Kun “Żeluż Għal Għemejjel Tajbin”!
“[Ġesù] ta lilu nnifsu għalina biex jeħlisna minn kull xorta taʼ ħażen u jnaddaf għalih innifsu poplu esklużivament tiegħu, żeluż għal għemejjel tajbin.”—TITU 2:14.
1. X’jiġri fl-inħawi tat-tempju meta jasal Ġesù nhar l-10 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K.?
HUWA l-10 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K., ftit jiem qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż. Qtajjaʼ t’aduraturi fl-inħawi tat-tempju f’Ġerusalemm qed iħarsu ’l quddiem għal din iċ-ċelebrazzjoni. X’se jiġri meta jasal Ġesù? Tliet kittieba taʼ l-Evanġelju—Mattew, Marku, u Luqa—kollha jixhdu li għat-tieni darba Ġesù jixħet ’il barra lil dawk li qed ibigħu u jixtru hemmhekk. Hu jaqleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u l-bankijiet taʼ dawk li qed ibigħu l-ħamiem. (Mt. 21:12; Mk. 11:15; Lq. 19:45) Iż-żelu taʼ Ġesù ma naqasx mindu aġixxa b’mod simili tliet snin qabel.—Ġw. 2:13-17.
2, 3. Kif nafu li ż-żelu taʼ Ġesù ma kienx limitat għal li jnaddaf it-tempju?
2 Ir-rakkont taʼ Mattew jindika li f’din l-okkażjoni ż-żelu taʼ Ġesù ma kienx limitat għal li jnaddaf it-tempju. Kien ukoll qed ifejjaq lill-għomja u liz-zopop li ġew għandu hemmhekk. (Mt. 21:14) Il-kitba taʼ Luqa tirreferi għal għemejjel oħrajn li wettaq Ġesù. “[Ġesù] kien imur kuljum jgħallem fit-tempju.” (Lq. 19:47; 20:1) B’hekk, iż-żelu taʼ Ġesù kien evidenti b’mod sinifikanti fil-ministeru pubbliku tiegħu.
3 Iktar tard, l-appostlu Pawlu kiteb lil Titu u spjega li Ġesù “ta lilu nnifsu għalina biex jeħlisna minn kull xorta taʼ ħażen u jnaddaf għalih innifsu poplu esklużivament tiegħu, żeluż għal għemejjel tajbin.” (Titu 2:14) Illum, b’liema modi nistgħu nkunu ‘żelużi għal għemejjel tajbin’? U l-eżempji tas-slaten tajbin taʼ Ġuda kif jistgħu jinkuraġġuna?
Żelu għall-Ippridkar u għat-Tagħlim
4, 5. Erbaʼ slaten taʼ Ġuda b’liema modi wrew li kienu żelużi għal għemejjel tajbin?
4 Asa, Ġeħosafat, Ħeżekija, u Ġosija kollha organizzaw kampanji f’Ġuda biex jeqirdu għalkollox l-idolatrija. Asa “neħħa l-artali barranin u l-postijiet għall-qima u kisser il-pilastri sagri u qaċċat l-arbli sagri.” (2 Kron. 14:3) Ġeħosafat, biż-żelu li kellu għall-qima taʼ Ġeħova, “neħħa l-postijiet għall-qima u l-arbli sagri minn Ġuda.”—2 Kron. 17:6; 19:3. a
5 Wara ċ-ċelebrazzjoni solenni tal-Qbiż organizzata minn Ħeżekija f’Ġerusalemm u li damet sejra sebat ijiem, “l-Israelin kollha li kienu hemmhekk ħarġu lejn il-bliet taʼ Ġuda, u kissru l-pilastri sagri u qaċċtu l-arbli sagri u ġarrfu l-postijiet għall-qima u l-artali mill-art kollha taʼ Ġuda u Benjamin u f’Efrajm u Manasse sakemm ma kien għad fadal xejn.” (2 Kron. 31:1) Iż-żagħżugħ Ġosija sar sultan meta kellu biss tmien snin. L-Iskrittura tgħid: “Fit-tmien sena tar-renju tiegħu, meta kien għadu tifel, beda jfittex lil Alla taʼ David, missieru; u fit-tnax-il sena beda jnaddaf lil Ġuda u lil Ġerusalemm mill-postijiet għall-qima u mill-arbli sagri u mix-xbihat minquxin u mill-istatwi magħmulin minn metall imdewweb.” (2 Kron. 34:3) Għaldaqstant, dawn l-erbaʼ slaten ilkoll kienu żelużi għal għemejjel tajbin.
