Timxi Int fit-“Triq li Tisboqhom Ilkoll” taʼ l-Imħabba?
“ALLA hu mħabba.” Dan il-kliem taʼ l-appostlu Ġwanni jidentifika l-iktar kwalità dominanti li għandu Alla. (1 Ġw. 4:8) Hija l-imħabba li għandu Alla għall-umanità li tagħmilha possibbli għalina li nersqu qrib lejh u li jkollna relazzjoni persunali miegħu. B’liema mod ieħor teffettwana l-imħabba t’Alla? Intqal: “Aħna magħġunin u msawrin minn dak li nħobbu.” Dan hu minnu. Madankollu, hu minnu wkoll li aħna magħġunin u msawrin minn min inħobbu u minn min iħobbna. Minħabba li maħluqin fix-xbieha t’Alla, aħna għandna l-abbiltà li nirriflettu l-imħabba t’Alla f’ħajjitna. (Ġen. 1:27) Għalhekk, l-appostlu Ġwanni kiteb li aħna nħobbu lil Alla “għax hu ħabbna l-ewwel.”—1 Ġw. 4:19.
Erbaʼ Kelmiet li Jiddeskrivu l-Imħabba
L-appostlu Pawlu sejjaħ l-imħabba t-“triq li tisboqhom ilkoll.” (1 Kor. 12:31) Għala ddeskriva l-imħabba b’dan il-mod? Pawlu għal liema tip taʼ mħabba kien qed jirreferi? Sabiex insiru nafu, ejja neżaminaw mill-qrib it-tifsira tal-kelma “mħabba.”
Il-Griegi tal-qedem kellhom erbaʼ kelmiet bażiċi, użati f’diversi forom, biex jiddeskrivu l-imħabba: storge, eros, filja, u agape. Minn dawn, it-terminu agape huwa użat biex jiddeskrivi l-Alla li “hu mħabba.” a Dwar din l-imħabba, il-Professur William Barclay fin-New Testament Words tiegħu jgħid: “Agape għandha x’taqsam mal-moħħ: m’hijiex sempliċement xi emozzjoni li titqanqal spontanjament fi qlubna; hija prinċipju li ngħixu bih deliberatament. Agape għandha x’taqsam b’mod suprem mar-rieda.” F’dan il-kuntest, agape hija mħabba li hija gvernata, jew gwidata, minn prinċipju, imma spiss tkun akkumpanjata minn emozzjonijiet qawwijin. Minħabba li hemm prinċipji tajbin u ħżiena, huwa evidenti li l-Kristjani għandhom jiġu gwidati minn prinċipji tajbin, li huma stabbiliti fil-Bibbja minn Alla Ġeħova nnifsu. Meta nqabblu d-deskrizzjonijiet Bibliċi t’agape maʼ termini oħrajn użati fil-Bibbja biex jiddeskrivu l-imħabba, se nifhmu aħjar l-imħabba li għandna nuru.
L-Imħabba fil-Familja
Kemm hu sabiħ li tkun parti minn familja kollha mħabba u magħquda! Storge kienet il-kelma Griega li spiss intużat biex tirreferi għall-affezzjoni b—2 Tim. 3:1, 3.
naturali li teżisti bejn il-membri taʼ l-istess familja. Il-Kristjani jistinkaw biex juru mħabba lejn il-membri tal-familja tagħhom. Pawlu pprofetizza li fl-aħħar jiem, in-nies in ġenerali kienu se jkunu “mingħajr imħabba naturali.”L-imħabba naturali li għandha teżisti bejn il-membri tal-familja b’dispjaċir hija nieqsa fid-dinja taʼ llum. Ħafna ommijiet li qed jistennew tarbija għala jagħmlu abort? Ħafna familji għala ma jurux interess fil-ġenituri tagħhom imdaħħlin fiż-żmien? Ir-rata tad-divorzju għala tkompli tiżdied b’mod allarmanti? It-tweġiba fil-fatt hi, Nuqqas taʼ mħabba naturali.
