Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Prokuratur Leali u l-Ġemgħa li Tiggverna Tiegħu

Il-Prokuratur Leali u l-Ġemgħa li Tiggverna Tiegħu

“Min hu tassew il-​prokuratur leali, l-​għaqli, li sidu jaħtru fuq il-​ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu biex jibqaʼ jagħtihom is-​sehem tagħhom taʼ l-​ikel fiż-​żmien xieraq?”—LQ. 12:42.

1, 2. Ġesù liema mistoqsija importanti qajjem waqt li kien qed jagħti s-​sinjal kompost taʼ l-​aħħar jiem?

 WAQT li ta s-​sinjal kompost taʼ l-​aħħar jiem, Ġesù qajjem din il-​mistoqsija: “Min hu tassew l-​ilsir leali u għaqli li sidu ħatru fuq il-​qaddejja taʼ daru, biex jagħtihom l-​ikel fiż-​żmien xieraq?” Ġesù mbagħad kompla jgħid li dan l-​ilsir kellu jiġi premjat għall-​fedeltà tiegħu billi jinħatar fuq kulma għandu s-​Sid.—Mt. 24:45-47.

2 Xi xhur qabel, Ġesù kien staqsa mistoqsija simili. (Aqra Luqa 12:42-44.) Lill-​ilsir sejjaħlu “prokuratur” u rrefera għall-​“qaddejja taʼ daru” bħala “l-​ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu.” Prokuratur hu wieħed li jimmaniġġa dar jew amministratur li jitpoġġa fuq il-​qaddejja. Iżda l-​prokuratur huwa wkoll qaddej. Min hu dan l-​ilsir, jew prokuratur, u kif jipprovdi “l-​ikel fiż-​żmien xieraq”? Huwa vitali għalina lkoll li nirrikonoxxu l-​mezz li jintuża biex jitqassam l-​ikel spiritwali.

3. (a) Xi kummentaturi tal-​Kristjaneżmu kif ipprovaw jispjegaw l-​istqarrijiet taʼ Ġesù dwar l-​“ilsir”? (b) Min hu l-​“prokuratur,” jew l-​“ilsir,” u min huma l-​“ġemgħa taʼ qaddejja,” jew “il-​qaddejja taʼ daru”?

3 Xi kummentaturi tal-​Kristjaneżmu spiss iqisu dan il-​kliem taʼ Ġesù bħala li jirreferi għal dawk li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fost l-​hekk imsejħin Kristjani. Imma Ġesù, is-​‘sid’ fit-​tixbiha, ma qalx li kellu jkun hemm kotra taʼ lsiera mxerrdin mad-​diversi setet tal-​Kristjaneżmu. Minflok, hu stqarr b’mod ċar li kellu jkun hemm biss “prokuratur,” jew “ilsir,” wieħed, li hu kellu jaħtru fuq kulma għandu. Għalhekk, bħalma dejjem spjegat din ir-​rivista, il-​prokuratur bilfors li jirrappreżenta lill-​“merħla żgħira” taʼ dixxipli midlukin bħala ġemgħa kollettiva, jew grupp. Fil-​kuntest taʼ l-​Evanġelju taʼ Luqa, Ġesù kien għadu kif irrefera għal dawn l-​uħud. (Lq. 12:32) Il-​frażi “ġemgħa taʼ qaddejja,” jew “qaddejja taʼ daru,” tirreferi għall-​istess grupp imma tenfasizza l-​irwol tagħhom bħala individwi. Issa tqum mistoqsija interessanti, Huwa kull membru individwali taʼ din il-​klassi taʼ l-​ilsir involut f’li jipprovdi l-​ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq? It-​tweġiba ssir evidenti meta neżaminaw mill-​qrib dak li tgħid l-​Iskrittura.

Il-​Qaddej taʼ Ġeħova fl-​Imgħoddi

4. Ġeħova kif irrefera għall-​ġens taʼ Israel tal-​qedem, u x’inhu importanti li ninnotaw dwar dak il-​ġens?

