Familji Kristjani—Imxu Wara l-Eżempju taʼ Ġesù!
“Kristu . . . ħallielkom mudell biex timxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.”—1 PT. 2:21.
1. (a) Bin Alla liema rwol kellu fil-ħolqien? (b) Ġesù kif iħossu dwar l-umanità?
META Alla għamel is-smewwiet u l-art, l-ewwel Iben imwieled tiegħu kien maġenbu “bħala ħaddiem tas-sengħa.” L-Iben t’Alla kkoopera wkoll maʼ Missieru meta Ġeħova ddisinja u ħalaq il-varjetà vasta t’annimali u pjanti hawnhekk fuq l-art u meta Hu pprepara l-Ġenna taʼ l-art li kienet se ssir id-dar tal-ħlejjaq li għamel Ġeħova fuq ix-xbieha u s-sura tiegħu. Bin Alla, li iktar tard sar magħruf bħala Ġesù, kellu mħabba kbira għall-umanità. ‘L-affarijiet li kien jgħożż kienu marbutin maʼ wlied il-bnedmin.’—Prov. 8:27-31; Ġen. 1:26, 27.
2. (a) Ġeħova kif ipprovda għall-umanità imperfetta? (b) Il-Bibbja f’liema qasam wieħed tal-ħajja tipprovdi direzzjoni?
2 Wara li dinbet l-ewwel koppja umana, il-fidwa għall-umanità midinba saret parti importanti mill-iskop taʼ Ġeħova. Ġeħova pprovda s-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Kristu sabiex jagħmel din il-fidwa possibbli. (Rum. 5:8) Barra minn hekk, Ġeħova pprovda l-Kelma tiegħu, il-Bibbja, li tagħti gwida lill-bniedem fuq kif ikun jistaʼ jkampa l-aħjar bl-imperfezzjoni li wiret. (Salm 119:105) Fil-Kelma tiegħu, Ġeħova jipprovdi direzzjoni biex jgħin lin-nies ikollhom familji b’saħħithom u henjin. Rigward iż-żwieġ, il-ktieb tal-Ġenesi jgħid li raġel irid “jingħaqad maʼ martu u huma jsiru ġisem wieħed.”—Ġen. 2:24.
3. (a) Ġesù x’għallem dwar iż-żwieġ? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
3 Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù enfasizza li ż-żwieġ kellu jkun permanenti. Hu għallem prinċipji li meta jiġu applikati, il-membri tal-familja kienu se jiġu megħjunin biex jevitaw attitudnijiet u kondotta li jheddu ż-żwieġ tagħhom jew l-hena tal-familja tagħhom. (Mt. 5:27-37; 7:12) Dan l-artiklu se jiddiskuti kif it-tagħlim taʼ Ġesù u l-eżempju li ta waqt li kien fuq l-art jistgħu jgħinu lill-irġiel, lin-nisa, lill-ġenituri, u lit-tfal biex ikollhom ħajja hienja u sodisfaċenti.
Kif Raġel Kristjan Jonora lil Martu
4. Liema parallel hemm bejn l-irwol taʼ Ġesù u dak taʼ l-irġiel Kristjani miżżewġin?
4 Alla ħatar lir-raġel bħala l-kap tal-familja, sewwasew bħalma Ġesù huwa l-Kap tal-kongregazzjoni. L-appostlu Pawlu qal: “Ir-raġel hu l-kap taʼ martu bħalma l-Kristu wkoll hu l-kap tal-kongregazzjoni, billi hu s-salvatur taʼ dan il-ġisem. Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efes. 5:23, 25) Tabilħaqq, il-mod kif Ġesù ttratta lis-segwaċi tiegħu jpoġġi livell għall-mod kif l-irġiel Kristjani għandhom jittrattaw lin-nisa tagħhom. Ejja nikkunsidraw xi ftit mill-modi kif Ġesù eżerċita l-awtorità tiegħu mogħtija minn Alla.
5. Ġesù kif eżerċita l-awtorità tiegħu fuq id-dixxipli tiegħu?
