Imita lil Ġesù—Ippriedka bil-Qlubija
“Għamilna l-qalb . . . biex ngħidulkom l-aħbar tajba.”—1 TESS. 2:2.
1. L-aħbar tajba tas-Saltna għala tiġbdek daqshekk?
KEMM hu pjaċevoli li tismaʼ aħbarijiet tajbin! U l-aqwa aħbar minnhom kollha hi l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Din l-aħbar tajba tassigurana dwar tmiem għas-sofferenza, għall-mard, għall-uġigħ, għan-niket, u għall-mewt. Tiftaħ it-triq għall-ħajja taʼ dejjem, tirrivela l-iskop t’Alla, u turina kif nistgħu nidħlu f’relazzjoni kollha mħabba miegħu. Forsi taħseb li kulħadd kien se jithenna meta jismaʼ din l-aħbar li Ġesù qasam maʼ l-umanità. Iżda, b’sogħba, dan m’huwiex il-każ.
2. Spjega l-istqarrija taʼ Ġesù: “Jien ġejt biex nifred.”
2 Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Taħsbux li ġejt inġib il-paċi fuq l-art; ma ġejtx inġib il-paċi, imma sejf. Għax jien ġejt biex nifred, raġel minn missieru, u bint minn ommha, u mara żagħżugħa mill-kunjata tagħha. Tabilħaqq, bniedem ikollu n-nies taʼ daru stess għedewwa tiegħu.” (Mt. 10:34-36) Minflok ma jħaddnu l-aħbar tajba, il-biċċa l-kbira min-nies jiċħduha. Xi wħud jagħmlu lilhom infushom għedewwa taʼ dawk li jxandruha, anki jekk dawn ikunu membri mill-qrib taʼ l-istess familja.
3. X’għandna bżonn sabiex inwettqu l-inkarigu tagħna biex nippridkaw?
3 Aħna nxandru l-istess veritajiet li xandar Ġesù, u malli jisimgħuhom, in-nies jirreaġixxu kontrina llum bħalma rreaġixxew ħafna kontrih lura f’dak iż-żmien. Hekk tistenna li jsir. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ilsir mhux akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Ġw. 15:20) F’ħafna pajjiżi ma niffaċċjawx persekuzzjoni diretta, imma żgur li niltaqgħu maʼ l-istmerrija u l-apatija. Għaldaqstant għandna bżonn il-fidi u l-kuraġġ biex nissaportu fix-xogħol tagħna taʼ li nippridkaw l-aħbar tajba bil-qlubija.—Aqra t-2 Pietru 1:5-8.
4. Pawlu għala kellu bżonn ‘jagħmel il-qalb’ biex jippriedka?
4 Forsi kultant issibha diffiċli biex tieħu sehem fil-ministeru, jew xi aspett minnu għandu mnejn jidher li jintimidak. Jekk inhu hekk, m’intix waħdek. L-appostlu Pawlu kien predikatur qalbieni u ma jibżax u kellu qabda soda mal-verità, u madankollu kien hemm drabi meta saħansitra hu kellu jissielet biex jippriedka. Lill-Kristjani f’Tessalonika, Pawlu kitbilhom: “Wara li sofrejna u konna mżebilħin f’Filippi, bħalma tafu, għamilna l-qalb permezz t’Alla tagħna biex ngħidulkom l-aħbar tajba t’Alla b’taħbit kbir.” (1 Tess. 2:2) Ġo Filippi l-awtoritajiet kienu sawtu lil Pawlu u lil sieħbu Sila bil-bsaten, tefgħuhom il-ħabs, u rabtulhom saqajhom fil-qjud. (Atti 16:16-24) Minkejja dan, Pawlu u Sila ‘għamlu l-qalb’ biex ikomplu jippridkaw. Aħna kif nistgħu nagħmlu l-istess? Biex inwieġbu din il-mistoqsija, ejja nikkunsidraw x’kien li għen lill-qaddejja t’Alla fi żminijiet Bibliċi biex jgħidu bil-qlubija l-verità dwar Ġeħova, u ejja nitgħallmu kif nistgħu nimitaw l-eżempju tagħhom.
