X’Nistaʼ Nagħtih lil Ġeħova?
Kif rakkontata minn Ruth Danner
B’sens t’umoriżmu, ommi kienet tgħid li l-1933 kienet sena taʼ katastrofi wara l-oħra: Hitler ħa l-poter, il-papa ddikjaraha Sena Mqaddsa, u twilidt jien.
IL-ĠENITURI tiegħi kienu joqogħdu fil-belt taʼ Yutz, f’Lorraine, reġjun storiku fi Franza qrib il-fruntiera mal-Ġermanja. Fl-1921, ommi, li kienet Kattolika devota, iżżewġet lil missieri, li kien Protestant. Oħti l-kbira, Helen, twieldet fl-1922, u l-ġenituri tiegħi għammduha fil-Knisja Kattolika meta kienet għadha tarbija.
Ġurnata waħda fl-1925, missieri rċieva kopja bil-Ġermaniż tal-ktieb The Harp of God. Malli qara dan il-ktieb ikkonvinċa ruħu li kien sab il-verità. Hu kiteb lill-pubblikaturi, li laqqgħuh mal-Bibelforscher, kif kienu magħrufin ix-Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-żmien fil-Ġermanja. Missieri mill-ewwel beda jippriedka dwar dak li kien skopra. Ommi xejn ma ħadet gost b’dan. “Agħmel li trid,” kienet tgħidlu bl-aċċent Ġermaniż ħelu tagħha, “basta ma tmurx maʼ dawk il-Bibelforscher!” Iżda, missieri kien iddeċieda, u fl-1927 tgħammed bħala wieħed minnhom.
Minħabba f’hekk, nannti, omm ommi, bdiet tipprova tikkonvinċi lil ommi biex tiddivorzja lil missieri. Darba minnhom fil-quddiesa, il-qassis wissa lin-nies tal-parroċċa tiegħu biex “iżommu ’l bogħod mill-profeta falz Danner.” Malli nannti marret lura d-dar mill-quddies, tefgħet qasrija mis-sular taʼ fuq tad-dar tagħna għal fuq missieri. Din kienet tqila u għaddiet żbrixx minn maʼ rasu u ġiet fuq spalltu. Dan l-inċident ġiegħel lil ommi taħseb, ‘Reliġjon li ġġiegħel lin-nies tagħha jsiru qattelin ma tistax tkun tajba.’ Hi bdiet taqra l-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. F’qasir żmien ikkonvinċiet ruħha li kienet sabet il-verità u tgħammdet fl-1929.
Il-ġenituri tiegħi għamlu l-almu kollu tagħhom biex Ġeħova jsir reali għalija u għal oħti. Kienu jaqrawlna stejjer mill-Bibbja u mbagħad jistaqsuna għala l-karattri Bibliċi aġixxew kif aġixxew. Matul dak iż-żmien, missieri ma riedx jaħdem ix-xiftijiet taʼ bil-lejl jew taʼ fil-għaxija, avolja d-deċiżjoni tiegħu kienet tfisser ħafna inqas flus għall-familja. Hu ried li jkollu ħin għal-laqgħat Kristjani, għall-ministeru, u għas-sessjonijiet taʼ studju maʼ wliedu.
Jinġemaʼ Sħab Iswed
Il-ġenituri tiegħi kienu spiss juru ospitalità lill-indokraturi li jivvjaġġaw u lill-Beteliti mill-Isvizzera u minn Franza, li kienu jirrakkontawlna dwar id-diffikultajiet li kienu qed
jiffaċċjaw ħutna fil-Ġermanja, ftit kilometri biss ’il bogħod mid-dar tagħna. Il-gvern Nazista kien qed jiddeporta lix-Xhieda taʼ Ġeħova lejn il-kampijiet tal-konċentrament u jifred lit-tfal mill-ġenituri tagħhom li kienu Xhieda.Jien u Helen ġejna preparati biex niffaċċjaw il-provi kbar li kien hemm quddiemna. Il-ġenituri tagħna għenuna nitgħallmu bl-amment xi versi mill-Bibbja li kienu se jkunu taʼ gwida għalina. Kienu jgħidulna: “Jekk ma tkunux tafu x’se taqbdu tagħmlu, aħsbu fi Proverbji 3:5, 6. Jekk tibżgħu mill-provi li jkollkom l-iskola, użaw l-1 Korintin 10:13. Jekk jifirdukom minn magħna, għidu f’qalbkom Proverbji 18:10.” Jien tgħallimt Salm 23 u 91 bl-amment u sirt fiduċjuża li Ġeħova dejjem kien se jipproteġini.
