Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Disgħin Sena Ilu Bdejt ‘Niftakar fil-Ħallieq Grandjuż Tiegħi’

Disgħin Sena Ilu Bdejt ‘Niftakar fil-Ħallieq Grandjuż Tiegħi’

KIF RAKKONTATA MINN EDWIN RIDGWELL

F’JUM l-​Armistizju, fil-​11 taʼ Novembru, 1918, it-​tfal fl-​iskola tiegħi nġabru bla mistenni sabiex jiċċelebraw it-​tmiem tal-​Gwerra l-​Kbira, iktar tard imsejħa l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Kelli biss ħames snin u ma kontx fhimt eżatt x’kienet l-​okkażjoni. Xorta waħda, minn dak li kienu għallmuni l-​ġenituri tiegħi dwar Alla kont naf li ma ridtx nieħu sehem f’din iċ-​ċerimonja. Tlabt lil Alla, imma mbagħad ma stajtx nikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħi, u bdejt nibki. Madankollu, ma ħadtx sehem fiċ-​ċelebrazzjoni. Dan kien kif bdejt ‘niftakar fil-​Ħallieq Grandjuż tiegħi.’—Ekk. 12:1.

Ftit tax-​xhur qabel din il-​ġrajja fl-​iskola, il-​familja tagħna marret toqgħod qrib Glasgow fl-​Iskozja. Dik il-​ħabta, missieri attenda taħdita pubblika bit-​titlu “Millions Now Living Will Never Die” (Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa Ma Se Jmutu Qatt). Din biddlitlu ħajtu. Missieri u ommi bdew jistudjaw il-​Bibbja u spiss kienu jitkellmu flimkien dwar is-​Saltna t’Alla u l-​barkiet li kienu se jiġu. Nirringrazzja lil Alla li minn dak iż-​żmien il-​ġenituri tiegħi għallmuni nħobb lil Alla u npoġġi l-​fiduċja tiegħi fih.—Prov. 22:6.

Nibda l-​Ministeru Full-Time Tiegħi

Fl-​età taʼ 15-il sena kkwalifikajt għal edukazzjoni iktar għolja, imma verament xtaqt naqdi bħala ministru full-time. Missieri ħass li kont għadni żgħir wisq, u għalhekk ħdimt f’uffiċċju għal xi żmien. Madankollu, ix-​xewqa li naqdi lil Ġeħova full-time tant kienet kbira li darba minnhom ktibt ittra lil J. F. Rutherford, li dak iż-​żmien kien jindokra x-​xogħol taʼ l-​ippridkar madwar id-​dinja. Staqsejtu x’kien jaħseb dwar il-​pjanijiet tiegħi. Ħuna Rutherford kitibli lura: “Jekk għandek biżżejjed età biex taħdem, għandek biżżejjed età biex tieħu sehem fis-​servizz tal-​Mulej. . . . Nemmen li l-​Mulej se jbierkek jekk tagħmel sforz biex taqdih fedelment.” Din l-​ittra bid-​data taʼ l-​10 taʼ Marzu, 1928, kellha effett profond fuq il-​familja tagħna. Ftit wara, missieri, ommi, oħti l-​kbira, u jien konna qed naqdu bħala ministri full-time.

Fl-1931, f’konvenzjoni f’Londra, Ħuna Rutherford għamel sejħa għal volontieri biex jippridkaw l-​aħbar tajba f’artijiet barranin. Jien tajt ismi bħala volontier, u flimkien m’Andrew Jack, ġejt inkarigat biex naqdi f’Kaunas, li dak iż-​żmien kienet il-​belt kapitali tal-​Litwanja. Kelli 18-il sena.

Nippriedka l-​Messaġġ tas-​Saltna Barra l-​Pajjiż

Dak iż-​żmien, il-​Litwanja kienet soċjetà agrikola fqira, u l-​ippridkar f’postijiet rurali ppreżenta xi sfidi. Kien diffiċli nsibu fejn noqogħdu, u ċerti postijiet fejn qgħadna bqajna niftakruhom għal żmien twil. Per eżempju, lejl minnhom jien u Andrew qomna għax bdejna nħossuna skomdi. Wara li xgħelna l-​lampa taż-​żejt, rajna li s-​sodda kienet miksija b’mijiet taʼ baqq. Gidmuna minn rasna sa saqajna! Kull fil-​għodu għal ġimgħa sħiħa kelli noqgħod bil-​wieqfa fix-​xmara fil-​viċin fl-​ilma kiesaħ li jwassal s’għonqi biex inkun nistaʼ ntaffi l-​uġigħ. Xorta waħda, aħna konna determinati li nkomplu fil-​ministeru tagħna. Ftit wara dan, il-​problema li nsibu fejn noqogħdu ssolviet meta ltqajna maʼ koppja żagħżugħa li kienu ħaddnu l-​verità tal-​Bibbja. Ħallewna noqogħdu d-​dar tagħhom, li kienet żgħira ħafna imma nadifa. Kemm kien aħjar li norqdu maʼ l-​art milli fuq sodda mimlija baqq!

