi joqogħdu jaqraw materjal li m’għandux x’jaqsam max-xogħol tagħhom, jagħmlu telefonati persunali, jibagħtu messaġġi elettroniċi persunali, jew ifittxu fuq l-Internet.
14 Għall-Kristjani veri, il-fatt li tkun onest u li tgħid il-verità m’huwiex kwistjoni t’għażla. (Aqra Proverbji 6:16-19.) Pawlu qal: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.” (Ebr. 13:18) B’hekk, il-Kristjani jagħtu lill-imgħallem tagħhom ġurnata sħiħa taʼ xogħol għal paga taʼ ġurnata sħiħa. (Efes. 6:5-8) Jekk inkunu ħaddiema kuxjenzjużi nistgħu wkoll inġibu tifħir lil Missierna tas-sema. (1 Pt. 2:12) Per eżempju, l-imgħallem taʼ Roberto fi Spanja faħħru talli kien ħaddiem onest u responsabbli. Minħabba l-kondotta tajba taʼ Roberto, il-kumpanija ħaddmet iktar Xhieda. Dawn ukoll kienu ħaddiema mill-aqwa. Matul is-snin, Roberto sab xogħol għal 23 ħu mgħammed u għal 8 studenti tal-Bibbja!
15. Negozjant Kristjan kif għandu juri li jgħid il-verità?
15 Jekk naħdmu għal rasna, ngħidu aħna l-verità fil-kwistjonijiet kollha tan-negozju, jew forsi xi kultant nonqsu milli ngħidu l-verità lill-proxxmu tagħna? Negozjant Kristjan m’għandux jigdeb dwar xi prodott jew servizz sabiex ikun jistaʼ jbigħu malajr; lanqas m’għandu joffri jew jaċċetta tixħim. Irridu nittrattaw lil oħrajn bħalma nixtiequ niġu trattati aħna.—Prov. 11:1; Lq. 6:31.
Għid il-Verità lill-Awtoritajiet Governattivi
16. Il-Kristjani x’għandhom jagħtu (a) lill-awtoritajiet governattivi? (b) lil Ġeħova?
16 Ġesù qal: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.” (Mt. 22:21) Liema xorta t’affarijiet għandna nagħtuh lil Ċesari, jiġifieri, lill-awtoritajiet governattivi? Meta Ġesù lissen dan il-kliem, id-diskussjoni ċċentrat fuq it-taxxi. Għalhekk, sabiex iżommu kuxjenza nadifa quddiem Alla u l-bniedem, il-Kristjani jobdu l-liġijiet tal-pajjiż, inkluż dawk li huma relatati mal-ħlas tat-taxxi. (Rum. 13:5, 6) Imma aħna nirrikonoxxu li Ġeħova huwa s-Sovran Suprem, l-uniku Alla veru, li aħna nħobbuh b’qalbna, b’ruħna, b’moħħna, u b’saħħitna kollha. (Mk. 12:30; Riv. 4:11) Għalhekk, aħna nissottomettu ruħna lejn Alla Ġeħova mingħajr riserva.—Aqra Salm 86:11, 12.
17. In-nies taʼ Ġeħova kif iħarsu lejn li jirċievu l-assistenza soċjali?
17 Ħafna pajjiżi joffru programmi jew servizzi soċjali sabiex jgħinu lil dawk li għandhom bżonn għajnuna materjali. M’hemm xejn ħażin jekk Kristjan jirċievi għajnuna bħal din—bil-patt li jkun jikkwalifika għaliha. Li ngħidu l-verità lill-proxxmu jfisser li ma nagħtux informazzjoni falza jew qarrieqa lill-awtoritajiet governattivi sabiex nirċievu l-assistenza soċjali.
Barkiet Meta Ngħidu l-Verità
18-20. Liema barkiet jirriżultaw milli ngħidu l-verità lill-proxxmu tagħna?
18 Il-barkiet li jiġu meta ngħidu l-verità huma ħafna. Aħna nżommu kuxjenza nadifa, li tagħtina paċi tal-moħħ u qalb kalma. (Prov. 14:30; Flp. 4:6, 7) Kuxjenza nadifa hija taʼ valur kbir f’għajnejn Alla. Ukoll, meta ngħidu l-verità f’kollox, ma jkollniex għalfejn ninkwetaw li xi ħadd se jaqbadna f’xi ħaġa ħażina, jew li se jikxifna.—1 Tim. 5:24.
19 Ikkunsidra barka oħra. Pawlu qal: “B’kull mod nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla . . . bi kliem mimli verità.” (2 Kor. 6:4, 7) Dan żgur li kien il-każ taʼ Xhud li jgħix fil-Britannja. Waqt li kien qed jipprova jbigħ karozza lil xi ħadd, hu ddeskriva l-affarijiet tajbin kollha tagħha kif ukoll in-nuqqasijiet tagħha, inkluż dawk li ma kinux jidhru. Wara li saqu l-karozza biex jittestjawha, dak li kien se jixtri l-karozza staqsa lill-ħu jekk kienx wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għala wasal għal din il-konklużjoni? Ir-raġel innota l-onestà tal-ħu kif ukoll id-dehra pulita tiegħu. Id-diskussjoni taʼ wara wasslet biex tingħata xiehda tajba.
20 Inġibu aħna tifħir lill-Ħallieq bl-istess mod billi dejjem inkunu onesti u ngħidu l-verità? Pawlu qal: “Warrabna kulma jsir minn taħt li hu taʼ mistħija, ma nimxux bil-makakkerija.” (2 Kor. 4:2) Għaldaqstant, ejja nistinkaw biex ngħidu l-verità lill-proxxmu tagħna. Billi nagħmlu hekk, aħna nigglorifikaw lil Missierna tas-sema u lill-poplu tiegħu.
Int Kif Twieġeb?
• Min hu l-proxxmu tagħna?
• Xi jfisser li ngħidu l-verità lill-proxxmu tagħna?
• Il-fatt li ngħidu l-verità kif jistaʼ jigglorifika lil Alla?
• Liema barkiet jiġu milli ngħidu l-verità?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 17]
Lest int li tammetti l-iżbalji żgħar tiegħek?
[Stampa f’paġna 18]
Tgħid int il-verità meta tapplika għal xi xogħol?