Fl-1940, il-Ġermanja Nazista ħadet taħt idejha lil Alsace-Lorraine, u r-reġim il-ġdid irrikjeda li l-adulti kollha kellhom jingħaqdu mal-partit Nazista. Missieri rrifjuta, u l-Gestapo heddew li jarrestawh. Meta ommi ma riditx tagħmel l-uniformijiet militari, il-Gestapo bdew jheddu lilha wkoll.
L-iskola saret verament diffiċli għalija. Kull ġurnata, fil-klassi tagħna kienu jibdew b’talba għal Hitler, it-tislima “Heil Hitler,” u l-innu nazzjonali b’idhom il-leminija mgħollija ’l fuq. Minflok ma qaluli biex ma nsellimx lil Hitler, il-ġenituri tiegħi għenuni nħarreġ il-kuxjenza tiegħi. Għalhekk, jien minn jeddi ddeċidejt li ma nsellimx lil Hitler. L-għalliema kienu jagħtuni bil-ħarta u jhedduni li jkeċċuni mill-iskola. Darba, meta kelli sebaʼ snin, kelli nidher quddiem it-12-il għalliem kollha taʼ l-iskola. Ipprovaw jisforzawni biex insellem lil Hitler. Minkejja dan, jien bqajt soda bl-għajnuna taʼ Ġeħova.
Waħda mill-għalliema bdiet tipprova tilgħab bl-emozzjonijiet tiegħi. Hi qaltli li kont studenta tajba, li kont ħafna għal qalbha, u li kien se jiddispjaċiha jekk niġi mkeċċija mill-iskola. Qaltli: “Idek m’għandekx għalfejn tgħolliha ħafna. Għolliha ftit biss. U m’hemmx għalfejn tgħid, ‘Heil Hitler!’ Ċaqlaq ftit xofftejk u agħmel taʼ bir-ruħek li qed tgħidha.”
Meta għedt lil ommi x’kienet qed tipprova tagħmel l-għalliema tiegħi, ommi fakkritni fir-rakkont tal-Bibbja dwar it-tliet żgħażagħ Ebrej quddiem l-istatwa li kien waqqaf is-sultan taʼ Babilonja. “X’suppost li kellhom jagħmlu?” staqsietni. “Imilu quddiemha,” wiġibtha. “Li kieku fil-ħin li suppost mielu quddiem ix-xbieha niżlu jaqflu l-lazz taż-żarbun, taħseb li dan kien ikun xieraq? Iddeċiedi int; agħmel dak li taħseb li hu sewwa.” Bħal Sidrak, Mesak, u Għabednego, jien iddeċidejt li l-alleanza tiegħi nagħtiha biss lil Ġeħova.—Dan. 3:1, 13-18.
L-għalliema keċċewni mill-iskola kemm-il darba u heddewni li jifirduni mill-ġenituri tiegħi. Ħassejtni ansjuża ħafna, imma l-ġenituri tiegħi baqgħu jinkuraġġuni. Meta kont nitlaq mid-dar għall-iskola, ommi kienet tgħid talba miegħi, u titlob lil Ġeħova biex jipproteġini. Kont naf li hu se jsaħħaħni biex nibqaʼ soda għall-verità. (2 Kor. 4:7) Missieri qalli li jekk il-pressjoni li kienu jagħmluli kienet issir kbira wisq, ma kellix nibżaʼ mmur id-dar. “Aħna nħobbuk. Int dejjem se tibqaʼ bintna,” qalli. “Il-kwistjoni hija bejnek u bejn Ġeħova.” Dan il-kliem saħħaħli x-xewqa tiegħi li nżomm l-integrità.—Ġob 27:5.
Il-Gestapo spiss kienu jiġu d-dar tagħna jfittxulna biex jaraw isibux pubblikazzjonijiet tax-Xhieda u biex jinterrogaw lill-ġenituri tiegħi. Huma kienu jieħdu lil ommi għal sigħat sħaħ u lil missieri u lil oħti kienu jmorru għalihom fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Ma kontx inkun naf jekk ommi kinitx se tkun id-dar meta kont immur lura mill-iskola. Xi kultant, waħda mill-ġirien kienet tgħidli: “Ħaduha lil ommok.” Imbagħad kont ninħeba fid-dar, u nistaqsi lili nnifsi: ‘Min jaf humiex jittorturawha? Se nerġaʼ naraha xi darba?’