Il-Litwanja dak iż-​żmien kienet dominata mill-​kleru Kattoliku Ruman u Ortodoss Russu. Is-​sinjuri biss setgħu jaffordjaw li jixtru Bibbja. L-​objettiv prinċipali tagħna kien li nkopru kemm nistgħu territorju u nħallu kemm nifilħu letteratura Biblika maʼ dawk li kienu juru interess. L-​ewwel, konna nsibu fejn noqogħdu f’belt. Imbagħad konna nkopru b’attenzjoni l-​inħawi fil-​bogħod, u wara konna nkopru malajr il-​belt infisha. B’dan il-​mod, ġeneralment konna nispiċċaw ix-​xogħol tagħna qabel ma l-​qassisin lokali setgħu jaqilgħulna l-​inkwiet.

Jinqalaʼ l-​Istorbju u Jservi taʼ Pubbliċità

Fl-​1934, Andrew ġie inkarigat biex jaħdem fl-​uffiċċju tal-​fergħa f’Kaunas, u jien u John Sempey bdejna naħdmu flimkien. Kellna esperjenzi memorabbli. Darba minnhom mort inżur uffiċċju t’avukat f’belt żgħira. Ir-​raġel beda jirrabja, ħareġ pistola minn kexxun, u ordnali nitlaq ’il barra. Tlabt f’qalbi u ftakart fil-​parir tal-​Bibbja: “Tweġiba, meta tkun ħelwa, tkeċċi l-​korla.” (Prov. 15:1) Għalhekk, għedtlu, “Ġejt hawn bħala ħabib b’messaġġ t’aħbar tajba, u nirringrazzjak talli kkontrollajt lilek innifsek.” Ir-​raġel neħħa sebgħu minn fuq il-​grillu, u ħriġt b’lura bil-​mod mill-​uffiċċju tiegħu.

Meta wara rġajt iltqajt maʼ John qalli li anki hu kellu esperjenza kerha. Hu kien ittieħed l-​għassa tal-​pulizija għax ġie akkużat b’mod falz li seraq karta tal-​flus taʼ valuta għolja mingħand mara li kien iltaqaʼ magħha. Meta kien l-​għassa, John ġie sforzat ineħħi ħwejġu kollha biex ifittxulu l-​karta tal-​flus. M’għandniex xi ngħidu, il-​karta tal-​flus ma kinitx għandu. Iktar tard inqabad il-​ħalliel veru.

Iż-żewġ ġrajjiet qalgħu l-​istorbju f’dik il-​belt li s-​soltu kienet tkun kwieta, u dan serva biex ix-​xogħol tagħna jkollu pubbliċità estensiva u b’xejn!

Ħidmiet bil-​Moħbi

Inkarigu riskjuż li kellna kien li nieħdu l-​letteratura Biblika fil-​Latvja, wieħed mill-​pajjiżi ġirien, fejn l-​ippridkar tagħna kien projbit. Madwar darba fix-​xahar, konna mmorru l-​Latvja bil-​ferrovija bil-​lejl. Kultant, wara li nħallu l-​letteratura hemmhekk, konna nibqgħu sejrin l-​Estonja biex niġbru iktar letteratura, li konna nħalluha l-​Latvja fil-​vjaġġ tagħna lura.

Darba minnhom, xi ħadd qal lill-​uffiċjal tad-​dwana dwar l-​attività tagħna, u dan ġegħelna ninżlu minn fuq il-​ferrovija u nieħdu l-​letteratura għand l-​uffiċjal taʼ fuqu. Jien u John tlabna lil Ġeħova biex jgħinna. B’sorpriża għalina, l-​uffiċjal ma kienx qal lil dak taʼ fuqu x’konna qed inġorru imma sempliċement qallu, “Dawn l-​irġiel għandhom xi ħaġa x’jiddikjaraw.” Jien “iddikjarajt” dak li ddeskrivejt bħala letteratura li kienet se tgħin lin-​nies fl-​iskejjel u fil-​kulleġġi jifhmu s-​sinifikat taʼ dak li kien qed jiġri fid-​dinja tagħna mimlija inkwiet. L-​uffiċjal tad-​dwana għamlilna sinjal li stajna nibqgħu sejrin, u wassalna l-​letteratura b’wiċċ il-​ġid.