4 Ġeħova tkellem dwar il-​poplu tiegħu, il-​ġens taʼ Israel tal-​qedem, bħala qaddej kollettiv. “‘Intom [plural] ix-​xhieda tiegħi [plural],’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘iva, il-​qaddej [singular] tiegħi li jien għażilt.’” (Is. 43:10) Il-​membri kollha tal-​ġens kienu inklużi f’dik il-​klassi taʼ qaddej wieħed. Madankollu, hu importanti li tinnota li l-​qassisin biss flimkien mal-​Leviti li ma kinux qassisin kienu responsabbli biex jgħallmu lill-​ġens.—2 Kron. 35:3; Mal. 2:7.

5. Skond Ġesù, liema bidla kbira kienet se sseħħ?

5 Kien il-​ġens taʼ Israel dak l-​ilsir li dwaru tkellem Ġesù? Le. Dan nafuh minħabba dak li qal Ġesù lil-​Lhud taʼ żmienu: “Is-​saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-​frott minnha.” (Mt. 21:43) Jidher ċar li kienet se sseħħ bidla. Ġeħova kien se juża ġens ġdid. Minkejja dan, fejn tidħol l-​istruzzjoni spiritwali, ix-​xogħol taʼ l-​ilsir fit-​tixbiha taʼ Ġesù ċertament li jsegwi mudell simili għal dak tal-​“qaddej” t’Alla f’Israel tal-​qedem.

Jidher l-​Ilsir Leali

6. Liema ġens ġdid beda jeżisti f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., u min sar parti minnu?

6 Il-​ġens ġdid, “l-​Israel t’Alla,” hu magħmul minn Israelin spiritwali. (Gal. 6:16; Rum. 2:28, 29; 9:6) Dan beda jeżisti malli tferraʼ l-​ispirtu t’Alla f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Minn dakinhar, il-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu kollha saru parti mill-​ġens li issa beda jaqdi bħala l-​klassi taʼ l-​ilsir maħtura mis-​Sid, Ġesù Kristu. Kull membru taʼ dak il-​ġens ngħata l-​inkarigu biex jippriedka l-​aħbar tajba u jagħmel dixxipli. (Mt. 28:19, 20) Imma kien kull membru taʼ dan il-​grupp involut f’li jipprovdi l-​ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq? Ejja naraw kif l-​Iskrittura twieġeb din il-​mistoqsija.

7. Għall-​ewwel, x’kien ix-​xogħol primarju taʼ l-​appostli, u iktar tard liema responsabbiltà oħra rċivew?

7 Meta Ġesù ħatar lit-​12-il appostlu tiegħu, ix-​xogħol primarju tagħhom kien jinvolvi li jintbagħtu jippridkaw l-​aħbar tajba lil oħrajn. (Aqra Marku 3:13-15.) Dan l-​inkarigu kien fi qbil mat-​tifsir bażiku tal-​kelma Griega apostolos, li hija mnissla mill-​verb li jfisser sempliċement “ibgħat.” Madankollu, hekk kif għadda ż-​żmien u l-​kongregazzjoni Kristjana kienet waslet biex tiġi stabbilita, l-​irwol t’appostlu sar ‘kariga taʼ indokrar.’—Atti 1:20-26.

8, 9. (a) X’kien it-​tħassib primarju tat-​12-il appostlu? (b) Min ukoll ngħata iktar responsabbiltajiet, bħalma ġie konfermat mill-​ġemgħa li tiggverna?

8 X’kien it-​tħassib primarju tat-​12-il appostlu? It-​tweġiba tistaʼ tidher mill-​ġrajjiet li ġraw wara jum Pentekoste. Meta kien hemm tilwima dwar it-​tqassim taʼ kuljum taʼ l-​ikel lir-​romol, it-​12-il appostlu sejħu lid-​dixxipli u qalulhom: “M’aħniex qed nieħdu pjaċir li nħallu l-​kelma t’Alla biex inqassmu l-​ikel fuq l-​imwejjed.” (Aqra Atti 6:1-6.) L-​appostli mbagħad ħatru xi aħwa oħrajn kwalifikati spiritwalment biex jieħdu ħsieb dan “ix-​xogħol bżonnjuż” sabiex l-​appostli jkunu jistgħu jingħataw “għall-​ministeru tal-​kelma.” Dan l-​arranġament ġab il-​barka taʼ Ġeħova hekk kif il-​“kelma t’Alla kompliet tikber, u l-​għadd tad-​dixxipli baqaʼ jiżdied ħafna f’Ġerusalemm.” (Atti 6:7) Għalhekk, ir-​responsabbiltà primarja li jitimgħu spiritwalment lil oħrajn kienet taʼ l-​appostli.—Atti 2:42.