Deportati
Fit-28 taʼ Jannar, 1943, il-Gestapo qajmuna fit-tlieta u nofs taʼ fil-għodu. Huma qalulna li Rum. 8:35-39.
jekk il-ġenituri tiegħi u oħti u jien ningħaqdu mal-partit Nazista, ma konniex se niġu deportati. Ngħatajna tliet sigħat biex inkunu lesti. Ommi kienet diġà ħejjiet għal din is-sitwazzjoni u kienet ippakkjat il-barżakki tagħna b’tibdila ħwejjeġ u Bibbja, u b’hekk użajna l-ħin biex nitolbu u ninkuraġġixxu lil xulxin. Missieri fakkarna li ‘xejn ma setaʼ jifridna mill-imħabba t’Alla.’—Il-Gestapo fil-fatt ġew lura. Qatt ma ninsa lil Anglade, oħt avanzata, li bdiet ixxejrilna bid-dmugħ f’għajnejha waqt li konna sejrin. Il-Gestapo ħaduna sa l-istazzjon tal-ferrovija f’Metz. Wara tlett ijiem fuq il-ferrovija, wasalna Kochlowice, kamp kontrollat mill-kamp t’Auschwitz fil-Polonja. Xahrejn wara, ġejna trasferiti għal Gliwice, kunvent li kien ġie trasformat f’kamp tax-xogħol. In-Nazi qalulna li jekk kull wieħed minna jiffirma dokument li jgħid li aħna ċħadna l-fidi tagħna, huma kienu se jeħilsuna u jagħtuna lura kulma kienu ħadulna. Missieri u ommi rrifjutaw, u s-suldati qalulna, “Qatt m’intom sejrin lura d-dar.”
F’Ġunju ġejna trasferiti lejn Swietochlowice, fejn bdejt inbati b’uġigħ taʼ ras li għadni nbati bih sa llum. Qabduni infezzjonijiet f’subgħajja, u t-tabib neħħieli diversi dwiefer mingħajr loppju. Fuq nota iktar pożittiva, ix-xogħol li kelli kien li naqdi lill-għassiesa u minħabba f’hekk spiss kont immur għand tal-forn. Hemmhekk kien hemm mara li kienet tagħtini xi ħaġa x’niekol.
Sa dak iż-żmien konna għadna flimkien bħala familja, maqtugħin mill-priġunieri l-oħrajn. F’Ottubru taʼ l-1943 intbgħatna f’kamp f’Ząbkowice. Konna norqdu f’sodod taʼ fuq xulxin f’kamra tal-bejt flimkien maʼ xi 60 oħrajn—irġiel, nisa, u tfal. L-SS għamlu ċert li l-ikel li ngħatajna kien diżgustanti u kważi lanqas jittiekel.
Minkejja t-tbatija, aħna qatt ma qtajna qalbna. Konna qrajna fit-Torri taʼ l-Għassa dwar ix-xogħol kbir taʼ ppridkar li kellu jsir wara l-gwerra. Għalhekk, konna nafu għala konna qed insofru u li t-tbatija tagħna dalwaqt kienet se tispiċċa.
Mir-rapporti dwar l-armati taʼ l-Alleati li kienu qed javanzaw indunajna li n-Nazi kienu qed jitilfu l-gwerra. Kmieni fl-1945, l-SS iddeċidew li jabbandunaw il-kamp fejn konna aħna. Fid-19 taʼ Frar ġejna sforzati nimmarċjaw kważi 240 kilometru. Wara erbaʼ ġimgħat, wasalna
Steinfels, il-Ġermanja, fejn l-għassiesa ġabru lill-priġunieri f’minjiera. Ħafna ħasbu li konna se niġu maqtulin. Imma dakinhar waslu l-Alleati, l-SS ħarbu, u l-prova kbira tagħna kienet spiċċat.Nilħaq il-Miri Tiegħi
Fil-5 taʼ Mejju, 1945, wara kważi sentejn u nofs, wasalna d-dar tagħna f’Yutz, maħmuġin u mimlijin qamel. Konna ilna ma nbiddlu ħwejjiġna minn Frar, u għalhekk iddeċidejna li naħarqu dawk il-ħwejjeġ qodma. Niftakar lil ommi tgħidilna: “Jalla din tkun l-isbaħ ġurnata taʼ ħajjitkom. M’għandna xejn. Lanqas il-ħwejjeġ li lebsin m’huma tagħna. Imma l-erbgħa li aħna ġejna lura u bqajna leali. M’għamilna ebda kompromess.”