Hekk kif is-​sitwazzjoni politika fl-​Istati Baltiċi bdiet tiddeterjora, żdiedu l-​gruppi li kienu kontra x-​Xhieda u x-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar ġie projbit fil-​Litwanja wkoll. Andrew u John ġew deportati, u minħabba li kienet riesqa t-​Tieni Gwerra Dinjija, is-​sudditi Britanniċi kollha ngħataw il-​parir biex jitilqu. Jien ukoll tlaqt—b’dispjaċir.

Privileġġi u Barkiet fl-​Irlanda taʼ Fuq

Sa dan iż-​żmien il-​ġenituri tiegħi kienu marru joqogħdu l-​Irlanda taʼ Fuq, u fl-​1937, jien ngħaqadt magħhom hemmhekk. Il-​letteratura tagħna kienet ġiet projbita fl-​Irlanda taʼ Fuq ukoll minħabba l-​ġenn tal-​gwerra, imma matul il-​gwerra komplejna nippridkaw. Wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, ix-​xogħol tagħna setaʼ jerġaʼ jitkompla mingħajr restrizzjonijiet legali. Harold King, pijunier taʼ l-​esperjenza li iktar tard qeda bħala missjunarju fiċ-​Ċina, kien minn taʼ quddiem biex jippromwovi u jorganizza t-​taħditiet pubbliċi li kienu jsiru barra fil-​beraħ. “Is-​Sibt li ġej,” qalli, “se nagħti l-​ewwel taħdita tiegħi barra fil-​beraħ.” Ħares lejja u qalli, “Int se tagħti t-​taħdita tas-​Sibt taʼ wara.” Bqajt ixxokkjat.

Niftakarha sew l-​ewwel taħdita tiegħi. Mijiet taʼ nies kienu preżenti. Tajtha bil-​wieqfa fuq kaxxa u bdejt nitkellem mingħajr l-​għajnuna taʼ xi apparat tas-​sawnd. Wara t-​taħdita avviċinani wieħed raġel, ħadli b’idi, u introduċa lilu nnifsu bħala Bill Smith. Hu qalli li kien innota l-​folla u waqaf biex jara x’kien qed jiġri. Inzerta li Bill qabel kien ġie kuntattjat minn missieri imma ma kienx baqaʼ f’kuntatt miegħu meta missieri u ommi tar-​rispett marru joqogħdu Dublin biex jaqdu bħala pijunieri hemmhekk. Bdejna studju tal-​Bibbja. Maż-​żmien, disaʼ membri mill-​familja taʼ Bill saru qaddejja taʼ Ġeħova.

Imbagħad mort nippriedka fl-​inħawi fejn hemm vilel kbar barra l-​belt taʼ Belfast, u hemmhekk iltqajt maʼ Russa li kienet għexet il-​Litwanja. Meta wrejtha xi letteratura, hi ppontat lejn ktieb minnhom u qaltli: “Dak il-​ktieb għandi bħalu. Iz-​ziju tiegħi li hu professur fl-​università taʼ Kaunas tahuli.” Urietni l-​ktieb Creation, bil-​Pollakk. Il-​ġnub tal-​paġni tal-​ktieb kienu mimlijin noti. X’sorpriża kienet għaliha meta saret taf li jien kont il-​wieħed li tajt il-​ktieb lil zijuha meta ltqajt miegħu f’Kaunas!—Ekk. 11:1.

Meta John Sempey semaʼ li kont sejjer l-​Irlanda taʼ Fuq talabni biex inżur lil oħtu ż-​żgħira, Nellie, peress li kienet uriet xi interess fil-​verità tal-​Bibbja. Jien u oħti Connie studjajna l-​Bibbja magħha. Nellie għamlet progress mgħaġġel u ddedikat ħajjitha lil Ġeħova. Maż-​żmien, bdejna noħorġu flimkien u żżewwiġna.