Meħtieġa l-Qlubija Biex Niffaċċjaw l-Għadwa
5. Il-qlubija għala dejjem kienet meħtieġa minn dawk leali lejn Ġeħova?
5 M’għandniex xi ngħidu, l-eżempju suprem tal-kuraġġ u l-qlubija kien Ġesù Kristu. Xorta waħda, mill-bidu taʼ l-istorja tal-bniedem ’l hawn, il-qlubija dejjem kienet meħtieġa minn dawk kollha leali lejn Ġeħova. Għala? Wara r-ribelljoni fl-Għeden, Ġeħova bassar li kellu jkun hemm għadwa bejn dawk li jaqdu lil Alla u dawk li jaqdu lil Satana. (Ġen. 3:15) Din l-għadwa malajr saret evidenti meta Abel, raġel sewwa, inqatel minn ħuh. Iktar tard, l-għadwa kienet diretta kontra Enok, raġel leali ieħor li għex qabel id-Dilluvju. Hu pprofetizza li Alla kellu jiġi bil-mirjadi mqaddsa Tiegħu biex jagħmel ġudizzju minn dawk li m’għandhomx devozzjoni lejn Alla. (Ġuda 14, 15) Dan il-messaġġ żgur li ma kienx popolari. In-nies kienu jobogħduh lil Enok, u b’mod evidenti kienu joqtluh kieku ma ħadux Ġeħova. Xi qlubija wera Enok!—Ġen. 5:21-24.
6. Mosè għala kellu bżonn il-qlubija meta kellem lill-Fargħun?
6 Aħseb, ukoll, dwar il-qlubija li wera Mosè meta kellem lill-Fargħun, ħakkiem li ma kienx meqjus bħala sempliċi rappreżentant taʼ l-allat, imma bħala alla nnifsu, bin Ra, l-alla xemx. Jistaʼ jkun li hu, bħall-Fargħunijiet l-oħrajn, kien iqim ix-xbieha tiegħu stess. Il-kelma tal-Fargħun kienet liġi; il-ħakma tiegħu kienet titmexxa permezz taʼ digrieti. Peress li kien potenti, arroganti, u stinat, il-Fargħun ma kienx imdorri li jkollu lil oħrajn jgħidulu x’għandu jagħmel. Kien quddiem dan ir-raġel li Mosè, ragħaj ġwejjed, deher kemm-il darba—bla mistieden u mhux milqugħ. U x’bassar Mosè? Kastigi qerrieda. U x’esiġa? Permess biex diversi miljuni taʼ lsiera tal-Fargħun jitilqu mill-pajjiż! Kellu bżonn qlubija Mosè? Assolutament!—Num. 12:3; Ebr. 11:27.
7, 8. (a) Uħud leali taʼ żmien twil ilu minn liema provi għaddew? (b) X’għen lil dawk li għexu qabel żmien il-Kristjanità biex juru l-qlubija sabiex jappoġġaw u jippromwovu l-qima pura?
7 Matul is-sekli taʼ wara, il-profeti u qaddejja leali oħrajn t’Alla komplew jieħdu waqfa kuraġġuża favur il-qima pura. Id-dinja taʼ Satana ma kinitx ħanina magħhom. Pawlu jistqarr: “Kienu mħaġġrin, kienu provati, kienu mħanxrin min-nofs, mietu minfudin bis-sejf, iġġerrew lebsin il-ġlud tan-nagħaġ u l-ġlud tal-mogħoż, waqt li kienu fil-bżonn, fit-tribulazzjoni, u trattati ħażin.” (Ebr. 11:37) X’għen lil dawk il-qaddejja leali t’Alla biex jibqgħu sodi? Ftit versi qabel, l-appostlu semma x’kien li saħħaħ lil Abel, Abraham, Sara, u oħrajn biex jissaportu. Hu stqarr: “Ma qalgħux it-twettiq tal-wegħdi, imma [bil-fidi] rawhom mill-bogħod u laqgħuhom.” (Ebr. 11:13) Bla dubju, profeti bħal Elija, Ġeremija, u wħud leali oħrajn li għexu qabel żmien il-Kristjanità u li ddefendew bil-qlubija l-qima vera kienu megħjunin bl-istess mod biex jissaportu billi żammew għajnejhom iffokati fuq il-wegħdi taʼ Ġeħova.—Titu 1:2.
