Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ġesù kien ippriedka mal-pajjiż kollu taʼ Israel. Għalhekk, l-appostlu Pietru kif setaʼ jgħid li l-Lhud u l-ħakkiema tagħhom aġixxew “fl-injoranza” meta qatluh?—Atti 3:17.
Meta kellem lil grupp taʼ Lhud dwar l-irwol tagħhom fil-mewt tal-Messija, l-appostlu Pietru qal: “Naf li dak li għamiltu għamiltuh fl-injoranza, bħalma għamlu wkoll il-ħakkiema tagħkom.” (Atti 3:14-17) Xi Lhud sempliċement ma fehmux lil Ġesù u t-tagħlim tiegħu. Inkwantu għal oħrajn, il-motivi wara l-injoranza spiritwali tagħhom inkludew il-fatt li ma kellhomx xewqa li jogħġbu lil Alla, kif ukoll il-preġudizzju, l-għira, u l-mibegħda.
Ikkunsidra kif il-fatt li ma kellhomx xewqa li jogħġbu lil Ġeħova effettwa l-ħarsa li kellhom ħafna lejn it-tagħlim taʼ Ġesù. Ġesù spiss kien jgħallem bit-tixbihat, li kien jispjegahom lil kulmin kien jixtieq jitgħallem iktar. Iżda, xi wħud minnhom sempliċement telqu ’l hemm u ma tantx għamlu sforz biex jifhmu. Darba minnhom, saħansitra xi dixxipli ħadu għalihom minħabba espressjoni figurattiva li uża Ġesù. (Ġw. 6:52-66) Uħud bħal dawn ma rrealizzawx li t-tixbihat taʼ Ġesù ttestjaw kemm kienu lesti li jbiddlu l-ħsieb u l-aġir tagħhom. (Is. 6:9, 10; 44:18; Mt. 13:10-15) Huma injoraw ukoll profezija dwar li l-Messija kellu juża t-tixbihat fit-tagħlim tiegħu.—Salm 78:2.
Minħabba l-preġudizzju, oħrajn ċaħdu t-tagħlim taʼ Ġesù. Meta għallem fis-sinagoga tal-belt tiegħu, Nazaret, in-nies “stagħġbu.” Imma minflok m’aċċettaw lil Ġesù bħala l-Messija, huma qajmu xi mistoqsijiet dwar it-trobbija tiegħu: “Dan ir-raġel minfejn ġab dan kollu? . . . Dan mhux il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġużeppi u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet m’humiex qegħdin hawnhekk magħna?” (Mk. 6:1-3) It-tagħlim taʼ Ġesù ma kien jiswa xejn f’għajnejn in-nies taʼ Nazaret minħabba t-trobbija umli tiegħu.
Xi ngħidu għall-mexxejja reliġjużi? Il-biċċa l-kbira minnhom ftit li xejn taw kas Ġesù għal raġunijiet simili. (Ġw. 7:47-52) It-tagħlim tiegħu ċaħduh ukoll għaliex kienu jgħiru għal Ġesù, minħabba li kien qed jirċievi ħafna attenzjoni min-nies. (Mk. 15:10) U ħafna wħud prominenti żgur li rreaġixxew ħażin meta kkundannahom għall-ipokrisija u l-qerq tagħhom. (Mt. 23:13-36) Ġesù bix-xieraq ikkundanna l-injoranza intenzjonata tagħhom meta qal: “Gwaj għalikom intom li tafu l-Liġi, għax ħadtu l-muftieħ taʼ l-għarfien; intom stess ma dħaltux [fis-Saltna], u lil min kien dieħel fixkiltuh!”—Lq. 11:37-52.
Għal tliet snin u nofs, Ġesù ppriedka l-aħbar tajba fil-pajjiż. Hu ħarreġ ukoll lil ħafna oħrajn biex jieħdu sehem f’dan ix-xogħol. (Lq. 9:1, 2; 10:1, 16, 17) Ġesù u d-dixxipli tiegħu tant kienu effettivi li l-Fariżej ilmentaw: “Ara, id-dinja kollha marret warajh!” (Ġw. 12:19) Għalhekk, m’aħniex ngħidu li l-biċċa l-kbira mil-Lhud ma kienu jafu assolutament xejn. Madankollu, huma baqgħu bażikament “fl-injoranza” dwar Ġesù bħala l-Messija. Setgħu kabbru l-għarfien tagħhom dwar il-Messija u l-imħabba tagħhom għalih, imma m’għamlux hekk. Xi wħud saru kompliċi fil-mewt taʼ Ġesù. Għaldaqstant, l-appostlu Pietru ħeġġeġ lil ħafna minnhom: “Għalhekk, indmu u duru lura sabiex dnubietkom jitħassrulkom, u b’hekk jiġu staġuni taʼ serħan mingħand Ġeħova nnifsu u jibgħat lil Ġesù, il-Kristu li nħatar għalikom.” (Atti 3:19, 20) Taʼ min jinnota li eluf taʼ Lhud bdew jagħtu kas, inkluż “folla kbira taʼ qassisin.” M’aġixxewx iktar fl-injoranza. Minflok, huma nidmu u kisbu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova.—Atti 2:41; 4:4; 5:14; 6:7.