5 Ġesù kien ‘ġwejjed u umli f’qalbu.’ (Mt. 11:29) Hu wkoll ħa azzjoni deċiżiva meta kien hemm bżonn. Hu qatt ma ttraskura r-responsabbiltajiet tiegħu. (Mk. 6:34; Ġw. 2:14-17) B’qalb tajba hu ta pariri lid-dixxipli tiegħu, saħansitra ripetutament meta kien neċessarju. (Mt. 20:21-28; Mk. 9:33-37; Lq. 22:24-27) Xorta waħda, Ġesù ma kienx iċanfarhom jew jumiljahom, u lanqas ma kien iġegħelhom iħossuhom li m’humiex maħbubin jew li m’humiex kapaċi jwettqu dak li kien qed jgħallimhom jagħmlu. Minflok, hu faħħar u inkuraġġixxa lid-dixxipli tiegħu. (Lq. 10:17-21) Mhux taʼ b’xejn li Ġesù rebaħ ir-rispett tad-dixxipli tiegħu minħabba li ttrattahom bi mħabba u b’mogħdrija!
6. (a) Raġel miżżewweġ x’jistaʼ jitgħallem mill-mod kif Ġesù ttratta lid-dixxipli tiegħu? (b) Pietru liema inkuraġġiment jagħtihom lill-irġiel miżżewġin?
6 L-eżempju taʼ Ġesù jgħallem lill-irġiel miżżewġin li l-istat taʼ kap Kristjan m’huwiex xi pożizzjoni taʼ dominanza ħarxa. Minflok, dan huwa karatterizzat minn rispett u mħabba li tqanqlu biex jagħmel sagrifiċċji. L-appostlu Pietru inkuraġġixxa lill-irġiel miżżewġin biex jimitaw il-modi kollhom imħabba kif kien jaġixxi Ġesù u ‘bl-istess mod jgħammru’ man-nisa tagħhom billi ‘jonorawhom.’ (Aqra l-1 Pietru 3:7.) Allura, raġel miżżewweġ kif jistaʼ jeżerċita l-awtorità tiegħu u fl-istess ħin jittratta lil martu bħala persuna li jistħoqqilha unur?
7. Raġel kif jistaʼ jonora lil martu? Agħti eżempju.
7 Mod wieħed kif raġel jistaʼ jonora lil martu hu billi jikkunsidra sew l-opinjoni tagħha u s-sentimenti tagħha qabel jieħu xi deċiżjoni li teffettwa lill-familja. Forsi trid tittieħed deċiżjoni dwar fejn se jmorru joqogħdu jew jekk ibiddlux ix-xogħol jew dwar kwistjonijiet taʼ kuljum, bħal fejn se jmorru għal vaganza jew kif jaġġustaw il-budget tal-familja sabiex ikampaw maʼ l-għoli tal-ħajja. Minħabba li l-familja se tiġi effettwata, ikun taʼ benefiċċju u taʼ qalb tajba li r-raġel jikkunsidra l-opinjoni taʼ martu, għax b’hekk ikun jistaʼ jieħu deċiżjoni bilanċjata u mimlija konsiderazzjoni, u dan se jagħmilha iktar faċli għaliha biex tappoġġah. (Prov. 15:22) L-irġiel Kristjani li jonoraw lil marthom mhux biss jiksbu l-imħabba u r-rispett tagħha imma, iktar importanti minn hekk, jiksbu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova.—Efes. 5:28, 29.
Kif Mara Turi Rispett Profond Lejn Żewġha
8. L-eżempju t’Eva għala jrid jiġi evitat?
8 Ġesù huwa eżempju perfett taʼ sottomissjoni lejn l-awtorità għan-nisa Kristjani miżżewġin. X’differenza dik bejn il-mod kif hu jqis l-awtorità u l-attitudni li wriet l-ewwel mara miżżewġa umana! Eva ma kinitx eżempju tajjeb għan-nisa miżżewġin li kellhom jiġu warajha. Hi kellha kap inkarigat minn Alla li permezz tiegħu Ġeħova kien jagħtiha l-istruzzjonijiet. Madankollu, Eva ma rrispettatx dan l-arranġament. Hi naqset li taċċetta l-istruzzjoni li taha Adam. (Ġen. 2:16, 17; 3:3; 1 Kor. 11:3) Veru, Eva ġiet imqarrqa; madankollu hi suppost li kellha tikkonsulta maʼ żewġha dwar jekk temminx il-leħen li sostna li qed jgħidilha dak li “Alla jaf.” Minflok, b’mod prużuntuż hi mexxiet lil żewġha.—Ġen. 3:5, 6; 1 Tim. 2:14.