9 Maż-​żmien, oħrajn ġew fdati b’responsabbiltajiet kbar. Pawlu u Barnaba, taħt id-​direzzjoni taʼ l-​ispirtu qaddis, intbagħtu bħala missjunarji mill-​kongregazzjoni t’Antjokja. Huma saru magħrufin ukoll bħala appostli, għalkemm ma kinux inklużi maʼ l-​ewwel 12. (Atti 13:1-3; 14:14; Gal. 1:19) Il-​ħatra tagħhom ġiet konfermata mill-​ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm. (Gal. 2:7-10) Ftit wara dan, Pawlu kellu sehem fit-​tqassim taʼ l-​ikel spiritwali. Hu kiteb l-​ewwel ittra ispirata tiegħu.

10. Fl-​ewwel seklu, kienu l-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu kollha involuti f’li jippreparaw l-​ikel spiritwali? Spjega.

10 Madankollu, kienu l-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu kollha involuti f’li jindokraw ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u f’li jippreparaw l-​ikel spiritwali? Le. L-​appostlu Pawlu jgħidilna: “M’humiex ilkoll appostli jew profeti jew għalliema, hux hekk? Mhux ilkoll iwettqu għemejjel setgħanin . . . , hux hekk?” (1 Kor. 12:29, 30) Għalkemm il-​Kristjani mnisslin bl-​ispirtu kollha jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, numru limitat ħafna biss—sempliċement tmien irġiel differenti—intuża biex jinkitbu s-​27 ktieb taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana.

L-​Ilsir Leali fi Żmienna

11. X’inhu “kulma għandu” s-​Sid li l-​ilsir inħatar fuqu?

11 Il-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 24:45 jindika b’mod ċar li klassi taʼ l-​ilsir leali u għaqli kellha tkun għadha qed tgħix fuq l-​art matul iż-​żmien tat-​tmiem. Rivelazzjoni 12:17 jirreferi għal dawn l-​uħud bħala “l-​bqija” taʼ nisel il-​mara. Bħala grupp, dan il-​fdal inħatar fuq kulma għandu Kristu hawn fuq l-​art. Il-​prokuratur leali nħatar biex jieħu ħsieb “kulma għandu” s-​Sid, jiġifieri, l-​interessi rjali li għandu fuq l-​art, li jinkludu s-​sudditi tas-​Saltna li jgħixu fuq l-​art u l-​faċilitajiet materjali li jintużaw biex tixxandar l-​aħbar tajba.

12, 13. Il-​Kristjani kif ikunu jafu jekk għandhomx is-​sejħa għas-​sema?

12 Il-​Kristjani kif ikunu jafu jekk għandhomx it-​tama għas-​sema u jekk humiex inklużi mal-​fdal taʼ l-​Israelin spiritwali? It-​tweġiba tinsab fil-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu lil dawk li kellhom sehem miegħu mill-​istess tama għas-​sema: “Dawk kollha li huma mmexxijin mill-​ispirtu t’Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċivejtux spirtu taʼ jasar li jerġaʼ jġib il-​biżaʼ, imma rċivejtu spirtu t’adozzjoni bħala wlied; b’dan l-​ispirtu aħna ngħajtu: ‘Abba, Missier!’ L-​ispirtu nnifsu jixhed maʼ l-​ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Mela, jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta: iva, werrieta t’Alla, imma werrieta bi sħab maʼ Kristu, dment li nsofru flimkien biex inkunu wkoll glorifikati flimkien.”—Rum. 8:14-17.

13 Fi kliem sempliċi, dawn l-​individwi huma midlukin bl-​ispirtu qaddis t’Alla u jirċievu s-​“sejħa,” jew l-​istedina, għas-​sema. (Ebr. 3:1) Din l-​istedina persunali hi mingħand Alla. Mill-​banda l-​oħra, huma jwieġbu fil-​pront mingħajr dubji jew biżaʼ billi jaċċettaw dan it-​tnissil bħala wlied Alla. (Aqra l-1 Ġwanni 2:20, 21.) Għalhekk, huma ma jagħżlux din it-​tama għalihom stess, imma Ġeħova jagħmel is-​siġill, jew l-​ispirtu qaddis, tiegħu fuqhom.—2 Kor. 1:21, 22; 1 Pt. 1:3, 4.

