Kun Żeluż għad-Dar taʼ Ġeħova!
“Iż-żelu għal darek jikolni.”—ĠW. 2:17.
1, 2. Ġesù x’għamel fit-tempju fis-sena 30 E.K., u għala?
ĠIB quddiem għajnejk din ix-xena. Hu żmien il-Qbiż tas-sena 30 E.K. Sitt xhur qabel, Ġesù beda l-ministeru tiegħu fuq l-art. Issa jitlaʼ Ġerusalemm. Hemmhekk, fit-tempju fil-Bitħa tal-Ġentili, Ġesù jsib lil xi “nies ibigħu l-baqar u n-nagħaġ u l-ħamiem u oħrajn bil-qiegħda jsarrfu l-flus.” Waqt li jxejjer frosta magħmula mill-ħbula, hu jkeċċi ’l barra lill-annimali kollha, u ovvjament il-merkanti jmorru warajhom. Ġesù wkoll ixerred il-muniti tas-sarrafa tal-flus u jaqilbilhom l-imwejjed. Hu jordna lil dawk li qed ibigħu l-ħamiem biex jieħdu dak li hu tagħhom u jitilqu.—Ġw. 2:13-16.
2 L-aġir taʼ Ġesù hu relatat direttament mat-tħassib tiegħu dwar it-tempju. Hu jikkmanda: “Tibqgħux tagħmlu dar Missieri dar tal-merkanzija!” Hekk kif id-dixxipli taʼ Ġesù josservaw dawn il-ġrajjiet, huma jiftakru fil-kliem miktub sekli qabel mis-salmista David: “Iż-żelu għal darek jikolni.”—Ġw. 2:16, 17; Salm 69:9.
3. (a) Iż-żelu x’inhu? (b) Liema mistoqsija nistgħu nistaqsu lilna nfusna?
3 Kien it-tħassib taʼ Ġesù, iż-żelu tiegħu, għad-dar t’Alla li qanqlu biex jaġixxi. Iż-żelu hu “ħeġġa u interess qawwi biex issus wara xi ħaġa.” F’dan is-seklu 21, iktar minn sebaʼ miljun Kristjan juru żelu għad-dar t’Alla. Individwalment, nistgħu nistaqsu, ‘Kif nistaʼ jien personalment ikolli iktar żelu għad-dar taʼ Ġeħova?’ Biex jgħinna nwieġbu dan, ejja l-ewwel neżaminaw x’inhi d-dar t’Alla llum. Imbagħad nikkunsidraw eżempji Bibliċi taʼ rġiel leali li wrew żelu għaliha. L-eżempji tagħhom inkitbu “għall-istruzzjoni tagħna” u jistgħu jimmotivawna biex ikollna żelu saħansitra akbar.—Rum. 15:4.
Id-Dar t’Alla —Dak iż-Żmien u Issa
4. It-tempju li bena Salamun serva għal liema skop?
4 F’Israel tal-qedem, id-dar t’Alla kienet it-tempju f’Ġerusalemm. M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova ma kienx jgħix letteralment hemmhekk. Hu ddikjara: “Is-smewwiet it-tron tiegħi, u l-art il-banketta għal saqajja. Allura, fejn hi d-dar li tistgħu tibnuli, u fejn hu l-post taʼ mistrieħ għalija?” (Is. 66:1) Minkejja dan, it-tempju mibni matul ir-renju taʼ Salamun serva bħala l-post prinċipali għall-qima taʼ Ġeħova, fejn kien jiġi offrut it-talb.—1 Slat. 8:27-30.
5. Fi żmienna, x’inhu l-arranġament iffigurat bil-quddiem mill-qima fit-tempju taʼ Salamun?
5 Illum, id-dar taʼ Ġeħova m’hijiex xi bini tal-ġebel f’Ġerusalemm jew xi mkien ieħor. Minflok, hija l-arranġament biex aħna nersqu lejh fil-qima fuq il-bażi tas-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Kristu. Il-qaddejja leali kollha t’Alla fuq l-art jingħaqdu biex iqimu lil Ġeħova f’dan it-tempju spiritwali.—Is. 60:4, 8, 13; Atti 17:24; Ebr. 8:5; 9:24.
