Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħajja taʼ Dejjem fuq l-Art—Tama li Nstabet mill-Ġdid

Ħajja taʼ Dejjem fuq l-Art—Tama li Nstabet mill-Ġdid

“O Danjel, agħlaq il-​kliem . . . sa żmien it-​tmiem. Ħafna jfittxu fih bir-​reqqa, u l-​għarfien veru jkun abbundanti.”​—DAN. 12:4.

1, 2. Liema mistoqsijiet se jiġu kunsidrati f’dan l-​artiklu?

 MILJUNI taʼ nies illum jifhmu b’mod ċar il-​bażi Skritturali għat-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-​art. (Riv. 7:9, 17) Fil-​bidu tal-​istorja umana, Alla rrivela li l-​bniedem ma nħalaqx biex jgħix għal ftit snin u mbagħad imut, imma biex jgħix għal dejjem.​—Ġen. 1:26-28.

2 Il-​prospett li l-​umanità terġaʼ tikseb il-​perfezzjoni li tilef Adam kien parti mit-​tama t’Israel. L-​Iskrittura Griega Kristjana tispjega l-​mezz li bih Alla se jagħmilha possibbli għall-​umanità biex tgħix għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art. Allura, it-​tama tal-​bniedem għala kellha tinstab mill-​ġdid? Kif ġiet rivelata u mgħarrfa lil miljuni taʼ nies?

Tama Moħbija

3. Għala mhijiex sorpriża li t-​tama tal-​umanità taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art ġiet moħbija?

3 Ġesù bassar li profeti foloz kienu se jgħawġu t-​tagħlim tiegħu u li l-​maġġuranza tan-​nies kienu se jiġu żvijati. (Mt. 24:11) L-​appostlu Pietru wissa lill-​Kristjani: “Ikun hemm ukoll għalliema foloz fostkom.” (2 Pt. 2:1) L-​appostlu Pawlu tkellem dwar ‘perijodu taʼ żmien meta [in-nies] ma kinux se jittolleraw it-​tagħlim mimli saħħa, imma, fi qbil max-​xewqat tagħhom, kienu se jiġbru għalliema madwarhom biex jgħarrxulhom widnejhom.’ (2 Tim. 4:3, 4) Satana hu involut f’li jqarraq bin-​nies u uża l-​Kristjanità apostata biex jaħbi l-​verità li tqawwi l-​qalb dwar l-​iskop t’Alla għall-​bniedem u għall-​art.​—Aqra t-2 Korintin 4:3, 4.

4. Liema tama tal-​umanità ċaħdu l-​mexxejja reliġjużi apostati?

4 L-​Iskrittura tispjega li s-​Saltna t’Alla hija gvern fis-​sema, u din se tfarrak u ttemm il-​ħakmiet umani kollha. (Dan. 2:44) Matul il-​ħakma t’elf sena taʼ Kristu, Satana se jiġi maqful f’abbiss, il-​mejtin se jiġu rxoxtati, u l-​umanità se terġaʼ tikseb il-​perfezzjoni fuq l-​art. (Riv. 20:1-3, 6, 12; 21:1-4) Madankollu, il-​mexxejja reliġjużi apostati tal-​Kristjaneżmu ħaddnu ideat oħrajn. Pereżempju, Oriġene taʼ Lixandra, wieħed mill-​Missirijiet tal-​Knisja tat-​tielet seklu, ikkundanna lil dawk li emmnu li l-​Millennju kien se jġib barkiet fuq l-​art. It-​teologu Kattoliku Wistin taʼ Ħippo (354-430 E.K.) “appoġġa l-​idea li ma kienx se jkun hemm millennju,” tgħid The Catholic Encyclopedia. a

5, 6. Oriġene u Wistin għala opponew il-​millennjaliżmu?

5 Oriġene u Wistin għala opponew il-​millennjaliżmu? Oriġene kien student taʼ Klement taʼ Lixandra, li adotta l-​idea taʼ ruħ immortali mit-​tradizzjoni Griega. Minħabba li kien influwenzat ħafna mill-​ideat taʼ Platun dwar ir-​ruħ, Oriġene “inkluda l-​idea taʼ Platun dwar ir-​ruħ u d-​destin tagħha fid-​duttrina Kristjana,” josserva t-​teologu Werner Jaeger. B’hekk, Oriġene għallem li kwalunkwe barka tal-​Millennju ma setgħetx tkun għall-​art imma kellha tkun fil-​qasam spiritwali.