Barra minn hekk, il-Bibbja tgħallem li “l-qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra.” (Ġer. 17:9) L-imħabba fil-familja tinvolvi lil qalbna u s-sentimenti tagħna. Iżda huwa interessanti li Pawlu uża agape biex jiddeskrivi l-imħabba li raġel għandu juri lejn martu. Pawlu qabbel din l-imħabba maʼ l-imħabba li juri Kristu lejn il-kongregazzjoni. (Efes. 5:28, 29) Din l-imħabba hi bbażata fuq prinċipji stabbiliti minn Ġeħova, l-Oriġinatur taʼ l-arranġament tal-familja.
L-imħabba ġenwina għall-membri tal-familja tqanqalna biex nuru interess fil-ġenituri tagħna mdaħħlin fiż-żmien jew timmotivana biex inkunu responsabbli taʼ wliedna. Tqanqal ukoll lill-ġenituri biex juru dixxiplina bl-imħabba maʼ wliedhom meta jkun hemm bżonn u żżomm lura lill-ġenituri milli jaġixxu biss fuq is-sentimenti, li spiss jirriżultaw f’attitudni permissiva żżejjed lejn it-tfal.—Efes. 6:1-4.
L-Imħabba Romantika u l-Prinċipji Bibliċi
L-imħabba fiżika bejn raġel u mara fl-arranġament taż-żwieġ hi verament rigal mingħand Alla. (Prov. 5:15-17) Madankollu, il-kelma eros, li tirreferi għall-imħabba romantika, ma tintużax mill-kittieba ispirati tal-Bibbja. Għala le? Xi snin ilu, It-Torri taʼ l-Għassa għamel dan il-kumment: “Illum id-dinja kollha tidher li qed tagħmel l-istess żball li għamlu l-Griegi tal-qedem. Huma kienu jqimu lil Eros bħala alla, mielu quddiem l-artal tiegħu u offrewlu sagrifiċċji. . . . Imma l-istorja turi li qima bħal din lejn l-imħabba sesswali ġabet biss degradazzjoni, tbaħrid u qerda. Forsi hu għalhekk li l-kittieba tal-Bibbja m’użawx din il-kelma.” Sabiex nevitaw li ninvolvu ruħna f’relazzjonijiet ibbażati purament fuq attrazzjoni fiżika, is-sentimenti romantiċi jridu jkunu moderati, jew kontrollati, mill-prinċipji Bibliċi. Għalhekk, staqsi lilek innifsek, ‘Huma s-sentimenti romantiċi tiegħi bilanċjati bl-imħabba vera għall-parti l-oħra fiż-żwieġ?’
Matul “il-fjur taż-żgħożija” meta l-impulsi sesswali jkunu ġeneralment qawwijin ħafna, iż-żgħażagħ li jżommu l-prinċipji Bibliċi jibqgħu moralment nodfa. (1 Kor. 7:36; Kol. 3:5) Aħna nqisu ż-żwieġ bħala rigal sagru mingħand Ġeħova. Ġesù qal dwar koppji miżżewġin: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mt. 19:6) Minflok ma nibqgħu flimkien dment li hemm attrazzjoni min-naħa tat-tnejn, aħna nqisu ż-żwieġ bħala impenn serju. Meta jqumu l-problemi fiż-żwieġ, ma nfittxux l-iktar triq faċli biex noħorġu minnu, imma nistinkaw bil-ħeġġa kollha biex nuru kwalitajiet divini sabiex nagħmlu l-ħajja tal-familja tagħna hienja. Sforzi bħal dawn se jġibu hena dejjiemi.—Efes. 5:33; Ebr. 13:4.
L-Imħabba Bejn il-Ħbieb
Il-ħajja tkun monotona mingħajr ħbieb! Proverbju Bibliku jgħid: “Hemm ħabib li jintrabat miegħek iktar minn ħuk.” (Prov. 18:24) Ġeħova jrid li jkollna ħbieb ġenwini. Ir-rabta mill-qrib tal-ħbiberija mill-qalb taʼ bejn David u Ġonatan hija magħrufa sew. (1 Sam. 18:1) U l-Bibbja tgħid li Ġesù “kellu affezzjoni” lejn l-appostlu Ġwanni. (Ġw. 20:2) Il-kelma Griega għal “affezzjoni” jew “ħbiberija” hija filja. M’hemm xejn ħażin li jkollok ħabib tal-qalb fil-kongregazzjoni. Madankollu, fit-2 Pietru 1:7, aħna inkuraġġiti biex inżidu l-imħabba (agape) maʼ “l-affezzjoni lejn l-aħwa” (filadelfja, kelma komposta minn filos, il-kelma Griega għal “ħabib,” u adelfos, il-kelma Griega għal “ħu”). Sabiex ingawdu ħbiberiji li jibqgħu, irridu napplikaw dan il-parir. Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Huma s-sentimenti tiegħi taʼ ħbiberija bilanċjati bil-prinċipji tal-Bibbja?’