9. Ġesù liema eżempju taʼ sottomissjoni tana?
9 B’kuntrast, Ġesù pprovda l-eżempju perfett taʼ sottomissjoni lejn il-Kap tiegħu. L-attitudni tiegħu u l-mod kif għex ħajtu juru li “ma qagħadx jaħseb li għandu jaħtaf, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla.” Għall-kuntrarju, hu “xejjen lilu nnifsu u ħa s-sura taʼ lsir.” (Flp. 2:5-7) Illum, bħala s-Sultan renjanti, Ġesù jżomm l-istess attitudni. Hu b’umiltà jissottometti ruħu lejn Missieru f’kollox u jappoġġa l-istat taʼ kap Tiegħu.—Mt. 20:23; Ġw. 5:30; 1 Kor. 15:28.
10. Mara kif tistaʼ tappoġġa l-istat taʼ kap taʼ żewġha?
10 Mara Kristjana tagħmel tajjeb jekk timita lil Ġesù billi tappoġġa lil żewġha bħala l-kap tagħha. (Aqra l-1 Pietru 2:21; 3:1, 2.) Ikkunsidra sitwazzjoni li fiha għandha opportunità tagħmel dan. It-tifel għandu bżonn permess biex jieħu sehem f’xi attività li teħtieġ il-permess tal-ġenituri. Minħabba li l-kwistjoni ma tkunx ġiet diskussa minn qabel mill-ġenituri, ikun xieraq li l-omm tistaqsi, “Staqsejtu lil missierek?” Jekk le, hi għandha tiddiskuti l-kwistjoni mar-raġel tagħha qabel ma tiddeċiedi xi ħaġa. Iktar minn hekk, mara Kristjana żgur li m’għandhiex tikkontradixxi lil żewġha jew tisfida l-opinjoni tiegħu quddiem it-tfal. Jekk ma taqbilx maʼ żewġha fuq xi ħaġa, hi għandha titkellem miegħu fil-privat.—Efes. 6:4.
L-Eżempju taʼ Ġesù għall-Ġenituri
11. Ġesù liema eżempju tahom lill-ġenituri?
11 Għalkemm Ġesù ma żżewwiġx u ma kellux tfal, hu eżempju eċċellenti għall-ġenituri Kristjani. Kif? Hu bi mħabba u paċenzja għallem lid-dixxipli tiegħu bil-kliem u bl-eżempju. Hu wriehom kif kellhom iwettqu l-inkarigu li tahom. (Lq. 8:1) Id-dispożizzjoni u l-kondotta taʼ Ġesù lejn id-dixxipli tiegħu għallmithom kif kellhom jittrattaw lil xulxin.—Aqra Ġwanni 13:14-17.
12, 13. X’inhu meħtieġ mill-ġenituri jekk iridu li jrabbu tfal li jibżgħu minn Alla?
12 It-tfal għandhom it-tendenza li jimitaw lill-ġenituri tagħhom, kemm fit-tajjeb u kemm fil-ħażin. Għalhekk, ġenituri, staqsu lilkom infuskom: ‘Liema messaġġ qed ngħaddu lit-tfal tagħna meta niġu għall-ammont taʼ ħin li niddedikaw għat-televixin u d-divertiment u għall-ammont taʼ ħin li niddedikaw għall-istudju tal-Bibbja u l-parteċipazzjoni fil-laqgħa tas-servizz? X’inhuma tassew il-prijoritajiet tal-familja tagħna? Qed nagħtu aħna eżempju tajjeb billi niċċentraw ħajjitna u d-deċiżjonijiet tagħna fuq il-qima vera?’ Il-liġi t’Alla l-ewwel trid tkun f’qalb il-ġenituri stess jekk iridu li jrabbu tfal li jibżgħu minn Alla.—Dt. 6:6.