8 Dawk l-uħud leali li għexu qabel żmien il-Kristjanità ħarsu lejn futur mill-isbaħ u taʼ min jixtiequ. Malli jiġu rxoxtati, huma eventwalment se jaslu għall-perfezzjoni u se ‘jinħelsu mill-jasar tat-taħsir’ permezz tas-servizzi saċerdotali taʼ Kristu Ġesù u l-144,000 li huma sotto-qassisin tiegħu. (Rum. 8:21) Iktar minn hekk, Ġeremija u qaddejja qalbenin oħrajn t’Alla fi żmien il-qedem għamlu l-kuraġġ minħabba l-assiguranza taʼ Ġeħova, riflessa fil-wegħda tiegħu lil Ġeremija: “Dawn jiġġieldu kontrik imma ma jegħlbukx, għax ‘jien miegħek,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘biex neħilsek.’” (Ġer. 1:19) Illum, meta nirriflettu fuq il-wegħdi t’Alla għall-futur tagħna u l-assiguranza tiegħu taʼ protezzjoni spiritwali, aħna niġu msaħħin bl-istess mod.—Prov. 2:7; aqra t-2 Korintin 4:17, 18.
L-Imħabba Qanqlet lil Ġesù Biex Jippriedka bil-Qlubija
9, 10. Ġesù b’liema modi wera l-qlubija quddiem (a) il-mexxejja reliġjużi, (b) ġemgħa taʼ suldati, (ċ) il-qassis il-kbir, (d) Pilatu?
9 Ġesù, ix-Xempju tagħna, wera l-qlubija tiegħu b’diversi modi. Per eżempju, għalkemm kien mibgħud minn dawk li kellhom il-qawwa u l-awtorità, Ġesù ma dgħajjifx il-messaġġ li Alla ried li n-nies ikunu jafuh. Hu bla biżaʼ kixef lill-mexxejja reliġjużi potenti bħala li kienu sewwa f’għajnejhom stess kif ukoll li kienu jgħallmu tagħlim falz. Dawn l-irġiel kienu kundannati, u Ġesù qalilhom hekk bi kliem kemm dirett kif ukoll ċar. Darba minnhom, hu qalilhom: “Gwaj għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! Għax qiskom oqbra mbajda, li minn barra veru jidhru sbieħ imma minn ġewwa mimlijin bl-għadam taʼ nies mejtin u b’kull nuqqas taʼ ndafa. Bl-istess mod intom ukoll, minn barra veru tidhru nies sewwa f’għajnejn ħaddieħor, imma minn ġewwa mimlijin ipokrisija u ksur tal-liġi.”—Mt. 23:27, 28.
10 Konfrontat minn ġemgħa taʼ suldati fil-ġnien tal-Ġetsemani, Ġesù bil-kuraġġ kollu qalilhom min kien. (Ġw. 18:3-8) Iktar tard ittieħed quddiem is-Sinedriju u ġie interrogat mill-qassis il-kbir. Avolja kien jaf li l-qassis il-kbir kien qed ifittex skuża biex joqtlu, Ġesù bla biżaʼ kkonferma li Hu kien kemm Kristu kif ukoll Bin Alla. Hu żied li huma kellhom jarawh “bil-qiegħda fuq il-lemin tal-qawwa u ġej mas-sħab tas-sema.” (Mk. 14:53, 57-65) Ftit wara dan, Ġesù, marbut, kien wieqaf quddiem Pilatu, li setaʼ jeħilsu. Imma Ġesù baqaʼ sieket bi tweġiba għall-akkużi li kienu qed jinġiebu kontrih. (Mk. 15:1-5) Dan kollu kien jirrikjedi kuraġġ kbir.
11. Il-qlubija kif inhi relatata maʼ l-imħabba?
11 Lil Pilatu, Ġesù fil-fatt qallu: “Għal dan jien twilidt, u għal dan ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità.” (Ġw. 18:37) Ġeħova kien inkariga lil Ġesù biex jippriedka l-aħbar tajba, u Ġesù kienet l-għaxqa tiegħu li jagħmel dan għaliex kien iħobb lil Missieru tas-sema. (Lq. 4:18, 19) Ġesù kellu wkoll imħabba għan-nies. Kien jaf li l-ħajjiet tagħhom kienu diffiċli. Bl-istess mod, l-għoti taʼ xiehda tagħna bil-qlubija u bla biżaʼ għandu għeruq fondi fl-imħabba lejn Alla u fl-imħabba lejn il-proxxmu.—Mt. 22:36-40.