6 Qabel ma kkonverta għall-​“Kristjanità” fl-​età taʼ 33 sena, Wistin kien sar Neoplatonist​—segwaċi taʼ verżjoni tal-​filosofija taʼ Platun żviluppata minn Plotinu fit-​tielet seklu. Wara l-​konverżjoni taʼ Wistin, l-​irraġunar tiegħu xorta baqaʼ Neoplatoniku. Skont The New Encyclopædia Britannica, hu kien il-​moħħ wara t-​taħlita tat-​tagħlim tat-​Testment il-​Ġdid mat-​tagħlim taʼ Platun. Wistin spjega r-​Renju t’Elf Sena msemmi f’Rivelazzjoni kapitlu 20 billi ta “spjegazzjoni simbolika tiegħu,” tgħid The Catholic Encyclopedia. Din tkompli tgħid: “Din l-​ispjegazzjoni . . . ġiet adottata minn teoloġi tal-​Punent li ġew warajh, u t-​twemmin oriġinali f’millennju fuq l-​art ma baqax jiġi appoġġat.”

7. Liema twemmin falz dgħajjef it-​tama tal-​bniedem taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art, u kif?

7 It-​tama tal-​umanità taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art iddgħajfet minħabba idea li kienet komuni f’Babilonja tal-​qedem u nfirxet madwar id-​dinja​—l-​idea li l-​bniedem għandu ruħ jew spirtu immortali li sempliċement jgħix f’ġisem fiżiku. Meta l-​Kristjaneżmu adotta din l-​idea, xi teoloġi għawġu l-​Iskrittura biex dawk is-​siltiet li jiddeskrivu t-​tama tas-​sema jagħmluhom jidhru li qed jgħallmu li n-​nies tajbin kollha jmorru fis-​sema. Skont din l-​opinjoni, il-​ħajja t’individwu fuq l-​art hija biss temporanja​—prova biex jiġi determinat jekk jistħoqqlux ħajja fis-​sema. Xi ħaġa simili seħħet lit-​tama oriġinali tal-​Lhud taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art. Hekk kif il-​Lhud bil-​mod il-​mod adottaw l-​idea Griega tal-​immortalità inerenti tar-​ruħ, it-​tama oriġinali tagħhom taʼ ħajja fuq l-​art intesiet. Kemm hu differenti dan mill-​mod kif il-​bniedem hu deskritt fil-​Bibbja! Il-​bniedem hu ħliqa fiżika, mhux xi spirtu. Ġeħova qal lill-​ewwel bniedem: “Trab int.” (Ġen. 3:19) L-​art, mhux is-​sema, hija l-​post fejn il-​bniedem se jgħix għal dejjem.​—Aqra Salm 104:5; 115:16.