6. Il-ministeru tagħna għala jistaʼ jitqabbel mal-kampanji tas-slaten leali taʼ Ġuda?
6 Illum, aħna bl-istess mod nieħdu sehem f’kampanja biex ngħinu lin-nies jeħilsu mit-tagħlim reliġjuż falz, inkluż il-prattika taʼ l-idolatrija. Il-ministeru tagħna minn dar għal dar ilaqqagħna maʼ kull xorta taʼ nies. (1 Tim. 2:4) Tfajla Asjatika tiftakar kif ommha kienet twettaq ir-ritwali quddiem għadd taʼ xbihat fid-dar tagħhom. Billi rraġunat li mhux ix-xbihat kollha setgħu jirrappreżentaw lill-Alla l-veru, it-tfajla spiss kienet titlob biex issir taf l-identità vera tiegħu. Meta wieġbet għal taħbita fuq il-bieb taʼ darha, hi sabet żewġ Xhieda li kienu lesti li jgħinuha ssir taf l-isem kbir taʼ l-Alla l-veru, Ġeħova. U kemm kienet grata li saret taf il-verità dwar l-idoli! Issa hi turi żelu taʼ min ifaħħru billi tieħu sehem b’mod diliġenti fis-servizz taʼ l-għalqa, billi tgħin lil nies oħrajn spiritwalment.—Salm 83:18; 115:4-8; 1 Ġw. 5:21.
7. X’nistgħu nagħmlu biex nimitaw l-għalliema li koprew il-pajjiż kollu fi żmien Ġeħosafat?
7 Meta nieħdu sehem fil-ministeru minn dar għal dar, kemm inkopruh bir-reqqa t-territorju assenjat lilna? Taʼ interess, fit-tielet sena tar-renju tiegħu, Ġeħosafat bagħat għal ħames prinċpijiet, disaʼ Leviti, u żewġ qassisin. Hu ġegħelhom jivvjaġġaw mal-bliet kollha biex jgħallmu lin-nies il-liġijiet taʼ Ġeħova. Tant kienet effettiva l-kampanja tagħhom li n-nies tal-ġnus taʼ madwarhom bdew jibżgħu minn Ġeħova. (Aqra t-2 Kronaki 17:9, 10.) Jekk inżuru d-djar f’diversi ħinijiet u fi ġranet differenti nkunu nistgħu nitkellmu maʼ diversi membri tad-dar li nżuru.
8. Kif nistgħu nespandu l-għoti taʼ xiehda tagħna?
8 Fi żmienna, ħafna mill-qaddejja t’Alla kienu lesti li jitilqu d-djar tagħhom u jmorru jaqdu fejn hemm bżonn akbar għal Xhieda żelużi. Tistaʼ tagħmel hekk int? Xi wħud minna li ma jistgħux jitilqu minn pajjiżhom jistgħu jipprovaw jagħtu xiehda lin-nies li jgħixu fl-inħawi tagħhom imma li jitkellmu lingwa differenti. Minħabba l-varjetà taʼ nazzjonalitajiet li jiltaqaʼ magħhom fit-territorju tiegħu, Ron, li għandu 81 sena, tgħallem tislimiet bi 32 lingwa! Dan l-aħħar iltaqaʼ maʼ koppja Afrikana fit-triq u sellmilhom bil-lingwa taʼ pajjiżhom, il-Yoruba. Huma staqsew lil Ron jekk qattx kien mar l-Afrika. Meta wieġeb le, huma staqsewh kif kien jaf il-lingwa tagħhom. Dan wassal għal xiehda mill-aħjar. Huma kienu lesti li jaċċettaw xi rivisti u kienu kuntenti li jagħtuh l-indirizz tagħhom, li hu għaddieh lill-kongregazzjoni lokali sabiex il-koppja jkollha studju tal-Bibbja.
