Il-Kooperazzjoni Twassal Għal Progress Spiritwali
SPIRTU taʼ kooperazzjoni hu essenzjali għal dawk li jridu jagħmlu progress f’li jrabbu familja li jkun moħħha f’affarijiet spiritwali. Meta Ġeħova ħalaq lill-ewwel koppja, hu enfasizza kemm hi bżonnjuża l-kooperazzjoni. Eva kellha taħdem m’Adam bħala l-“għajnuna” tiegħu. (Ġen. 2:18) Iż-żwiġijiet għandhom ikunu sħubija, bir-raġel u l-mara jappoġġaw lil xulxin. (Ekk. 4:9-12) Sabiex jitwettaq l-irwol li Ġeħova jagħti lill-ġenituri u lit-tfal jeħtieġ ukoll li jkun hemm kooperazzjoni.
Il-Qima Bħala Familja
Barry u Heidi għandhom ħamest itfal. Huma jsibu li l-fatt li jaħdmu flimkien biex ikollhom l-istudju tal-Bibbja tal-familja jgħinhom jagħmlu progress. Barry jispjega: “Għall-istudju tal-familja, minn żmien għal żmien jien nagħti lit-tfal inkarigi żgħar. Forsi ngħidilhom jippreparaw kummenti bbażati fuq artikli minn Stenbaħ! Ukoll, ikollna sessjonijiet biex nipprattikaw dak li nkunu se ngħidu fis-servizz taʼ l-għalqa sabiex kull wieħed mit-tfal ikollu preżentazzjoni preparata.” Heidi żżid: “Ilkoll kemm aħna għandna lista taʼ miri spiritwali li rridu nilħqu, u minn żmien għal żmien nirriveduhom matul l-istudju tal-familja sabiex naraw xi progress inkunu qed nagħmlu.” Din il-koppja ssib ukoll li meta f’ċerti ġranet b’mod regulari ma jixegħlux it-televixin, il-familja kollha jkollha l-opportunità biex toqgħod taqra fil-kwiet.
Il-Laqgħat tal-Kongregazzjoni
Mike u Denise rabbew erbat itfal. Il-familja tagħhom kif ibbenefikat minħabba li ħadmu flimkien? Mike jgħid: “Kultant, anki l-iktar pjanijiet maħsubin sew ma rnexxewx, imma sibna li l-kooperazzjoni għenitna biex immorru għal-laqgħat fil-ħin.” Denise tispjega: “Meta t-tfal kienu qed jikbru, kull wieħed minnhom kellu biċċa xogħol x’jagħmel. Kim, it-tifla tagħna, kienet tgħin fit-tisjir u tarma l-mejda.” It-tifel tagħhom Michael jiftakar: “It-Tlieta fil-għaxija kellna laqgħa tal-kongregazzjoni fid-dar tagħna. Għalhekk, konna nnaddfu l-kamra, nikinsu l-art, u noħorġu s-siġġijiet.” Matthew, tifel ieħor, iżid: “Missieri kien jagħmel ċert li jiġi mix-xogħol kmieni meta kien ikollna l-laqgħat u jgħinna llestu għal-laqgħa.” X’kienu r-riżultati?
Kull Sforz Jiswa
Mike jirrakkonta: “Fl-1987, jien u Denise bdejna naqdu bħala pijunieri. Dak iż-żmien, tlieta mit-tfal tagħna kienu għadhom jgħixu d-dar. Tnejn minnhom saru pijunieri, u l-oħrajn qdew fi proġetti tal-bini taʼ Betel. Il-familja tagħna kellha wkoll il-ferħ li tgħin lil 40 individwu differenti jiddedikaw lilhom infushom u jitgħammdu. Kellna wkoll il-privileġġ li naħdmu bħala familja fi proġetti taʼ bini, saħansitra barra l-pajjiż.”
Tabilħaqq, żgur li kull sforz jiswa meta l-familja tikkoopera flimkien. Tistgħu ssibu modi oħrajn kif tistgħu tikkooperaw flimkien bħala familja? Tistaʼ tibqaʼ ċert li l-ispirtu taʼ kooperazzjoni se jgħin lill-familja tiegħek tagħmel iktar progress spiritwali.
[Stampa f’paġna 28]
Sessjonijiet biex nipprattikaw x’se ngħidu fis-servizz taʼ l-għalqa jgħinuna nagħmlu progress