Il-​Ħarsa Korretta

14. Il-​midlukin kif iqisuha s-​sejħa tagħhom?

14 Dawn il-​midlukin kif għandhom iqisu lilhom infushom waqt li jistennew il-​premju tagħhom tas-​sema? Huma jirrealizzaw li għalkemm irċivew stedina taʼ l-​għaġeb, din hija biss stedina. Huma jridu jibqgħu leali sal-​mewt sabiex jiksbu dan il-​premju. B’umiltà, huma jidwu l-​kliem taʼ Pawlu: “Ħuti, jien ma nqisnix li diġà ksibtu; imma ħaġa nistaʼ ngħid: Waqt li ninsa l-​affarijiet taʼ warajja u niġġebbed biex nilħaq l-​affarijiet li hemm quddiemi, qed niġri lejn il-​mira għall-​premju tas-​sejħa t’Alla għal hemm fuq permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Flp. 3:13, 14) Il-​fdal tal-​midlukin iridu jagħmlu l-​almu tagħhom biex ‘jimxu kif jixraq lis-​sejħa li biha kienu msejħin, b’umiltà sħiħa,’ u dan jagħmluh “bil-​biżaʼ u t-​tregħid.”—Efes. 4:1, 2; Flp. 2:12; 1 Tess. 2:12.

15. Il-​Kristjani kif għandhom iħarsu lejn dawk li jieħdu mill-​emblemi fit-​Tifkira, u l-​midlukin kif iqisu lilhom infushom?

15 Mill-​banda l-​oħra, il-​Kristjani l-​oħrajn kif għandhom iħarsu lejn individwu li jsostni li ġie midluk u li jibda jieħu mill-​emblemi fit-​Tifkira? M’għandux jiġi ġudikat. Il-​kwistjoni hi bejn dan l-​individwu u bejn Ġeħova. (Rum. 14:12) Madankollu, il-​Kristjani li verament ikunu ġew midlukin ma jippretendux li jingħataw attenzjoni speċjali. Ma jemmnux li għax huma mill-​midlukin għandhom xi dehen speċjali iktar milli għandhom saħansitra xi wħud mill-​membri tal-​‘folla l-​kbira’ li għandhom l-​esperjenza. (Riv. 7:9) Huma ma jemmnux li għandhom neċessarjament iktar spirtu qaddis milli għandhom sħabhom li huma min-​“nagħaġ oħrajn.” (Ġw. 10:16) Ma jistennewx li jiġu trattati b’mod speċjali; lanqas ma jsostnu li minħabba li jieħdu mill-​emblemi huma aqwa mill-​anzjani maħturin tal-​kongregazzjoni.

16-18. (a) Huma l-​midlukin kollha involuti f’li jippreżentaw veritajiet spiritwali ġodda? Agħti eżempju. (b) Għala m’hemmx għalfejn li l-​Ġemgħa li Tiggverna tikkonsulta maʼ dawk kollha li jsostnu li huma midlukin?

16 Huma dawn il-​midlukin kollha madwar l-​art parti minn xi grupp globali li kontinwament iżommu kuntatt maʼ xulxin biex jirrivelaw veritajiet spiritwali ġodda? Le. Għalkemm il-​klassi taʼ l-​ilsir, bħala ġemgħa komposta, hija responsabbli biex titmaʼ spiritwalment lis-​segwaċi midlukin taʼ Kristu, mhux l-​individwi kollha tal-​klassi taʼ l-​ilsir għandhom l-​istess responsabbiltajiet jew inkarigi taʼ xogħol. (Aqra l-1 Korintin 12:14-18.) Kif diġà ġie notat, fl-​ewwel seklu lkoll kienu involuti fix-​xogħol vitali taʼ l-​ippridkar. Imma numru limitat ferm biss intużaw biex jiktbu l-​kotba tal-​Bibbja u jindokraw il-​kongregazzjoni Kristjana.