9. Il-qari mill-Bibbja fil-ministeru tagħna għala hu importanti? Agħti eżempju.
9 L-għalliema li koprew il-pajjiż kollu għall-kmand taʼ Ġeħosafat kellhom magħhom “il-ktieb tal-liġi taʼ Ġeħova.” Madwar id-dinja kollha aħna nistinkaw biex ngħallmu lin-nies mill-Bibbja, ladarba din hi l-Kelma t’Alla. Aħna nagħmlu sforz speċjali biex nuru lil oħrajn il-kliem eżatt mill-Bibbja, billi nużawha fil-ministeru tagħna. Inkwilina spjegat lil Linda, waħda mix-Xhieda, li żewġha kienet tatu puplesija u kellu bżonn l-attenzjoni tagħha. L-inkwilina lmentat: “Ma nafx x’għamilt jien biex Alla jippermetti li jiġrili dan.” Linda wieġbet: “Nistaʼ nassigurak minn xi ħaġa?” Imbagħad qrat il-kliem taʼ Ġakbu 1:13 u żiedet: “Is-sofferenza kollha li nesperjenzaw aħna u l-maħbubin tagħna m’hijiex kastig minn Alla.” X’ħin semgħet hekk, l-inkwilina għannqet lil Linda b’mod kordjali. Linda tirrikonoxxi dan: “Stajt nagħti faraġ billi nuża l-Bibbja. Kultant il-versi li naqraw mill-Bibbja huma dawk li l-inkwilin qatt ma jkun semagħhom qabel.” Din il-konversazzjoni wasslet għal studju regulari tal-Bibbja fid-dar maʼ din il-mara.
Żgħażagħ li Jaqdu biż-Żelu
10. Ġosija kif kien t’eżempju tajjeb għaż-żgħażagħ Kristjani llum?
10 Billi nerġgħu nirreferu għall-eżempju taʼ Ġosija, aħna ninnotaw li hu pprattika l-qima vera bħala żagħżugħ u kellu madwar 20 sena meta beda l-kampanja estensiva tiegħu kontra l-idolatrija. (Aqra t-2 Kronaki 34:1-3.) Illum, żgħażagħ bla għadd juru l-istess żelu fis-servizz tagħhom biex ixandru s-Saltna.
11-13. Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu miż-żgħażagħ taʼ żmienna li jaqdu lil Ġeħova biż-żelu?
11 Hannah, li tgħix l-Ingilterra, kellha 13-il sena u kienet qed tistudja l-Franċiż fl-iskola meta semgħet li grupp li jitkellem bil-Franċiż kien ġie fformat f’belt fil-qrib. Missierha qabel li jmur magħha biex tattendi l-laqgħat hemmhekk. Issa li għandha 18-il sena, Hannah b’żelu qed tagħti xiehda bil-Franċiż bħala pijuniera regulari. Tistaʼ int ukoll titgħallem lingwa barranija u tgħin lil nies oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova?
12 Rachel ħadet pjaċir ħafna tara l-vidjo Pursue Goals That Honor God (Stinka Biex Tilħaq Miri li Jonoraw lil Alla). Waqt li tikkummenta fuq il-mod kif kienet taħsibha meta bdiet taqdi lil Ġeħova lura fl-1995, hi tgħid: “Kont naħseb li kont sejra tajjeb fil-verità.” Imbagħad iżżid: “Wara li rajt dik id-drama, jien issa nirrealizza li għal ħafna snin kont qed nagħmel biss l-affarijiet bażiċi. Irrid niġġieled għall-verità u naħseb sew u verament nagħmel sforz fis-servizz u fl-istudju persunali tiegħi.” Rachel issa tħoss li qed taqdi lil Ġeħova b’iktar żelu. X’esperjenzat minħabba f’hekk? “Ir-relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova saret iktar profonda. It-talb tiegħi hu iktar sinifikanti, l-istudju tiegħi iktar profond u iktar sodisfaċenti, u r-rakkonti tal-Bibbja huma iktar reali għalija. Minħabba f’hekk, il-ministeru qed ingawdih ħafna u qed insib sodisfazzjon reali hekk kif nara l-kliem taʼ Ġeħova jfarraġ lil oħrajn.”