L-Ispirtu Qaddis Jagħtina l-Qawwa Biex Nippridkaw bil-Qlubija
12. X’ġabilhom ferħ lid-dixxipli tal-bidu?
12 Fil-ġimgħat taʼ wara l-mewt taʼ Ġesù, id-dixxipli kellhom raġun għalxiex jithennew hekk kif Ġeħova kien qed iżid dixxipli ġodda biex jingħaqdu magħhom. Tabilħaqq, f’jum wieħed biss ġew mgħammdin xi 3,000 Lhudi u proselit, minn ħafna pajjiżi, li kienu f’Ġerusalemm biex jiċċelebraw Pentekoste! Min jaf kemm sar diskors dwar dan f’dik il-fortizza Lhudija! Il-Bibbja tgħid: “Beda jaqaʼ biżaʼ fuq kull ruħ, u bdew iseħħu ħafna għeġubijiet u sinjali permezz taʼ l-appostli.”—Atti 2:41, 43.
13. L-aħwa għala talbu għall-qlubija, u b’liema riżultat?
13 Irrabjati, il-mexxejja reliġjużi arrestaw lil Pietru u lil Ġwanni, żammewhom maqfulin matul il-lejl, u ordnawlhom biex ma jitkellmux dwar Ġesù. Malli ġew meħlusin, it-tnejn li huma rrapportaw lill-aħwa x’kien ġara, u lkoll talbu dwar l-oppożizzjoni li ffaċċjaw, billi għamlu din ir-rikjesta: “Ġeħova, . . . agħmel li l-ilsiera tiegħek jibqgħu jitkellmu l-kelma tiegħek bil-qlubija kollha.” X’kien ir-riżultat? “Ilkoll imtlew bl-ispirtu qaddis u bdew ixandru l-kelma t’Alla bil-qlubija.”—Atti 4:24-31.
14. L-ispirtu qaddis kif jgħinna fl-ippridkar tagħna?
14 Innota li kien l-ispirtu qaddis u qawwi taʼ Ġeħova li għen lid-dixxipli jitkellmu l-kelma t’Alla bil-qlubija. Il-kuraġġ biex ngħidu l-verità lil oħrajn, saħansitra lil dawk li jopponu l-messaġġ tagħna, ma jiddependix minna. Ġeħova jistaʼ u se jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu jekk nitolbuh jagħmel dan. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, aħna wkoll nistgħu nuru l-qlubija meħtieġa biex noħorġu rebbiħin meta niffaċċjaw kwalunkwe oppożizzjoni.—Aqra Salm 138:3.
Il-Kristjani Llum Jippridkaw bil-Qlubija
15. Il-verità llum kif tifred lin-nies?
15 Fi żmienna, bħal fl-imgħoddi, il-verità tkompli tifred lin-nies. Xi wħud iwieġbu favorevolment, filwaqt li oħrajn la jifhmu u lanqas japprezzaw il-forma taʼ qima tagħna. Xi wħud jikkritikawna, jirridikolawna, jew saħansitra jobogħduna, sewwasew bħalma bassar Ġesù. (Mt. 10:22) Kultant, aħna nkunu l-mira taʼ informazzjoni żbaljata u propaganda malizzjuża permezz tal-mezzi tax-xandir. (Salm 109:1-3) Madankollu, maʼ l-art kollha, in-nies taʼ Ġeħova jiddikjaraw l-aħbar tajba bil-qlubija.