6. Liema slaten taʼ Ġuda wrew żelu li jispikka għall-qima vera?
6 Wara li Israel inqasam f’żewġ saltniet lura fis-sena 997 Q.E.K., 4 mid-19-il sultan li ħakmu lil Ġuda, il-parti tan-nofsinhar, urew żelu li jispikka għall-qima vera. Dawn kienu Asa, Ġeħosafat, Ħeżekija, u Ġosija. Liema lezzjonijiet importanti nistgħu nitgħallmu mill-eżempji tagħhom?
Servizz b’Qalbna Kollha Jġib Barkiet
7, 8. (a) Ġeħova liema tip taʼ servizz ibierek? (b) Liema lezzjoni taʼ twissija nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tas-Sultan Asa?
7 Matul ir-renju tas-Sultan Asa, Ġeħova inkariga lil xi profeti biex jiggwidaw lill-ġens Tiegħu fi triq taʼ fedeltà. Per eżempju, il-Bibbja tgħidilna li Asa ta widen lill-profeta Għażarija, bin Għoded. (Aqra t-2 Kronaki 15:1-8.) Ir-riformi li għamel Asa għaqqdu lill-poplu taʼ Ġuda kif ukoll lil għadd kbir taʼ nies mis-saltna taʼ Israel li niżlu biex jissieħbu f’assemblea grandjuża f’Ġerusalemm. Flimkien huma ddikjaraw id-determinazzjoni tagħhom biex iqimu lealment lil Ġeħova. Naqraw: “Ħalfu lil Ġeħova b’leħen għoli u b’għajat taʼ ferħ u bit-trumbetti u bil-qrun. U Ġuda kollu beda jifraħ minħabba l-ħalfa; għax kien b’qalbhom kollha li ħalfu u, min-naħa tagħhom, urew li kienet l-għaxqa tagħhom li jfittxuh, u b’hekk ħalliehom isibuh; u Ġeħova kompla jagħtihom il-mistrieħ minn kullimkien.” (2 Kron. 15:9-15) Bl-istess mod, Ġeħova żgur li se jberikna meta naqduh b’qalbna kollha.—Mk. 12:30.
8 B’sogħba, Asa iktar tard ħassu offiż meta ġie koreġut minn Ħanani, il-veġġent. (2 Kron. 16:7-10) Kif nirreaġixxu aħna meta Ġeħova joffrilna xi parir jew direzzjoni permezz taʼ l-anzjani Kristjani? Inkunu pronti biex naċċettaw u napplikaw il-pariri tagħhom ibbażati fuq l-Iskrittura u nevitaw li naqgħu fin-nassa taʼ li nħossuna offiżi?
9. Ġeħosafat u Ġuda liema theddida ffaċċjaw, u kif irreaġixxew?
9 Ġeħosafat saltan f’Ġuda matul l-għaxar seklu Q.E.K. Hu u Ġuda kollu ffaċċjaw it-theddida tal-forzi magħqudin t’Ammon, Mowab, u n-nies tar-reġjun muntanjuż tas-Segħir. Għalkemm kien qed jibżaʼ, is-sultan x’għamel? Hu u l-irġiel tiegħu, flimkien man-nisa u t-tfal tagħhom, inġabru fid-dar taʼ Ġeħova biex jitolbu. (Aqra t-2 Kronaki 20:3-6.) Fi qbil mal-kliem taʼ Salamun imlissen iktar kmieni fid-dedikazzjoni tat-tempju, Ġeħosafat talab bil-ħrara lil Ġeħova: “O Alla tagħna, ma tagħmilx ħaqq minnhom? Għax fina m’hemmx qawwa quddiem din il-kotra kbira ferm li ġejja kontrina; u aħna ma nafux x’għandna nagħmlu, imma għajnejna huma fuqek.” (2 Kron. 20:12, 13) Wara li talab Ġeħosafat, hemmhekk “f’nofs il-kongregazzjoni,” l-ispirtu taʼ Ġeħova qanqal lil Ġaħażijel, Levita, biex ilissen kliem taʼ faraġ li mela lill-poplu bil-fiduċja.—Aqra t-2 Kronaki 20:14-17.
10. (a) Ġeħosafat u Ġuda kif irċivewha d-direzzjoni? (b) Kif nistgħu nuru l-apprezzament lejn id-direzzjoni li jagħtina Ġeħova llum?
