Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żrieragħ tal-Verità Jaslu f’Reġjuni Iżolati

Żrieragħ tal-Verità Jaslu f’Reġjuni Iżolati

IR-​REPUBBLIKA taʼ Tuva fir-​Russja tinsab fl-​iktar parti mbiegħda fin-​nofsinhar tas-​Siberja, u fin-​nofsinhar u l-​lvant tagħha hemm il-​Mongolja. Ħafna nies f’Tuva jgħixu f’komunitajiet iżolati li huma diffiċli biex jintlaħqu bil-​messaġġ tas-​Saltna. Madankollu, ftit taż-​żmien ilu, grupp taʼ nies ivvjaġġaw minn diversi partijiet imbegħdin taʼ Tuva għal Kyzyl, il-​kapitali tagħha, sabiex jattendu seminar. Maria, pijuniera f’Kyzyl, saret taf bil-​wasla tagħhom, u rrealizzat li din kienet opportunità rari biex taqsam l-​aħbar tajba magħhom.

Maria tirrakkonta x’ġara: “L-​iskola fejn naħdem bħala għalliema organizzat seminar fuq kif għandu jiġi trattat l-​abbuż tad-​drogi u l-​alkoħol. Kienu se jattendu madwar 50 persuna mill-​iktar reġjuni iżolati taʼ Tuva. Il-​grupp inkluda għalliema, psikoloġi, uffiċjali li jipproteġu t-​tfal, u oħrajn.” Għal Maria, din il-​laqgħa kienet opportunità u sfida. Hi tispjega: “Jien min-​natura tiegħi nistħi, u nsibha diffiċli biex nagħti xiehda b’mod informali. Madankollu, tlabt lil Ġeħova għall-​kuraġġ biex negħleb il-​biżaʼ tiegħi u nuża din l-​opportunità biex nagħti xiehda.” Irnexxielha?

Maria tkompli: “Sibt rivista taʼ Stenbaħ! li ddiskutiet is-​suġġett tal-​fobji. ‘Dan għandu mnejn jinteressa lill-​psikoloġi,’ ħsibt jien, u għalhekk ħadt ir-​rivista miegħi l-​iskola. Dakinhar, waħda mill-​għalliema li kienet qed tattendi s-​seminar ġiet fl-​uffiċċju tiegħi u offrejtilha r-​rivista. Hi aċċettatha minn qalbha. Fil-​fatt, hi qalet li hi nfisha kellha fobja. L-​għada, ħadtilha l-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, l-​Ewwel Volum. Hi aċċettat dan ukoll minn qalbha. Ir-​reazzjoni pożittiva tagħha ġegħlitni naħseb li għalliema oħrajn għandhom mnejn ukoll ikunu interessati f’din il-​pubblikazzjoni. Għalhekk, l-​iskola ħadt kaxxa kotba Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu u pubblikazzjonijiet oħrajn.” Il-​kaxxa ma damitx ma żvojtat. Maria tirrakkonta x’ġara: “Diversi kollegi taʼ l-​għalliema li kont ħallejtilha l-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu ġew fl-​uffiċċju tiegħi u staqsewni, ‘Fejn qed iqassmuhom dawn il-​kotba?’” Kienu ġew fil-​post it-​tajjeb!

L-aħħar ġurnata tas-​seminar kienet is-​Sibt. Maria ma kinitx xogħol, u għalhekk poġġiet il-​letteratura fuq diversi mwejjed fl-​uffiċċju tagħha. Fuq bord, hi kitbet: “Għeżież Għalliema! Tistgħu tieħdu letteratura għalikom u għal xi ħadd li tafuh. Dawn il-​pubblikazzjonijiet eċċellenti se jgħinukom biex ikollkom suċċess f’xogħolkom u se jsaħħu lill-​familji tagħkom.” X’kien ir-​riżultat? “Mort fl-​uffiċċju tiegħi dakinhar u rajt li ħafna mil-​letteratura kienet telqet. Malajr ġibt provvista ġdida taʼ kotba u rivisti.” Sa l-​aħħar tas-​seminar, Maria kienet ħalliet 380 rivista, 173 ktieb, u 34 browxer. Meta dawk li attendew is-​seminar marru lura lejn ir-​reġjuni iżolati fejn kienu jgħixu u jaħdmu, il-​letteratura marret magħhom. Tgħid Maria, “Kemm jien ferħana li ż-​żerriegħa tal-​verità issa laħqet l-​iktar partijiet iżolati taʼ Tuva!”—Ekk. 11:6.

[Mappa f’paġna 32]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara l-​pubblikazjoni)

RUSSJA

REPUBBLIKA TAʼ TUVA