16. Liema esperjenza turi li l-qlubija tistaʼ tbiddel il-ħarsa taʼ dawk li nippridkawlhom?
16 Il-qlubija tagħna tistaʼ ġġiegħel lin-nies ibiddlu l-attitudni tagħhom lejn il-messaġġ tas-Saltna. Oħt f’Kirgiżstan tirrakkonta: “Waqt li kont barra fix-xogħol taʼ l-ippridkar, inkwilin qalli: ‘Jien nemmen b’Alla imma mhux bl-Alla Kristjan. Jekk terġaʼ tiġi qrib dan ir-rixtellu, inkeskislek il-kelb!’ Warajh kien hemm bulldog kbir ħafna marbut b’katina. Imma matul il-kampanja biex inqassmu l-fuljett Aħbar tas-Saltna Nru. 37, ‘It-Tmiem tar-Reliġjon Falza Hu Qrib!,’ jien iddeċidejt li mmur lura fl-istess dar bit-tama li niltaqaʼ maʼ xi ħadd ieħor mill-membri l-oħrajn tal-familja taʼ dak ir-raġel. Madankollu, l-istess raġel fetaħ il-bieb. Jien tlabt malajr lil Ġeħova u mbagħad lir-raġel għedtlu: ‘Kif int? Niftakar x’konversazzjoni kellna tlett ijiem ilu, u niftakar ukoll il-kelb tiegħek. Imma ma stajtx nibqaʼ għaddejja għaliex preċiż bħalek, jien nemmen bl-Alla wieħed u veru. Alla dalwaqt se jikkastiga lir-reliġjonijiet li jiddiżonorawh. Tistaʼ ssir taf iktar dwar dan billi taqra dan il-fuljett.’ Ħaġa taʼ l-iskantament, ir-raġel aċċetta l-fuljett Aħbar tas-Saltna. Imbagħad mort inħabbat bieb ieħor. Ftit minuti wara, ir-raġel ġie jiġri warajja bil-fuljett Aħbar tas-Saltna f’idu. ‘Qrajtu,’ qalli. ‘X’għandi bżonn nagħmel biex il-korla t’Alla ma tiġix fuqi?’” Ir-raġel beda jistudja u beda jattendi l-laqgħat Kristjani.
17. Il-qlubija t’oħt kif saħħet lil studenta tal-Bibbja li kellha l-biżaʼ mill-bniedem?
17 Il-qlubija tagħna tistaʼ wkoll tinkuraġġixxi lil oħrajn biex ikunu qalbenin. Fir-Russja waħda oħt li kienet qed tivvjaġġa bil-karozza tal-linja offriet rivista lil passiġġiera oħra. Meta ra dan, raġel qam mis-sit tiegħu, ħataf ir-rivista minn idejn l-oħt, għaffiġha, u xeħitha maʼ l-art. Waqt li beda jgħajjat u jidgħilha, hu insista li l-oħt tagħtih l-indirizz tagħha u wissieha biex ma tippridkax fir-raħal. L-oħt talbet lil Ġeħova għall-għajnuna u fakkret lilha nfisha l-kliem taʼ Ġesù: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem.” (Mt. 10:28) Bil-kalma, hi qamet bil-wieqfa u qalet lir-raġel, “M’iniex se nagħtik l-indirizz tiegħi, u se nkompli nippriedka fir-raħal.” Imbagħad niżlet mill-karozza tal-linja. L-oħt ma kinitx taf li studenta tal-Bibbja tagħha inzertat li kienet fuq l-istess karozza tal-linja. Din il-mara kienet ħalliet il-biżaʼ mill-bniedem iżommha milli tattendi l-laqgħat Kristjani. Madankollu, wara li osservat il-qlubija t’oħtna, l-istudenta tal-Bibbja ddeċidiet li tibda tattendi l-laqgħat.
18. X’se jgħinek tippriedka bil-qlubija, kif għamel Ġesù?
18 F’din id-dinja mbiegħda minn Alla teħtieġ il-qlubija biex tippriedka kif għamel Ġesù. X’se jgħinek tagħmel dan? Ħares lejn il-futur. Żomm imħabbtek lejn Alla u l-proxxmu b’saħħitha. Itlob lil Ġeħova għall-kuraġġ. Ftakar dejjem li qatt m’int waħdek, għax Ġesù hu miegħek. (Mt. 28:20) L-ispirtu qaddis se jsaħħek. U Ġeħova se jbierkek u jappoġġak. Għalhekk, jalla nkunu mimlijin kuraġġ u ngħidu: “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-bniedem?”—Ebr. 13:6.
Int Kif Twieġeb?
• Il-qlubija għala hi meħtieġa mill-qaddejja t’Alla?
• Sabiex inkunu qalbenin, x’nitgħallmu . . .
minn uħud leali li għexu qabel Kristu?
minn Ġesù Kristu?
mill-Kristjani tal-bidu?
minn sħabna l-Kristjani llum?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 21]
Ġesù kixef bla biżaʼ lill-mexxejja reliġjużi
[Stampa f’paġna 23]
Ġeħova jagħtina l-kuraġġ biex nippridkaw