13 Luke hu żagħżugħ li kien inkuraġġit minn drama oħra, Young People Ask—What Will I Do With My Life? (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—X’Se Nagħmel b’Ħajti?) Wara li ra din il-preżentazzjoni, Luke jikteb: “Inħossni mqanqal biex nara x’qed nagħmel b’ħajti.” Hu jammetti: “Fil-passat, kont pressat biex l-ewwel infittex is-sigurtà finanzjarja permezz t’edukazzjoni għolja u mbagħad niffoka fuq miri spiritwali. Pressjoni bħal din ma twassalx għal progress spiritwali; minflok, iddgħajjef lil dak li jkun.” Żgħażagħ irġiel u nisa, għala ma tarawx jekk tistgħux tużaw dak li tgħallimtu l-iskola biex tespandu l-ministeru tagħkom bħalma għamlet Hannah? U għala ma timitawx l-eżempju taʼ Rachel billi tiġru biż-żelu wara miri li verament jonoraw lil Alla? Segwu l-eżempju taʼ Luke, billi tevitaw il-perikli li kienu taʼ nasba għal ħafna żgħażagħ.
B’Żelu Agħti Kas it-Twissijiet
14. Ġeħova liema tip taʼ qima jaċċetta, u llum għala hija sfida kbira li tagħmel dan?
14 In-nies taʼ Ġeħova jeħtieġ li jkunu nodfa jekk iridu li l-qima tagħhom tkun aċċettabbli għalih. Isaija jwissi: “Warrbu, warrbu, oħorġu minn hemmhekk, tmissu xejn li m’huwiex nadif; oħorġu minn ġo nofsha [Babilonja], ibqgħu nodfa, intom li qed iġġorru l-għodod tad-dar taʼ Ġeħova.” (Is. 52:11) Ħafna snin qabel ma Isaija kiteb dan il-kliem, is-Sultan Asa, li kien tajjeb, b’mod vigoruż organizza kampanja biex jeqred għalkollox l-immoralità f’Ġuda. (Aqra l-1 Slaten 15:11-13.) U sekli wara, l-appostlu Pawlu qal lil Titu li Ġesù ta lilu nnifsu biex inaddaf lis-segwaċi tiegħu u jagħmilhom “poplu esklużivament tiegħu, żeluż għal għemejjel tajbin.” (Titu 2:14) Fis-soċjetà taʼ llum maħkuma mill-vizzji, m’huwiex faċli—speċjalment għaż-żgħażagħ—biex jibqgħu nodfa moralment. Per eżempju, il-qaddejja kollha t’Alla, żgħar u kbar, iridu jiġġieldu biex jibqgħu ħelsin mit-tinġis tal-pornografija li tintwera fuq il-kartelluni, fuq l-iskrin tat-televixin, fil-films, u b’mod partikulari fuq l-Internet.
15. X’jistaʼ jgħinna biex niżviluppaw mibegħda lejn dak li hu ħażin?
15 Iż-żelu tagħna biex nagħtu kas it-twissijiet t’Alla jistaʼ jgħinna niżviluppaw mibegħda lejn dak li hu ħażin. (Salm 97:10; Rum. 12:9) Għandna bżonn nistmerru l-pornografija sabiex “neħilsu mill-ġibda tagħha li hi qawwija daqs kalamita,” bħalma esprimieha wieħed Kristjan. Biex jifred biċċiet tal-metall li hu bħal kalamita, dak li jkun għandu bżonn forza li hi iktar qawwija mill-ġibda li żżommhom flimkien. Bl-istess mod, hemm bżonn sforz qawwi biex tirreżisti l-pornografija li tistaʼ tħajrek. Imma jekk nifhmu kemm tistaʼ tagħmlilna ħsara l-pornografija niġu megħjunin biex niżviluppaw mibegħda lejha. Wieħed ħu għamel sforzi kbar biex jeħles mill-vizzju tiegħu li jidħol f’siti pornografiċi fuq l-Internet. Hu ħa l-kompjuter persunali tiegħu f’post fejn setgħu jarawh il-bqija tal-familja tiegħu. Flimkien maʼ dan, hu personalment sar iktar determinat li jnaddaf ħajtu u jkun żeluż għal għemejjel tajbin. Hu saħansitra ħa pass ieħor. Peress li kellu juża l-Internet għan-negozju tiegħu, hu kien deċiż li se jidħol fih biss meta martu tkun maġenbu.