13 Jekk il-ġenituri jistinkaw biex japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja fl-affarijiet taʼ kuljum, it-tfal żgur li se jinnotaw dan. Il-kliem u t-tagħlim tal-ġenituri se jinfluwenzaw lit-tfal tagħhom. Madankollu, jekk it-tfal jindunaw li hemm livell doppju, huma għandhom mnejn jaslu għall-konklużjoni li l-prinċipji Bibliċi m’humiex daqshekk importanti jew prattiċi. Minħabba f’hekk, it-tfal jistgħu jkunu iktar inklinati li jċedu meta jiffaċċjaw il-pressjonijiet tad-dinja.
14, 15. Il-ġenituri liema valuri għandhom jikkultivaw f’uliedhom, u liema hu mod wieħed kif jistgħu jagħmlu dan?
14 Il-ġenituri Kristjani jirrealizzaw li t-trobbija tat-tfal tirrikjedi iktar milli jipprovdulhom il-bżonnijiet materjali tagħhom. Għalhekk, tassew ma jkunx għaqli li tgħallem lit-tfal ifittxu miri li jservu biss għall-vantaġġ materjali tagħhom. (Ekk. 7:12) Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-valuri u l-miri spiritwali l-prijorità tagħhom. (Mt. 6:33) Għalhekk, sabiex jimitaw lil Ġesù, il-ġenituri Kristjani għandhom ukoll jistinkaw biex jikkultivaw fit-tfal tagħhom xewqa li jfittxu miri spiritwali.
15 Mod wieħed kif il-ġenituri jistgħu jagħmlu dan hu billi jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li t-tfal tagħhom jistaʼ jkollhom biex jassoċjaw maʼ dawk li jaqdu fis-servizz full-time. Ikkunsidra kemm jistaʼ jkun inkuraġġanti għaż-żgħażagħ biex isiru jafu lill-pijunieri jew lill-indokratur tas-circuit u l-mara tiegħu. Missjunarji, Beteliti, u wħud li jaħdmu fil-kostruzzjoni taʼ bini internazzjonali li jkunu qed iżuru l-kongregazzjoni jistgħu jitkellmu b’entużjażmu dwar il-ferħ taʼ li taqdi lil Ġeħova. Żgur li viżitaturi bħal dawn se jkollhom esperjenzi interessanti x’jirrakkontaw. L-eżempju tagħhom f’li kienu lesti jissagrifikaw lilhom infushom fis-servizz jistaʼ jgħin ħafna lit-tfal tiegħek biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin, jagħmlu miri taʼ min ifaħħarhom, u jieħdu edukazzjoni xierqa biex ikunu jistgħu jmantnu lilhom infushom fis-servizz full-time.
Tfal—X’Se Jgħinkom Timxu Wara l-Eżempju taʼ Ġesù?
16. Ġesù kif onora lill-ġenituri tiegħu fuq l-art u lil Missieru tas-sema?
16 Tfal, Ġesù jipprovdi eżempju eċċellenti għalikom ukoll. Ġesù ngħata lil Ġużeppi u Marija biex jieħdu ħsiebu, u hu obdiehom. (Aqra Luqa 2:51.) Hu rrikonoxxa li, minkejja l-imperfezzjonijiet tagħhom, huma ġew fdati bir-responsabbiltà mogħtija minn Alla biex jieħdu ħsiebu. Minħabba f’hekk, kellhom jiġu onorati. (Dt. 5:16; Mt. 15:4) Meta kiber, Ġesù dejjem għamel l-affarijiet li jogħġbu lil Missieru tas-sema. Dan kien ifisser li jirreżisti t-tentazzjoni. (Mt. 4:1-10) Intom iż-żgħażagħ kultant tistgħu tiġu ttantati biex ma tobdux lill-ġenituri tagħkom. Għalhekk, x’jistaʼ jgħinkom timxu wara l-eżempju taʼ Ġesù?
17, 18. (a) X’tip taʼ pressjoni jiffaċċjaw iż-żgħażagħ fl-iskola? (b) Iż-żgħażagħ iridu jiftakru liema ħaġa li tistaʼ tgħinhom jirreżistu l-provi?
