L-Iddelegar—Għala u Kif?
L-IDDELEGAR beda jeżisti ħafna qabel ma bdiet teżisti l-pjaneta Art. Ġeħova ħalaq lill-Iben uniġenitu tiegħu u mbagħad, billi uża lil Ibnu bħala “ħaddiem tas-sengħa,” għamel l-univers. (Prov. 8:22, 23, 30; Ġw. 1:3) Meta ħalaq lill-ewwel koppja umana, Alla qalilhom biex ‘jimlew l-art u jrażżnuha.’ (Ġen. 1:28) Il-Ħallieq ta lill-bnedmin ix-xogħol biex jespandu l-Ġenna taʼ l-Għeden ħalli timla l-art kollha kemm hi. Iva, mill-bidu, l-iddelegar kien u għadu karatteristika taʼ l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.
X’hemm involut fl-iddelegar? L-anzjani Kristjani għala għandhom jitgħallmu jiddelegaw ċerti xogħlijiet tal-kongregazzjoni lil oħrajn, u dan kif jistgħu jagħmluh?
Xi Jfisser li Tiddelega?
“Li tiddelega” jfisser “li tafda lil ħaddieħor; li taħtar bħala r-rappreżentant tiegħek; li tagħti responsabbiltà jew awtorità.” (Merriam-Webster’s Collegiate Dictionary, 11th Edition) Għalhekk, l-iddelegar jirrikjedi li tinvolvi lil oħrajn biex iwettqu xi objettivi. Naturalment, dan iwassal għal li tagħti l-awtorità.
Dawk li jingħataw xi biċċa xogħol x’jagħmlu fil-kongregazzjoni Kristjana hu mistenni minnhom li jwettqu l-inkarigu, li jagħtu rapporti
tal-progress li jsir, u ġeneralment li jikkonsultaw maʼ dak li ddelegalhom il-biċċa xogħol. Iżda, ir-responsabbiltà bażika tibqaʼ tal-ħu maħtur li ddelega x-xogħol. Hu għandu jiċċekkja l-progress u jagħti pariri skond il-ħtieġa. Madankollu, xi wħud jistgħu jistaqsu, ‘Għala tiddelega x-xogħol jekk tistaʼ tagħmlu int stess?’Għala Tiddelega?
Aħseb ftit dwar kif Ġeħova ħalaq lill-Iben uniġenitu tiegħu u involvieh fil-bqija tax-xogħol tal-ħolqien. Iva, “permezz tiegħu nħolqu l-affarijiet l-oħrajn kollha fis-smewwiet u fuq l-art, dawk viżibbli u dawk inviżibbli.” (Kol. 1:16) Il-Ħallieq setaʼ għamel kollox waħdu, u madankollu ddeċieda li Ibnu jkollu sehem fil-ferħ taʼ li jwettaq xogħol produttiv. (Prov. 8:31) Dan għen lill-Iben biex jitgħallem iktar dwar il-kwalitajiet t’Alla. F’ċertu sens, il-Missier uża l-opportunità biex iħarreġ lil Ibnu uniġenitu.
Meta kien fuq l-art, Ġesù Kristu imita lil Missieru billi ddelega r-responsabbiltà. Hu ħarreġ gradwalment lid-dixxipli tiegħu. Hu bagħat qablu lit-12-il appostlu u iktar tard 70 dixxiplu ieħor biex ikunu minn taʼ quddiem fix-xogħol taʼ l-ippridkar. (Lq. 9:1-6; 10:1-7) Meta Ġesù iktar tard wasal f’dawn il-postijiet, kien tpoġġa għalih pedament tajjeb biex jibni fuqu. Meta telaq minn fuq l-art, Ġesù ddelega responsabbiltajiet akbar lid-dixxipli mħarrġin tiegħu, inkluż ix-xogħol taʼ l-ippridkar madwar id-dinja.—Mt. 24:45-47; Atti 1:8.