10 Iva, lura f’dak iż-żmien, Ġeħosafat u s-saltna taʼ Ġuda rċivew id-direzzjoni minn Ġeħova permezz taʼ Ġaħażijel. Illum, aħna nirċievu l-faraġ u d-direzzjoni permezz tal-klassi taʼ l-ilsir leali u għaqli. Ċertament, aħna dejjem irridu nikkooperaw maʼ u nuru rispett lejn l-anzjani maħturin, li jaħdmu iebes biex jirgħuna u jwettqu d-direzzjonijiet taʼ “l-ilsir leali u għaqli.”—Mt. 24:45; 1 Tess. 5:12, 13.
11, 12. X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dak li ġralhom Ġeħosafat u Ġuda?
11 Sewwasew bħalma Ġeħosafat u l-poplu tiegħu nġabru flimkien biex ifittxu l-gwida taʼ Ġeħova, ejja ma nittraskurawx li nattendu regolarment il-laqgħat tal-kongregazzjoni flimkien maʼ ħutna. Jekk kultant insibu ruħna f’diffikultajiet serji, u ma nkunux nafu x’għandna nagħmlu, ejja nsegwu l-eżempju mill-aħjar li tawna Ġeħosafat u n-nies taʼ Ġuda u nduru lejn Ġeħova fit-talb b’fiduċja sħiħa Fih. (Prov. 3:5, 6; Flp. 4:6, 7) Anki jekk inkunu iżolati, it-talb ħerqan tagħna lil Ġeħova jgħaqqadna mal-“fratellanza [tagħna] kollha fid-dinja.”—1 Pt. 5:9.
12 Ġeħosafat u n-nies tiegħu segwew id-direzzjoni taʼ Ġaħażijel mogħtija minn Alla. B’liema riżultat? Ħarġu rebbiħin fil-battalja li segwiet u marru lura Ġerusalemm “mimlijin hena” u “bl-istrumenti tal-korda, bl-arpi, u bit-trumbetti lejn id-dar taʼ Ġeħova.” (2 Kron. 20:27, 28) Bl-istess mod, aħna nirrispettaw id-direzzjoni taʼ Ġeħova mogħtija permezz tal-mezz taʼ komunikazzjoni li għandu fuq l-art u nissieħbu flimkien biex infaħħruh.
Ħu Ħsieb Sew il-Postijiet tal-Laqgħat Tagħna
13. Ħeżekija liema xogħol beda fil-bidu tar-renju tiegħu?
13 Fl-ewwel xahar tar-renju tiegħu, Ħeżekija wera ż-żelu tiegħu għall-qima taʼ Ġeħova billi reġaʼ fetaħ it-tempju u għamel tiswijiet fih. Hu organizza l-qassisin u l-Leviti biex inaddfu d-dar t’Alla. Dan għamluh f’16-il jum. (Aqra t-2 Kronaki 29:16-18.) Dan l-isforz ifakkarna fix-xogħol taʼ manutenzjoni u tiswija li jżomm il-postijiet tal-laqgħat tagħna f’kundizzjoni li tirrifletti l-qima żeluża tagħna lejn Ġeħova. Ma smajtx esperjenzi li juru li n-nies jibqgħu impressjonati biż-żelu taʼ l-aħwa li jieħdu sehem f’dan ix-xogħol? Iva, l-isforzi tagħhom iġibu ħafna tifħir lil Ġeħova.
14, 15. Illum, liema xogħol ġab ħafna tifħir lil Ġeħova? Agħti xi eżempji.
14 F’belt fit-tramuntana taʼ l-Ingilterra kien hemm raġel li kien jopponi x-xogħol taʼ tiswija propost għas-Sala tas-Saltna li kienet tmiss mal-proprjetà tiegħu. L-aħwa lokali wieġbu b’qalb tajba. Billi osservaw li l-ħajt taʼ bejn is-Sala tas-Saltna u l-proprjetà tal-ġar kellu bżonn xi tiswijiet, offrew li jagħmlu x-xogħol mingħajr ħlas. Huma ħadmu iebes u, fil-fatt, reġgħu bnew kważi l-ħajt kollu. Huma tant ittrattawha sew is-sitwazzjoni li l-ġar biddel l-attitudni tiegħu. Hu issa jgħin billi joqgħod għassa għall-proprjetà tas-Sala tas-Saltna.