Il-Valur taʼ Kondotta Tajba
16, 17. Il-kondotta tajba tagħna x’effett jistaʼ jkollha fuq dawk li josservawna? Agħti eżempju.
16 Xi spirtu mill-aħjar jeżisti fost iż-żgħażagħ irġiel u nisa fis-servizz taʼ Ġeħova, u kemm jimpressjonahom dan lil dawk li jarawhom! (Aqra l-1 Pietru 2:12.) Wieħed li mar il-Betel taʼ Londra biddel il-ħarsa kollha tiegħu lejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova wara li qattaʼ jum jagħmel il-manutenzjoni fuq magna taʼ l-istampar hemmhekk. Martu, li kienet qed tistudja l-Bibbja maʼ waħda mix-Xhieda lokali, innotat li żewġha biddel l-attitudni tiegħu. Qabel, hu ma kienx ikun irid li x-Xhieda jmorru d-dar tiegħu. Imma hu mar lura wara li għamel dak ix-xogħol f’Betel mimli tifħir għall-mod kif kien ġie trattat b’qalb tajba. Hu kkummenta li ħadd ma qal kliem ħażin. Kulħadd kien paċenzjuż, u l-atmosfera kienet paċifika. Hu kien impressjonat b’mod partikulari li ż-żgħażagħ irġiel u nisa ħadmu biż-żelu u mingħajr paga, u vvolontarjaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex jgħinu fl-ippubblikar taʼ l-aħbar tajba.
17 Bl-istess mod, aħwa rġiel u nisa li jagħmlu xogħol sekulari biex jieħdu ħsieb il-familji tagħhom jaħdmu b’ruħhom kollha. (Kol. 3:23, 24) Dan spiss iwassal biex l-impjieg tagħhom ikun iktar fis-sod, għax għal dawk li jimpjegawhom l-attitudni kuxjenzjuża tagħhom hi taʼ valur kbir u ma jkunux iridu jitilfuhom bħala impjegati.
18. Kif nistgħu nkunu ‘żelużi għal għemejjel tajbin’?
18 Il-fiduċja tagħna f’Ġeħova, l-ubbidjenza tagħna lejn l-istruzzjonijiet tiegħu, u l-mod kif nieħdu ħsieb il-postijiet tal-laqgħat tagħna huma fost il-modi li bihom nuru ż-żelu għad-dar taʼ Ġeħova. Iżjed minn hekk, aħna rridu li jkollna sehem sħiħ kemm jistaʼ jkun fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli. Kemm jekk aħna żgħar u kemm jekk aħna kbar, billi nistinkaw biex nappoġġaw il-livelli nodfa assoċjati mal-qima tagħna, aħna se naħsdu ħafna benefiċċji. U se nkomplu nkunu magħrufin bħala poplu “żeluż għal għemejjel tajbin.”—Titu 2:14.
[Nota taʼ taħt]
a Asa neħħa l-postijiet għall-qima assoċjati mal-qima taʼ l-allat foloz imma mhux dawk fejn in-nies kienu jqimu lil Ġeħova. Jew jistaʼ jkun li l-postijiet għall-qima reġgħu nbnew fl-aħħar parti tar-renju t’Asa u li dawn tneħħew minn ibnu Ġeħosafat.—1 Slat. 15:14; 2 Kron. 15:17.
Kemm minn eżempji Bibliċi u kemm minn dawk taʼ żmienna, x’tgħallimt int dwar
• kif turi ż-żelu tiegħek billi tippriedka u tgħallem?
• kif iż-żgħażagħ Kristjani jistgħu jkunu ‘żelużi għal għemejjel tajbin’?
• kif teħles minn drawwiet li jikkorrompu?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 13]
Tużaha int regolarment il-Bibbja fil-ministeru tiegħek?
[Stampa f’paġna 15]
Jekk titgħallem titkellem lingwa oħra waqt li tkun l-iskola tiġi megħjun biex tespandi l-ministeru tiegħek