L-iddelegar u t-taħriġ saru karatteristiki tal-kongregazzjoni Kristjana. L-appostlu Pawlu qal lil Timotju: “Dak li smajt . . . għaddih lil nies leali li, mill-banda l-oħra, ikunu kwalifikati biżżejjed biex jgħallmu lil oħrajn.” (2 Tim. 2:2) Iva, dawk taʼ l-esperjenza għandhom iħarrġu lil dawk li, mill-banda l-oħra, se jħarrġu jerġaʼ lil oħrajn.
Billi jiddelega ftit mix-xogħol assenjat lilu, anzjan jistaʼ jaqsam m’oħrajn il-ferħ taʼ li jgħallem u li jirgħa. Billi jirrikonoxxu li l-abbiltajiet umani huma limitati, l-anzjani għandhom saħansitra iktar raġuni biex jitolbu lil oħrajn jaqsmu magħhom ir-responsabbiltajiet tal-kongregazzjoni. Il-Bibbja tistqarr: “L-għerf hu mal-modesti.” (Prov. 11:2) Il-modestja tinkludi li wieħed ikun konxju tal-limitazzjonijiet tiegħu. Jekk tipprova tagħmel kollox int, tistaʼ tegħja u ċċaħħad lill-familja tiegħek mill-ħin li kieku tkun tistaʼ tqattaʼ magħhom. Għalhekk, hu tabilħaqq għaqli li taqsam maʼ ħaddieħor it-tagħbija taʼ responsabbiltà. Per eżempju, ikkunsidra l-ħu li jaqdi bħala l-koordinatur tal-ġemgħa taʼ l-anzjani. Hu jistaʼ jitlob lil anzjani oħrajn biex jawditjaw il-kontijiet tal-kongregazzjoni. Billi jiflu dawn il-kontijiet, dawk l-anzjani jistgħu jsiru familjari mal-kundizzjoni finanzjarja tal-kongregazzjoni.
Filwaqt li l-iddelegar jagħti opportunità lil oħrajn biex jiksbu s-sengħa u l-esperjenza meħtiġin, jippermetti wkoll lil min jiddelega r-responsabbiltà biex josserva l-abbiltajiet taʼ dawk li jkunu ngħataw ix-xogħol. B’hekk, billi jiddelegaw dmirijiet xierqa fil-kongregazzjoni, l-anzjani jistgħu jgħaddu minn prova lil xi wħud biex jaraw “jekk jistħoqqilhomx” isiru qaddejja ministerjali.—1 Tim. 3:10.
Finalment, billi jiddelegaw, l-anzjani juru li jafdaw lil ħaddieħor. Pawlu ħarreġ lil Timotju billi ħadem miegħu fis-servizz missjunarju. Rabta mill-qrib żviluppat bejn iż-żewġt irġiel. Pawlu sejjaħlu “iben ġenwin fil-fidi” lil Timotju. (1 Tim. 1:2) B’mod simili, rabta qawwija żviluppat bejn Ġeħova u Ġesù hekk kif ħadmu flimkien biex joħolqu l-affarijiet l-oħrajn kollha. Billi jafdaw xi xogħol f’idejn ħaddieħor, l-anzjani jistgħu jiżviluppaw relazzjoni kordjali magħhom.
Għala Xi Wħud Jaħsbuha Darbtejn
Għalkemm jafu li hemm il-vantaġġi, xi anzjani jsibuha diffiċli biex jiddelegaw, forsi billi jżommu lura għax iħossu li issa għandhom inqas awtorità. Għandhom mnejn jaħsbu li huma dejjem għandu jkollhom it-tmun f’idejhom, biex ngħidu hekk. Madankollu, ftakar li qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù awtorizza lid-dixxipli tiegħu biex iwettqu inkarigu taʼ responsabbiltà kbira, u sadanittant kien jaf li huma kienu se jwettqu għemejjel akbar minn tiegħu!—Mt. 28:19, 20; Ġw. 14:12.