Il-​Verità Tleħħ fid-​Dlam

8. Xi studjużi tas-​seklu 17 x’qalu dwar it-​tama tal-​bniedem?

8 Għalkemm il-​maġġuranza mir-​reliġjonijiet li jistqarru li huma Kristjani jiċħdu t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art, Satana mhux dejjem irnexxielu jaħbi l-​verità. Matul iż-​żminijiet, xi wħud li qraw il-​Bibbja b’attenzjoni raw leħħiet tal-​verità hekk kif fehmu xi aspetti dwar kif Alla se jerġaʼ jwassal lill-​umanità għall-​perfezzjoni. (Salm 97:11; Mt. 7:13, 14; 13:37-39) Sas-​seklu 17, it-​traduzzjoni u l-​istampar tal-​Bibbja kienu għenu biex l-​Iskrittura Mqaddsa tkun disponibbli iktar. Fl-​1651, wieħed studjuż kiteb li ladarba permezz t’Adam il-​bnedmin “tilfu l-​Ġenna tal-​art, u l-​Ħajja Eterna fuq l-​Art,” hekk ukoll fil-​Kristu “l-​bnedmin kollha se jkunu jistgħu jgħixu fuq l-​Art; għax inkella x-​xebh ma jkunx xieraq.” (Aqra l-1 Korintin 15:21, 22.) John Milton (1608-1674), wieħed mill-​iktar poeti famużi fost dawk li jitkellmu bl-​Ingliż, kiteb il-​poeżija Paradise Lost (Il-Ġenna tal-​Art Mitlufa) u l-​poeżija li tkompli magħha Paradise Regained (Il-Ġenna tal-​Art Terġaʼ Tinkiseb). Fil-​kitbiet tiegħu, Milton irrefera għall-​premju li dawk leali se jirċievu f’ġenna tal-​art. Għalkemm Milton iddedika ħafna minn ħajtu għall-​istudju tal-​Bibbja, hu rrikonoxxa li l-​verità Skritturali ma kinitx se tinftiehem għalkollox qabel il-​preżenza taʼ Kristu.

9, 10. (a) Isaac Newton x’kiteb dwar it-​tama tal-​umanità? (b) Iż-​żmien għall-​preżenza taʼ Kristu għala deher ’il bogħod għal Newton?

9 Il-​matematiku famuż Sir Isaac Newton (1642-1727) ukoll kellu interess profond fil-​Bibbja. Hu fehem li l-​qaddisin se jiġu rxoxtati għall-​ħajja fis-​sema u se jaħkmu b’mod inviżibbli maʼ Kristu. (Riv. 5:9, 10) Rigward is-​sudditi tas-​Saltna, hu kiteb: “L-​art se tkompli tkun abitata minn bnedmin mortali wara jum il-​ġudizzju u dan mhux biss għal 1000 sena imma saħansitra għal dejjem.”

10 Newton ħaseb li kellhom jgħaddu s-​sekli biex tasal il-​preżenza taʼ Kristu. “Raġuni waħda għala Newton ħaseb li s-​Saltna t’Alla kienet daqstant fil-​futur kienet minħabba li kien pessimist għall-​aħħar dwar l-​apostasija tat-​Trinità li ra madwaru u li kellha għeruqha fil-​fond,” qal l-​istorjografu Stephen Snobelen. L-​aħbar tajba kienet għadha bħallikieku mgħottija b’velu. U Newton ma ra l-​ebda grupp Kristjan li setaʼ jippritkaha. Hu kiteb: “Dawn il-​profeziji taʼ Danjel u Ġwanni [tal-aħħar miktuba fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni] m’għandhomx jiġu mifhumin sa żmien it-​tmiem.” Newton spjega: “‘Imbagħad,’ jgħid Danjel, ‘ħafna se jiġru l’hemm u l’hawn, u l-​għarfien se jiżdied.’ Għax l-​Evanġelju jrid jiġi pritkat lill-​ġnus kollha qabel it-​tribulazzjoni l-​kbira, u t-​tmiem tad-​dinja. Il-​kotra kbira mill-​ġnus kollha bil-​friegħi tal-​palm f’idejhom, li se toħroġ minn din it-​tribulazzjoni l-​kbira, ma tistax tkun tant numeruża li ma tistax tingħadd, sakemm ma ssirx hekk bl-​ippritkar tal-​Evanġelju qabel ma tasal.”​—Dan. 12:4; Mt. 24:14; Riv. 7:9, 10.

11. It-​tama tal-​umanità għala baqgħet moħbija għall-​biċċa l-​kbira min-​nies fi żmien Milton u Newton?

11 Fi żmien Milton u Newton, kien perikoluż li wieħed jesprimi ideat li ma kinux fi qbil mad-​duttrina uffiċjali tal-​knisja. Għalhekk, il-​biċċa l-​kbira minn dak li kitbu dwar ir-​riċerka tagħhom mill-​Bibbja ġie stampat wara li mietu. Ir-​Riforma tas-​seklu 16 naqset milli tikkoreġi t-​tagħlim falz dwar l-​immortalità inerenti tar-​ruħ, u l-​knejjes Protestanti prinċipali komplew jgħallmu l-​idea taʼ Wistin li l-​Millennju kien fil-​passat, mhux fil-​futur. Żdied l-​għarfien fiż-​żmien tat-​tmiem?