Il-Kelma t’Alla tgħinna nevitaw il-parzjalità fil-mod kif nittrattaw lil ħbiebna. Aħna ma nimxux b’livell doppju: livell relattivament iktar permissiv għal ħbiebna u livell differenti u iktar strett għal dawk li m’humiex ħbiebna. Barra minn hekk, aħna ma noqogħdux infaħħru lil oħrajn sabiex nagħmlu ħbieb magħhom. Fuq kollox, jekk napplikaw prinċipji Bibliċi se jkollna d-dixxerniment meħtieġ biex inkunu selettivi meta nagħżlu l-ħbieb u biex nevitaw ‘kumpanija ħażina li tħassar id-drawwiet siewja.’—1 Kor. 15:33.
Rabta Unika taʼ Mħabba!
Ir-rabta li tgħaqqad lill-Kristjani hija verament unika! L-appostlu Pawlu kiteb: “Ħa tkun imħabbitkom mingħajr ipokrisija. . . . Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-aħwa.” (Rum. 12:9, 10) Tabilħaqq, il-Kristjani jgawdu ‘mħabba (agape) mingħajr ipokrisija.’ Din l-imħabba m’hijiex limitata għal xi emozzjoni li tfur fi qlubna. Minflok, għandha għeruq fondi fil-prinċipji Bibliċi. Madankollu, Pawlu jitkellem ukoll dwar “imħabba lejn l-aħwa” (filadelfja) u “affezzjoni tenera” (filostorgos, kelma komposta minn filos u storge). Skond wieħed studjuż, l-“imħabba lejn l-aħwa” hija “mħabba mimlija affezzjoni, turi qalb tajba, simpatija, toffri għajnuna.” Flimkien maʼ l-agape, tħeġġeġ sħubija fost l-aduraturi taʼ Ġeħova. (1 Tess. 4:9, 10) L-espressjoni l-oħra, tradotta “affezzjoni tenera,” tidher darba biss fil-Bibbja u tirreferi għal li wieħed ikun f’intimità kollha mħabba, bħal ġo familja. c
Ir-rabta li tgħaqqad il-veri Kristjani hi taħlita taʼ mħabba fil-familja u affezzjoni għall-ħbieb veri, u r-relazzjonijiet kollha huma gvernati mill-imħabba bbażata fuq prinċipji Bibliċi. Il-kongregazzjoni Kristjana m’hijiex xi klabb soċjali jew organizzazzjoni sekulari, imma familja magħquda fil-qima lejn Alla Ġeħova. Aħna nsejħu lil sħabna fit-twemmin bħala ħutna, u nqisuhom b’dak il-mod. Huma parti mill-familja spiritwali tagħna, inħobbuhom bħala ħbieb, u dejjem naġixxu magħhom fi qbil mal-prinċipji Bibliċi. Jalla lkoll kemm aħna nkomplu nikkontribwixxu għar-rabta taʼ mħabba li tgħaqqadna u tidentifikana bħala l-kongregazzjoni Kristjana vera.—Ġw. 13:35.
[Noti taʼ taħt]
a Agape hija wkoll użata f’kuntesti negattivi.—Ġw 3:19; 12:43; 2 Tim. 4:10; 1 Ġw. 2:15-17.
b L-espressjoni “mingħajr imħabba naturali” hija traduzzjoni tal-forma storge bil-prefiss negattiv a, li jfisser “mingħajr.”—Ara wkoll Rumani 1:31.
c Fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida, kliem Grieg ieħor jiġi tradott ukoll bħala “affezzjoni tenera.” Għalhekk, f’din il-verżjoni, “affezzjoni tenera” ma tidhirx biss f’Rumani 12:10 imma wkoll f’Filippin 1:8 u fl-1 Tessalonikin 2:8.
[Kumment f’paġna 12]
Int kif tikkontribwixxi għar-rabta taʼ mħabba li tgħaqqadna?