Domt tliet xhur l-Isvizzera sakemm fiqt, imbagħad mort lura l-iskola, u ma kellix iktar biżaʼ li nitkeċċa. Issa stajna niltaqgħu maʼ ħutna spiritwali u nippridkaw fil-beraħ. Fit-28 t’Awissu, 1947, fl-età taʼ 13-il sena, jien issimbolizzajt pubblikament il-wegħda li kont għamilt lil Ġeħova snin qabel. Missieri għammidni fix-Xmara Moselle. Ridt nibda naqdi bħala pijuniera mill-ewwel, imma missieri insista li nitgħallem sengħa. B’hekk, jien sirt ħajjata. Fl-1951, fl-età taʼ 17-il sena, inħtart pijuniera biex naqdi fil-qrib f’Thionville.
Dik is-sena attendejt assemblea f’Pariġi u applikajt biex naqdi fis-servizz bħala missjunarja. Kont għadni taħt l-età, imma Ħuna Nathan Knorr qalli li kien se jżomm l-applikazzjoni tiegħi “għal iktar tard.” F’Ġunju taʼ l-1952 irċivejt stedina biex nattendi l-21 klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead) f’South Lansing, New York, fl-Amerika.
F’Gilegħad u Wara
X’esperjenza kienet! Spiss kont insibha iebsa li nitkellem fil-pubbliku bil-lingwa tiegħi stess. Issa kelli nitkellem bl-Ingliż. Iżda, l-għalliema bi mħabba inkuraġġewni. Ħu minnhom qalagħhieli Kingdom Smile (Tbissima tas-Saltna) minħabba t-tbissima li kien ikolli fuq wiċċi meta kont nistħi.
Fid-19 taʼ Lulju, 1953, saret il-gradwazzjoni f’Yankee Stadium fi New York, u jien intbgħatt Pariġi biex naqdi hemmhekk flimkien maʼ Ida Candusso (iktar tard Seignobos). Kont nibżaʼ nippriedka lin-nies sinjuri f’Pariġi, imma rnexxieli nibda studju tal-Bibbja maʼ diversi wħud umli. Ida żżewġet u telqet lejn l-Afrika fl-1956, imma jien bqajt Pariġi.
Fl-1960 iżżewwiġt lil ħu mill-Betel, u qdejna bħala pijunieri speċjali f’Chaumont u Vichy. Ħames snin wara mradt bit-tuberkulosi u kelli nieqaf mix-xogħol taʼ pijuniera. Ħassejtni mdejqa ferm minħabba li mindu kont għadni tifla l-mira tiegħi kienet li nidħol fis-servizz full-time u nibqaʼ fih. Ftit taż-żmien wara, żewġi telaqni minħabba mara oħra. L-appoġġ li tawni ħuti spiritwali għenni matul dawk is-snin koroh, u Ġeħova kompla jġorr it-tagħbija tiegħi.—Salm 68:19.
Bħalissa qed noqgħod Louviers, fin-Normandija, qrib l-uffiċċju tal-fergħa taʼ Franza. Minkejja problemi taʼ saħħa, inħossni ferħana li rajt kemm Ġeħova żamm idu fuqi tul ħajti. It-trobbija li ngħatajt tgħinni saħansitra llum biex inżomm spirtu xieraq. Il-ġenituri tiegħi għallmuni li Ġeħova huwa Persuna reali li nistaʼ nħobbu, inkellmu, u li jwieġeb it-talb tiegħi. Tabilħaqq, “x’se nagħti lil Ġeħova għall-benefiċċji kollha li tani?”—Salm 116:12.
[Kumment f’paġna 6]
“Inħossni ferħana li nara kemm Ġeħova żamm idu fuqi tul ħajti”
[Stampa f’paġna 5]
Bil-maskra tal-gass meta kelli sitt snin
[Stampa f’paġna 5]
Mal-missjunarji u l-pijunieri f’Lussemburgu meta kelli 16-il sena u mort fuq kampanja speċjali taʼ ppridkar
[Stampa f’paġna 5]
Maʼ missieri u ommi fil-konvenzjoni taʼ l-1953