“L-​Għarfien Veru Jkun Abbundanti”

12. L-​għarfien veru meta kellu jsir abbundanti?

12 Rigward “żmien it-​tmiem,” Danjel bassar żvilupp pożittiv ħafna. (Aqra Danjel 12:3, 4, 9, 10.) Ġesù qal: “F’dak iż-​żmien in-​nies sewwa jiddu bħax-​xemx.” (Mt. 13:43) L-​għarfien veru kif sar abbundanti fi żmien it-​tmiem? Ikkunsidra xi żviluppi storiċi li seħħew bejn l-​1870 u l-​1914, is-​sena li fiha beda żmien it-​tmiem.

13. Charles Taze Russell x’kiteb wara li eżamina s-​suġġett taʼ kif il-​bniedem jistaʼ jerġaʼ jsir perfett?

13 Lejn l-​aħħar tas-​seklu 19, xi individwi sinċieri kienu qed ifittxu biex jiksbu fehma tal-​“mudell taʼ kliem mimli saħħa.” (2 Tim. 1:13) Wieħed minn dawn l-​individwi kien Charles Taze Russell. Fl-​1870, hu u ftit oħrajn li kienu qed ifittxu l-​verità fformaw klassi għall-​istudju tal-​Bibbja. Fl-​1872 eżaminaw is-​suġġett taʼ kif il-​bniedem jistaʼ jerġaʼ jsir perfett bħal Adam. Iktar tard, Russell kiteb: “Sa dak iż-​żmien ma konniex rajna biċ-​ċar id-​distinzjoni kbira bejn il-​premju tal-​knisja, li issa kienet qed tiġi eżaminata, u l-​premju tal-​uħud leali tad-​dinja.” Il-​premju għal dawn tal-​aħħar se jkun “tiġdid għall-​perfezzjoni tan-​natura umana li kien gawda fl-​Għeden Adam, il-​proġenitur u l-​kap tagħhom.” Russell irrikonoxxa li kien ġie megħjun fl-​istudju tiegħu tal-​Bibbja minn oħrajn. Dawn min kienu?

14. (a) Henry Dunn kif fehem Atti 3:21? (b) Skont kif qal Dunn min se jgħix għal dejjem fuq l-​art?

14 Henry Dunn kien wieħed minnhom. Kien kiteb dwar “meta jiġġeddu l-​affarijiet kollha li Alla tkellem dwarhom b’fomm il-​profeti mqaddsa tiegħu tal-​qedem.” (Atti 3:21) Dunn kien jaf li dan it-​tiġdid inkluda l-​fatt li l-​umanità kellha terġaʼ tikseb il-​perfezzjoni fuq l-​art matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu. Dunn eżamina wkoll mistoqsija li kienet ħawdet lil ħafna, Min se jgħix għal dejjem fuq l-​art? Hu spjega li miljuni kienu se jiġu rxoxtati, mgħallmin il-​verità, u jkollhom l-​opportunità li jeżerċitaw il-​fidi fi Kristu.

15. George Storrs x’għaraf dwar l-​irxoxt?

15 Fl-​1870, George Storrs ukoll wasal għall-​konklużjoni li l-​uħud mhux sewwa se jiġu rxoxtati għal opportunità taʼ ħajja taʼ dejjem. Mill-​Iskrittura għaraf ukoll li xi ħadd irxoxtat li ma jwiġibx għal din l-​opportunità “se jispiċċa jmut, anki jekk ‘il-​midneb ikollu mitt sena.’” (Is. 65:20) Storrs kien jgħix fi Brooklyn, New York, u kien l-​editur taʼ rivista jisimha l-​Bible Examiner.