Anzjani oħrajn forsi ddelegaw fil-passat imma ma kellhomx riżultati sodisfaċenti. Għandhom mnejn iħossu li huma stess jistgħu jagħmlu x-xogħol aħjar u iktar bl-għaġla. Madankollu, ikkunsidra l-eżempju taʼ Pawlu. Hu kien jaf kemm jiswa li tiddelega, imma rrealizza wkoll li dawk li ġew imħarrġin mhux dejjem kienu se jagħmlu x-xogħol tagħhom tajjeb daqskemm kien jistenna hu. Fl-ewwel vjaġġ missjunarju tiegħu, Pawlu ħarreġ lil Marku, sieħbu żagħżugħ li vvjaġġa miegħu. Pawlu ddiżappunta ruħu ferm meta Marku telaq mill-inkarigu li kellu u mar lura d-dar. (Atti 13:13; 15:37, 38) Xorta waħda, dan ma waqqafx lil Pawlu milli jħarreġ lil oħrajn. Kif issemma diġà, hu stieden liż-żagħżugħ Kristjan Timotju biex ikun sieħbu li jivvjaġġa miegħu. Meta Timotju kien lest biex iġorr responsabbiltà akbar, Pawlu ħallieh f’Efesu u fdalu l-awtorità li jaħtar indokraturi u qaddejja ministerjali tal-kongregazzjoni.—1 Tim. 1:3; 3:1-10, 12, 13; 5:22.
B’mod simili, fi żmienna, l-anzjani m’għandhomx jaqtgħu qalbhom biex iħarrġu lill-aħwa rġiel sempliċement għaliex wieħed minnhom ma jwiġibx kif jistennew huma. Huwa għaqli u importanti li titgħallem tafda lil oħrajn u li tħarriġhom. Iżda, l-anzjani liema fatturi għandhom iżommu f’moħħhom meta jiddelegaw?
Kif Tiddelega
Meta tiddelega xi responsabbiltajiet, ikkunsidra l-kwalifiki taʼ l-aħwa rġiel li għandek f’moħħok. Meta f’Ġerusalemm qamet il-ħtieġa biex jieħdu ħsieb it-tqassim taʼ l-ikel taʼ kuljum, l-appostli għażlu “sebat irġiel kwalifikati, . . . mimlijin bl-ispirtu u l-għerf.” (Atti 6:3) Jekk titlob lil individwu li ma tistax torbot fuqu biex jagħmel xi biċċa xogħol, hu għandu mnejn sempliċement ma jagħmilhiex. Għalhekk, għall-ewwel iddelega xi biċċa xogħol żgħira. Meta individwu juri li hu leali, jistaʼ jkollu l-ħila jerfaʼ iktar responsabbiltà.
Madankollu, hemm iktar involut. Il-personalitajiet u l-abbiltajiet ivarjaw. L-esperjenza wkoll tvarja minn individwu għal ieħor. Ħu li għandu karattru ħelu u li hu dħuli jistaʼ jmur tajjeb bħala attendant, waqt li wieħed li hu ordinat u sistematiku jistaʼ jkun t’għajnuna kbira bħala assistent tas-segretarju tal-kongregazzjoni. Oħt li għandha abbiltà artistika tistaʼ tiġi fdata biex tirranġa l-fjuri għat-Tifkira.
Meta tagħti r-responsabbiltajiet, speċifika b’mod ċar x’inhu mistenni. Qabel ma Ġwanni l-Battista bagħat xi messaġġiera għand Ġesù, hu spjegalhom x’ried ikun jaf u kif ipoġġu l-kliem tal-mistoqsija. (Lq. 7:18-20) Mill-banda l-oħra, meta istruwixxa lid-dixxipli tiegħu biex jiġbru l-bċejjeċ li kien fadal mill-ikel provdut mirakolożament, Ġesù ħalla d-dettalji għalihom. (Ġw. 6:12, 13) Ħafna jiddependi min-natura tal-biċċa xogħol u mill-kwalifiki taʼ dak li jgħin. Kemm dak li jiddelega u kemm dak li jkun mistieden biex iwettaq il-biċċa xogħol għandhom jifhmu sew x’inhu mistenni fl-aħħar mill-aħħar u kemm spiss dak li jiddelega għandu jiġi informat dwar il-progress. It-tnejn li huma għandhom ikunu jafu kemm se jitħalla għad-diskrezzjoni taʼ l-individwu li jagħmel ix-xogħol. Jekk il-biċċa xogħol trid titlesta sa ċerta data, ikun ferm aħjar jekk id-data tiġi diskussa u jkun hemm qbil fuqha minflok ma sempliċement tiġi imposta.