15 In-nies taʼ Ġeħova jieħdu sehem f’xogħol taʼ bini madwar id-dinja. Volontieri lokali minn jeddhom jissieħbu mal-qaddejja internazzjonali full-time biex ma jibnux biss Swali tas-Saltna imma wkoll Swali taʼ l-Assemblea u djar Betel. Sam hu inġinier tas-sengħa fis-sistemi tas-sħana, tal-ventilazzjoni, u taʼ l-arja kundizzjonata. Hu u martu, Ruth, ivvjaġġaw lejn diversi pajjiżi fl-Ewropa u fl-Afrika biex jgħinu fi proġetti taʼ bini. Kulfejn imorru, huma jieħdu pjaċir ukoll jippridkaw flimkien mal-kongregazzjonijiet lokali. Sam jispjega x’qanqlu biex jipparteċipa fi proġetti internazzjonali bħal dawn: “Kien l-inkuraġġiment t’oħrajn li qdew fi djar Betel hawnhekk u barra l-pajjiż. Iż-żelu u l-ferħ tagħhom li rajt tassew qanqluni biex inkun irrid naqdi b’dan il-mod.”
Obdi l-Istruzzjonijiet Divini
16, 17. In-nies t’Alla f’liema attività speċjali ħadu sehem bil-ħerqa, u b’liema riżultat?
16 Minbarra t-tiswija tat-tempju, Ħeżekija ġedded iċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż taʼ kull sena li kien ikkmanda Ġeħova. (Aqra t-2 Kronaki 30:1, 4, 5.) Ħeżekija u l-abitanti taʼ Ġerusalemm stiednu lill-ġens kollu—anki lil dawk tas-saltna tat-tramuntana—biex jattendu. Il-ġerrejja ġrew mal-pajjiż kollu jġorru l-ittri biex jistiednu lin-nies.—2 Kron. 30:6-9.
17 Fi snin reċenti, aħna ħadna sehem fi sforz kemxejn simili. Użajna inviti stampati u attraenti biex nistiednu lin-nies fit-territorji tagħna ħalli jinġabru magħna meta nikkommemoraw l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej, b’ubbidjenza lejn il-kmand taʼ Ġesù. (Lq. 22:19, 20) Billi rċivejna l-istruzzjonijiet fil-Laqgħat tas-Servizz tagħna, aħna ħadna sehem biż-żelu f’dan ix-xogħol. U kemm bierku Ġeħova dan l-isforz! Tabilħaqq, is-sena l-oħra, xi sebaʼ miljun minna qassamna l-inviti, u total taʼ 17,790,631 persuna attendew!
18. Iż-żelu għall-qima vera għala hu daqshekk importanti għalik?
18 Dwar Ħeżekija ntqal: “Hu fada f’Ġeħova l-Alla taʼ Israel; u warajh ma kien hemm ħadd bħalu fost is-slaten kollha taʼ Ġuda, u lanqas fost dawk li ġew qablu. U baqaʼ mqabbad maʼ Ġeħova. Ma warrabx minn warajh, imma kompla jħares il-kmandamenti li Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.” (2 Slat. 18:5, 6) Jalla aħna nsegwu l-eżempju tiegħu. Iż-żelu tagħna għad-dar t’Alla se jgħinna ‘nibqgħu mqabbdin maʼ Ġeħova’ bil-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem quddiemna.—Dt. 30:16.
Wieġeb fil-Pront għad-Direzzjoni
19. Liema sforz żeluż isir fi żmien it-Tifkira?
19 Meta saltan Ġosija, hu wkoll irranġa biex jiġi ċelebrat il-Qbiż, u għamel preparazzjonijiet estensivi għalih. (2 Slat. 23:21-23; 2 Kron. 35:1-19) Aħna wkoll noqogħdu attenti ferm biex nippreparaw sew għall-konvenzjonijiet distrettwali, għall-assembleat tas-circuit, għall-jiem t’assemblea speċjali, kif ukoll għat-Tifkira. Aħwa f’xi pajjiżi saħansitra jirriskjaw ħajjithom biex jinġabru flimkien sabiex jikkommemoraw il-mewt taʼ Kristu. Anzjani żelużi jagħmlu ċert li ħadd ma jiġi traskurat fil-kongregazzjoni. Ix-xjuħ u l-batuti jirċievu l-għajnuna biex ikunu preżenti għal din l-okkażjoni.