16. X’għamel lill-​Istudenti tal-​Bibbja differenti ħafna mill-​Kristjaneżmu?

16 Russell għaraf mill-​Bibbja li kien wasal il-​waqt biex l-​aħbar tajba ssir magħrufa maʼ kullimkien. Għalhekk, fl-​1879 beda jippubblika r-​rivista Zion’s Watch Tower and Herald of Christ’s Presence, li issa tissejjaħ It-​Torri tal-​Għassa Jħabbar is-​Saltna taʼ Ġeħova. Qabel, il-​verità dwar it-​tama tal-​umanità kienet mifhuma minn ftit nies, imma issa gruppi taʼ Studenti tal-​Bibbja f’ħafna pajjiżi bdew jirċievu u jistudjaw It-​Torri tal-​Għassa. It-​twemmin li ftit biss se jmorru fis-​sema, filwaqt li miljuni se jingħataw ħajja umana perfetta fuq l-​art, għamel lill-​Istudenti tal-​Bibbja differenti ħafna mill-​maġġuranza tal-​Kristjaneżmu.

17. L-​għarfien veru kif sar abbundanti?

17 “Żmien it-​tmiem” imbassar beda fl-​1914. Sar abbundanti l-​għarfien veru dwar it-​tama tal-​umanità? (Dan. 12:4) Sal-​1913, il-​prietki taʼ Russell kienu stampati f’2,000 gazzetta u b’kollox inqraw minn 15,000,000 ruħ. Sa tmiem l-​1914, iktar minn 9,000,000 ruħ fi tliet kontinenti kienu raw il-​“Photo-Drama of Creation”—programm li kien jinkludi stampi jiċċaqalqu u slides li spjegaw ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu. Mill-​1918 sal-​1925, it-​taħdita “Millions Now Living Will Never Die” (Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa Ma Se Jmutu Qatt), li spjegat it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art, ġiet preżentata mill-​qaddejja taʼ Ġeħova f’iktar minn 30 lingwa madwar id-​dinja. Sal-​1934, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova rrealizzaw li dawk li kellhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art kellhom jitgħammdu. Din il-​fehma ġedditilhom iż-​żelu biex jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Illum, il-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art jimla’ l-​qlub taʼ miljuni taʼ nies bi gratitudni lejn Ġeħova.

“Libertà Glorjuża” Quddiemna!

18, 19. Liema kwalità taʼ ħajja hija mbassra f’Isaija 65:21-25?

18 Il-​profeta Isaija kien imnebbaħ biex jikteb dwar it-​tip taʼ ħajja li l-​poplu t’Alla se jgawdi fuq l-​art. (Aqra Isaija 65:21-25.) Ċerti siġar li kienu jeżistu xi 2,700 sena ilu meta Isaija kiteb dan il-​kliem milli jidher għadhom jeżistu llum. Tistaʼ timmaġina lilek innifsek tgħix daqshekk u jkollok saħħa tajba?

19 Minflok ħajja qasira se jkollna opportunitajiet bla limitu biex nibnu, inħawlu, u nitgħallmu. Aħseb dwar il-​ħbiberiji li se tkun tistaʼ tiżviluppa. Dawn ir-​relazzjonijiet kollhom imħabba se jkomplu jikbru għal dejjem. X’“libertà glorjuża” mbagħad se jgawdu “wlied Alla” fuq l-​art!​—Rum. 8:21.

[Nota taʼ taħt]

a Wistin stqarr li r-​Renju t’Elf Sena tas-​Saltna t’Alla ma kienx se jkun fil-​futur imma kien diġà beda meta ġiet stabbilita l-​knisja.

Tistaʼ Tispjega?

• It-​tama tal-​umanità taʼ ħajja fuq l-​art kif ġiet moħbija?

• Liema fehma kisbu xi qarrejja tal-​Bibbja fis-​seklu 17?

• It-​tama vera tal-​umanità kif saret iktar ċara hekk kif qorbot is-​sena 1914?

• L-​għarfien dwar it-​tama għall-​art kif sar abbundanti?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 13]

Il-​poeta John Milton (xellug) u l-​matematiku Isaac Newton (lemin) kienu jafu dwar it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art

[Stampi f’paġna 15]

L-​Istudenti tal-​Bibbja tal-​bidu għarfu mill-​Iskrittura li kien wasal il-​waqt li jagħmlu t-​tama vera tal-​umanità magħrufa madwar id-​dinja