Il-wieħed assenjat għandu jkollu l-fondi, l-għodod, u l-għajnuna li jkollu bżonn. Jistaʼ jkun t’għajnuna li tgħarraf lil ħaddieħor bl-arranġament. Meta Ġesù fada lil Pietru bl-“imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet,” dan għamlu fil-preżenza taʼ dixxipli oħrajn. (Mt. 16:13-19) Bl-istess mod, f’xi każi għandu mnejn ikun tajjeb li tinforma lill-kongregazzjoni dwar min hu responsabbli minn ċertu xogħol.
L-attenzjoni hi meħtieġa wkoll. Jekk int xorta waħda tipprova timmaniġġa x-xogħol li ddelegajt lil xi ħadd, int tkun qed tgħidlu, “Jien mhux veru nafdak.” Huwa minnu li kultant ir-riżultat ma jkunx eżattament dak li kont qed tistenna. Madankollu, jekk il-ħu li ngħata xi responsabbiltà titħallielu ċerta libertà, hu x’aktarx li se jikseb il-kunfidenza u l-esperjenza. Naturalment, dan ma jfissirx li wieħed ma jagħtix kas kif l-ieħor jittratta x-xogħol li ngħata. Għalkemm lil Ibnu fdalu rwol fil-proċess tal-ħolqien, Ġeħova xorta waħda involva ruħu fix-xogħol. Hu qal lill-Ħaddiem tas-Sengħa: “Ħa nagħmlu l-bniedem fix-xbieha tagħna.” (Ġen. 1:26) Għalhekk, b’dak li tgħid u tagħmel, appoġġa x-xogħol li jkun qed isir, u faħħar lill-individwu għall-isforzi tiegħu. Jekk tirrivedu fil-qosor ir-riżultat, dan jistaʼ jkun t’għajnuna għalih. Jekk ix-xogħol ma jkunx qed isir kif jixraq, taħsibhiex darbtejn biex toffri iktar pariri jew għajnuna. Ftakar, ir-responsabbiltà finali hija tiegħek bħala l-wieħed li qed tiddelega.—Lq. 12:48.
Ħafna bbenefikaw għax kellhom xogħlijiet tal-kongregazzjoni delegati lilhom mill-anzjani li wrew interess sinċier fihom. Tabilħaqq, l-anzjani kollha għandhom bżonn jitgħallmu għala u kif jiddelegaw, biex jimitaw lil Ġeħova.
[Kaxxa f’paġna 29]
L-IDDELEGAR HU
• mod kif tħalli lil oħrajn ikollhom il-ferħ taʼ li jwettqu xi ħaġa
• mod kif twettaq iktar
• manifestazzjoni t’għerf u modestja
• mod kif tħarreġ lil oħrajn
• mod kif turi l-fiduċja f’oħrajn
[Kaxxa f’paġna 30]
KIF TIDDELEGA
• Agħżel individwi xierqa għax-xogħol
• Spjega/ikkomunika b’mod ċar
• Iċċara x’għandu jitwettaq
• Ipprovdi r-riżorsi neċessarji
• Kun konċernat dwar ix-xogħol, u esprimi l-fiduċja tiegħek
• Kun lest li tieħu r-responsabbiltà finali
[Stampi f’paġna 31]
L-iddelegar jinkludi li tinkariga lil xi ħadd b’xi biċċa xogħol u li tara xi progress qed isir