17 Wisq probabbli, ħafna minn sħabek tal-klassi ftit li xejn għandhom rispett għal-livelli tal-Bibbja. Huma għandhom mnejn jipprovaw iġegħluk tieħu sehem f’attivitajiet dubjużi u jwaqqgħuk għaċ-ċajt meta tirrifjuta. Ġieli jgħajruk sħabek taʼ l-iskola minħabba li tirrifjuta li tieħu sehem magħhom f’ċerti attivitajiet? Jekk inhu hekk, kif tirreaġixxi? Int taf li jekk tħalli lilek innifsek tiġi intimidat u tagħmel bħalhom se tiddiżappunta lill-ġenituri tiegħek u lil Ġeħova. Kif se tispiċċa jekk tagħmel bħal sħabek taʼ l-iskola? Forsi int għamilt xi miri għalik innifsek, bħal li ssir pijunier regulari jew qaddej ministerjali, li taqdi f’territorju fejn il-bżonn għall-proklamaturi tas-Saltna hu akbar, jew li ssir Betelit. Se tiġi megħjun tilħaq dawn il-miri jekk tagħmilha maʼ sħabek taʼ l-iskola?
18 Intom iż-żgħażagħ fil-kongregazzjoni Kristjana, qatt issibu lilkom infuskom f’sitwazzjonijiet meta l-fidi tagħkom tiġi mġarrba? Kif twieġbu? Aħsbu fix-xempju tagħkom, Ġesù. Hu rrifjuta li jċedi għat-tentazzjoni u żamm sod maʼ dak li kien jaf li hu tajjeb. Jekk iżżommu dan f’moħħkom se tiġu msaħħin biex tgħidu lil sħabkom taʼ l-iskola b’mod ċar li intom ma tridux tissieħbu magħhom f’xi ħaġa li tafu li hi ħażina. Bħal Ġesù, ibqgħu ffokati fuq il-prospetti taʼ ħajja f’servizz hieni u ubbidjenza lejn Ġeħova.—Ebr. 12:2.
Il-Fattur Prinċipali Meħtieġ Għal Ħajja tal-Familja Hienja
19. Liema tip taʼ ħajja jġib hena veru?
19 Alla Ġeħova u Ġesù Kristu jridu l-aħjar għall-umanità. Anki fl-istat imperfett tagħna, huwa possibbli għalina li ngawdu ammont t’hena. (Is. 48:17, 18; Mt. 5:3) Ġesù għallem il-veritajiet reliġjużi li jipprovdu bażi għall-hena taʼ l-umanità, imma mhux dan biss għallem lid-dixxipli tiegħu. Ġesù għallem ukoll l-aqwa mod taʼ ħajja. Iktar minn hekk, hu ħalla eżempju prattiku taʼ ħajja u attitudni bilanċjata. Ilkoll kemm aħna, hu x’inhu l-irwol tagħna fil-familja, nistgħu nibbenefikaw jekk nimxu wara l-eżempju tiegħu. Għalhekk, irġiel, nisa, ġenituri, u tfal, imxu wara l-eżempju taʼ Ġesù! Jekk inħaddnu t-tagħlim taʼ Ġesù u nimitaw l-eżempju tiegħu żgur li se ngawdu ħajja tal-familja sodisfaċenti u hienja.
Int Kif Twieġeb?
• L-irġiel miżżewġin kif jistgħu jeżerċitaw l-awtorità tagħhom mogħtija minn Alla?
• Mara miżżewġa kif tistaʼ timita l-eżempju taʼ Ġesù?
• Il-ġenituri x’jistgħu jitgħallmu mill-mod kif Ġesù ttratta lid-dixxipli tiegħu?
• Iż-żgħażagħ x’jistgħu jitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġesù?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 8]
Qabel ma jieħu deċiżjoni li teffettwa lill-familja, x’jagħmel raġel li jħobb?
[Stampa f’paġna 9]
Liema sitwazzjoni tipprovdi opportunità lil mara biex tappoġġa l-istat taʼ kap taʼ żewġha?
[Stampa f’paġna 10]
It-tfal jimitaw id-drawwiet tajbin tal-ġenituri tagħhom