Jien u Nellie qattajna 56 sena flimkien fis-​servizz taʼ Ġeħova u kellna l-​privileġġ ngħinu lil iktar minn mitt persuna jiksbu l-​għarfien tal-​verità tal-​Bibbja. Konna ttamajna li nibqgħu ħajjin u ngħaddu minn Armageddon flimkien għal ġod-​dinja l-​ġdida taʼ Ġeħova, imma l-​għadu kiefer, il-​mewt, ħadhieli fl-​1998. Din kienet daqqa taʼ ħarta kbira għalija—waħda mill-​iktar provi diffiċli taʼ ħajti.

Nirritorna Lejn l-​Istati Baltiċi

Madwar sena wara li mietet Nellie, irċivejt barka taʼ l-​għaġeb. Ġejt mistieden inżur l-​uffiċċju tal-​fergħa f’Tallinn, l-​Estonja. Ittra mill-​aħwa fl-​Estonja spjegat: “Mill-​għaxar aħwa li kienu ġew inkarigati jaqdu fl-​Istati Baltiċi fl-​aħħar tas-​snin 20 u kmieni fis-​snin 30, int l-​uniku wieħed li għadek ħaj.” L-​ittra kompliet tgħid li l-​fergħa kienet qed tipprepara l-​istorja tax-​xogħol fl-​Estonja, fil-​Latvja, u fil-​Litwanja, u mbagħad staqsiet: “Tistaʼ tiġi?”

Xi privileġġ li tirrakkonta l-​esperjenzi li kien ikollna jien u sħabi f’dawk is-​snin bikrin! Fil-​Latvja stajt nuri lill-​aħwa l-​appartament oriġinali li kien jintuża bħala uffiċċju tal-​fergħa u l-​ispazju taʼ fuq il-​bejt fejn konna naħbu l-​letteratura tagħna, li qatt ma nstabet mill-​pulizija. Fil-​Litwanja ħaduni f’belt żgħira jisimha Šiauliai, fejn kont qdejt bħala pijunier. Waqt laqgħa soċjali hemmhekk, ħu qalli: “Ħafna snin ilu jien u ommi xtrajna dar fil-​belt. Konna qed inneħħu l-​imbarazz mill-​kamra tal-​bejt, u sibt il-​kotba The Divine Plan of the Ages u The Harp of God. Meta qrajthom irrealizzajt li kont sibt il-​verità. Bilfors li int kont li ħallejt dawk il-​kotba f’dik id-​dar ħafna snin ilu!”

Attendejt ukoll assemblea tas-​circuit f’belt fejn kont qdejt bħala pijunier. Hemmhekk 65 sena qabel kont attendejt assemblea. Dakinhar kienu attendew 35 persuna. Imma kemm fraħt meta ħarist u rajt iktar minn 1,500 persuna fl-​udjenza! Kemm bierku x-​xogħol Ġeħova!

‘Ġeħova Ma Telaqnix’

Reċentement irċivejt barka li assolutament ma kontx qed nistennieha meta oħt Kristjana mill-​aħjar jisimha Bee aċċettat li tkun marti. Iżżewwiġna f’Novembru taʼ l-​2006.

Nistaʼ naċċerta lil kwalunkwe żagħżugħ li ma jafx x’se jagħmel b’ħajtu li hemm ħafna għerf f’li jagħti kas il-​kliem ispirat: “Ftakar fil-​Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem żgħożitek.” Issa nistaʼ nifraħ bħalma għamel is-​salmista: “Alla, int għallimtni minn żgħożiti ’l quddiem, u s’issa għadni nitkellem dwar l-​għemejjel tiegħek taʼ l-​għaġeb. Sakemm nixjieħ u xagħri jsir griż, O Alla, titlaqnix, sakemm inkun nistaʼ ngħid dwar driegħek lill-​ġenerazzjoni, lil dawk kollha li għad iridu jiġu, dwar is-​setgħa tiegħek.”—Salm 71:17, 18.

[Mappa f’paġna 25]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara l-​pubblikazzjoni)

Inkarigu riskjuż kien li nieħdu l-​letteratura fil-​Latvja

ESTONJA

TALLINN

Golf taʼ Riga

LATVJA

RIGA

LITWANJA

VILNIUS

Kaunas

[Stampa f’paġna 26]

Jien bdejt naqdi bħala “colporteur” (pijunier) fl-​età taʼ 15-il sena fl-​Iskozja

[Stampa f’paġna 26]

Maʼ Nellie fit-​tieġ tagħna, fl-​1942