20. (a) X’ġara matul ir-renju tas-Sultan Ġosija, u kif irreaġixxa? (b) Liema lezzjoni rridu nieħdu bis-serjetà?
20 Matul ix-xogħol taʼ tiġdid organizzat mis-Sultan Ġosija, il-Qassis il-Kbir Ħilkija “sab il-ktieb tal-liġi taʼ Ġeħova mogħtija permezz taʼ id Mosè.” Hu tah lil Safan, is-segretarju rjali, li, min-naħa tiegħu, beda jaqra l-kliem taʼ ġo fih lil Ġosija. (Aqra t-2 Kronaki 34:14-18.) X’effett kellu? Is-sultan minnufih ċarrat ħwejġu bin-niket u qal lill-irġiel biex jikkonsultaw maʼ Ġeħova. Permezz tal-profetessa Ħulda, Alla pprovda messaġġ li jikkundanna xi prattiki reliġjużi li kienu twettqu f’Ġuda. Madankollu, l-isforzi tajbin taʼ Ġosija biex ineħħi l-prattiki idolatrużi ġew notati, u hu baqaʼ jkun approvat minn Ġeħova minkejja l-gwajijiet imbassrin għall-ġens kollu. (2 Kron. 34:19-28) X’nistgħu nitgħallmu minn dan? Żgur li x-xewqa tagħna hi l-istess bħalma kienet taʼ Ġosija. Aħna rridu li nwieġbu fil-pront għad-direzzjoni taʼ Ġeħova, billi nieħdu bis-serjetà l-eżempju taʼ twissija taʼ dak li jistaʼ jiġrilna jekk inħallu l-apostasija u l-infedeltà jtellfulna l-qima tagħna. U nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se japprova ż-żelu tagħna għall-qima vera, sewwasew bħalma għamel fil-każ taʼ Ġosija.
21, 22. (a) Għala għandna nuru ż-żelu għad-dar taʼ Ġeħova? (b) X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
21 Dawk l-erbaʼ slaten taʼ Ġuda—Asa, Ġeħosafat, Ħeżekija, u Ġosija—tawna eżempji mill-aħjar biex inkunu żelużi għad-dar u għall-qima t’Alla. Iż-żelu tagħna għandu jqanqalna bl-istess mod biex nafdaw f’Ġeħova u biex nistinkaw għan-nom tal-qima tiegħu. Ċertament li nkunu għaqlin u henjin meta nobdu l-istruzzjonijiet divini u nwieġbu b’mod favorevoli għall-mod kif il-kongregazzjoni u l-anzjani tagħha bi mħabba jieħdu ħsiebna u jikkoreġuna.
22 L-artiklu li jmiss se jiffoka l-attenzjoni tagħna fuq iż-żelu għall-ministeru taʼ l-għalqa u se jipprovdi inkuraġġiment għaż-żgħażagħ biex jaqdu biż-żelu lil Missierna li jħobbna. Se nikkunsidraw ukoll kif nistgħu nevitaw waħda mill-iktar influwenzi li jikkorrompu taʼ Satana. Hekk kif b’żelu nagħtu kas dawn it-tfakkiriet kollha minn Ġeħova, aħna se nkunu qed nimxu wara l-eżempju taʼ l-Iben stess taʼ Ġeħova, Ġesù, li dwaru ntqal: “Iż-żelu għal darek kielni.”—Salm 69:9; 119:111, 129; 1 Pt. 2:21.
Tiftakar Int?
• Ġeħova liema tip taʼ servizz ibierek, u għala?
• Kif nistgħu nuru li nafdaw f’Ġeħova?
• Iż-żelu kif jistaʼ jqanqalna biex nobdu l-istruzzjonijiet divini?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 9]
Asa, Ġeħosafat, Ħeżekija, u Ġosija kif urew iż-żelu għad-dar taʼ Ġeħova?