17 Per eżempju: L-​Iskrittura xi kultant titkellem dwar il-​“kongregazzjoni” bħala li tieħu ċerta azzjoni biex tittratta kwistjonijiet ġudizzjarji. (Mt. 18:17) Iżda, fir-​realtà, huma biss l-​anzjani li jieħdu din l-​azzjoni fil-​kariga tagħhom bħala rappreżentanti tal-​kongregazzjoni. L-​anzjani ma jikkuntattjawx lill-​membri kollha tal-​kongregazzjoni biex jitolbu l-​opinjonijiet differenti tagħhom qabel ma jieħdu xi deċiżjoni. B’mod teokratiku, huma jwettqu l-​irwol li ngħataw; jaġixxu għan-​nom tal-​kongregazzjoni kollha.

18 Bl-​istess mod, illum hemm numru limitat taʼ rġiel midlukin li għandhom ir-​responsabbiltà li jirrappreżentaw il-​klassi taʼ l-​ilsir. Huma jifformaw il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Dawn l-​irġiel midlukin bl-​ispirtu jindokraw ix-​xogħol tas-​Saltna u l-​programm taʼ ikel spiritwali. Iżda, bħalma kien jiġri fl-​ewwel seklu, il-​Ġemgħa li Tiggverna ma tikkonsultax maʼ kull membru individwali tal-​klassi taʼ l-​ilsir qabel ma tieħu d-​deċiżjonijiet. (Aqra Atti 16:4, 5.) Madankollu, ix-​Xhieda midlukin kollha huma involuti sew fix-​xogħol vitali tal-​ħsad li qed isir issa. Bħala klassi, “l-​ilsir leali u għaqli” hu ġisem wieħed, imma bħala individwi, huma għandhom diversi inkarigi taʼ xogħol.—1 Kor. 12:19-26.

19, 20. Il-​membri tal-​folla l-​kbira liema ħarsa bilanċjata għandhom lejn “l-​ilsir leali u għaqli” u l-​Ġemgħa li Tiggverna tiegħu?

19 Il-​fatti li ssemmew hawn fuq x’effett għandu jkollhom fuq dawk tal-​folla l-​kbira li dejjem qed jiżdiedu u li jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq l-​art? Bħala parti minn kulma għandu s-​Sultan, huma ferħanin li jikkooperaw bis-​sħiħ maʼ l-​arranġamenti li jsiru mill-​Ġemgħa li Tiggverna, li tirrappreżenta lill-​“ilsir leali u għaqli.” Il-​membri tal-​folla l-​kbira japprezzaw l-​ikel spiritwali li jiġi mħejji taħt id-​direzzjoni tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Imma fl-​istess ħin, filwaqt li jirrispettaw l-​ilsir bħala klassi, il-​membri tal-​folla l-​kbira joqogħdu attenti li ma jgħollux fuq xi pedestall lil xi individwi li jsostnu li huma parti minn dak l-​ilsir. Ebda Kristjan li b’mod ġenwin ikun midluk bl-​ispirtu t’Alla ma jkun irid jew jistenna li jkollu trattament bħal dan.—Atti 10:25, 26; 14:14, 15.

20 Sew jekk aħna “qaddejja taʼ daru,” li nagħmlu parti mill-​fdal midluk, u sew jekk aħna membri tal-​folla l-​kbira, ħa nkunu determinati li nikkooperaw bis-​sħiħ mal-​prokuratur leali u mal-​Ġemgħa li Tiggverna tiegħu. Jalla kull wieħed u waħda minna ‘nibqgħu għassa’ u nuru li aħna leali sat-​tmiem.—Mt. 24:13, 42.

X’Tiftakar?

• Min hu “l-​ilsir leali u għaqli,” u min huma l-​qaddejja taʼ daru?

• Individwu kif ikun jaf jekk għandux is-​sejħa għas-​sema?

• Min għandu r-​responsabbiltà primarja biex jipprepara ikel spiritwali ġdid?

• Wieħed mill-​midlukin kif għandu jqis lilu nnifsu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 23]

Illum, il-​Ġemgħa li Tiggverna tirrappreżenta lill-​klassi taʼ l-​ilsir leali u għaqli. Kien hemm arranġament simili fl-​ewwel seklu