Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”

“Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”

“Żommu ruħkom fl-​imħabba t’Alla, waqt li qed tistennew il-​ħniena tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu bil-​ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejkom.”—ĠUDA 21.

1, 2. Ġeħova kif wera mħabbtu lejna, u kif nafu li hu ma jżommniex awtomatikament fi mħabbtu?

 ALLA ĠEĦOVA wera mħabbtu lejna b’ħafna modi. Iżda, bla dubju, l-​aqwa prova tal-​imħabba taʼ Ġeħova hi l-​provvediment tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa. Imħabbtu għall-​umanità tant hija kbira li saħansitra bagħat lil Ibnu l-​maħbub hawn fuq l-​art biex imut għalina. (Ġw. 3:16) Ġeħova għamel dan għaliex iridna ngħixu għal dejjem, u jridna wkoll nibbenefikaw minn imħabbtu għal dejjem!

2 Madankollu, nistgħu aħna nassumu li nagħmlu x’nagħmlu Ġeħova se jżommna awtomatikament fl-​imħabba tiegħu? Le. Għax f’Ġuda vers 21 naqraw din it-​twissija: “Żommu ruħkom fl-​imħabba t’Alla, waqt li qed tistennew il-​ħniena tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu bil-​ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejkom.” L-​espressjoni “żommu ruħkom fl-​imħabba t’Alla” timplika li hemm bżonn t’azzjoni min-​naħa tagħna. Allura, x’għandna bżonn nagħmlu sabiex nibqgħu fl-​imħabba t’Alla?

Kif Nistgħu Nibqgħu fl-​Imħabba t’Alla?

3. Ġesù x’qal li kien essenzjali biex hu jibqaʼ fl-​imħabba taʼ Missieru?

3 Insibu t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija f’dak li qal Ġesù stess fl-​aħħar lejl taʼ ħajtu hawn fuq l-​art. Hu qal: “Jekk tosservaw il-​kmandamenti tiegħi, tibqgħu fi mħabbti, bħalma jien osservajt il-​kmandamenti tal-​Missier u nibqaʼ fi mħabbtu.” (Ġw. 15:10) Bħalma juri dan il-​vers, Ġesù kien jaf li l-​ubbidjenza lejn il-​kmandamenti taʼ Ġeħova kienet essenzjali biex hu jibqaʼ jkollu l-​approvazzjoni taʼ Missieru. Issa, jekk dan jgħodd għall-​Iben perfett t’Alla, ma jgħoddx għalina wkoll?

4, 5. (a) Primarjament, x’inhu l-​mod kif aħna nistgħu nuru li nħobbu lil Ġeħova? (b) Il-​ħsieb li nobdu l-​kmandamenti taʼ Ġeħova għala m’għandux għalfejn ibeżżagħna?

4 Primarjament, aħna nuru li nħobbu lil Ġeħova billi nobduh. L-​appostlu Ġwanni esprimieha b’dan il-​mod: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġw. 5:3) Veru, l-​idea tal-​ubbidjenza mhijiex dejjem popolari fid-​dinja tal-​lum. Iżda, innota l-​frażi: “Madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” Ġeħova mhux qed jitlobna nagħmlu xi ħaġa li hi tqila wisq biex nagħmluha.

5 Biex nagħtu eżempju: Kont int titlob lil ħabib kbir tiegħek biex iġorr xi ħaġa li taf li hi tqila wisq biex jerfagħha? Dażgur li le! Ġeħova hu bil-​wisq iktar qalbu tajba minna u jifhem bil-​wisq iktar il-​limitazzjonijiet tagħna. Il-​Bibbja tassigurana li Ġeħova “jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Hu qatt mhu se jitlob minna iktar milli nifilħu. Għalhekk, il-​ħsieb li nobdu l-​kmandamenti taʼ Ġeħova m’għandux għalfejn ibeżżagħna. Għall-​kuntrarju, aħna nirrealizzaw li l-​ubbidjenza lejn Ġeħova tagħtina opportunità meraviljuża biex nuru lil Missierna tas-​sema li aħna verament inħobbuh u rridu nibqgħu fi mħabbtu.

Għotja Speċjali Mingħand Ġeħova

6, 7. (a) X’inhi l-​kuxjenza? (b) Agħti tixbiha kif il-​kuxjenza tistaʼ tgħinna nibqgħu fl-​imħabba t’Alla.

6 Fid-​dinja komplikata li qed ngħixu fiha jeħtieġ li nieħdu ħafna deċiżjonijiet li jinvolvu l-​ubbidjenza tagħna lejn Alla. Kif nistgħu nkunu żguri li dawn id-​deċiżjonijiet huma fi qbil mar-​rieda t’Alla? Ġeħova tana għotja li tistaʼ tgħinna ferm f’din il-​kwistjoni tal-​ubbidjenza. Din hi l-​kuxjenza. X’inhi l-​kuxjenza? Hija l-​abbiltà speċjali li teżamina l-​azzjonijiet, l-​attitudnijiet, u l-​għażliet tagħna. Taġixxi bħal imħallef ġo fina, billi tgħinna nħarsu lejn l-​għażliet li niffaċċjaw fil-​ħajja jew nirriflettu fuq l-​azzjonijiet li diġà nkunu ħadna u naraw jekk humiex tajbin jew ħżiena, sewwa jew żbaljati.—Aqra Rumani 2:14, 15.

7 Kif nistgħu nużawha sew il-​kuxjenza? Ikkunsidra tixbiha. Wieħed raġel jaqsam xagħri kbir ħafna bil-​mixi. M’hemmx passaġġi, toroq, jew tabelli. Madankollu, hu jibqaʼ għaddej bla heda lejn id-​destinazzjoni tiegħu. Kif? Hu għandu boxxla. Din għandha arloġġ immarkat bl-​erbaʼ direzzjonijiet primarji u għandha labra bil-​kalamita li tipponta b’mod konsistenti lejn it-​Tramuntana. Mingħajr il-​boxxla, dan il-​wieħed ikun mitluf kompletament. B’mod simili, bniedem li m’għandux kuxjenza spiss ikun mitluf kompletament meta jipprova jagħmel għażliet f’ħajtu li jinvolvu l-​morali, l-​etika, u dak li hu sewwa.

8, 9. (a) Liema limiti tal-​kuxjenza tagħna jeħtieġ li nżommu f’moħħna? (b) X’nistgħu nagħmlu sabiex inkunu ċerti li l-​kuxjenza tagħna tkun verament utli għalina?

8 Iżda, bħal boxxla, il-​kuxjenza għandha l-​limiti tagħha. Jekk dak li mar jimxi jpoġġi kalamita qrib il-​boxxla tiegħu, il-​labra se tipponta lil hinn mit-​Tramuntana. Bl-​istess mod, x’jiġri jekk kellna nħallu x-​xewqat taʼ qalbna jikkontrollaw id-​deċiżjonijiet tagħna? It-​tendenzi egoistiċi tagħna jistgħu jġiegħlu lill-​kuxjenza tagħna tiggwidana ħażin. Il-​Bibbja twissina li “l-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata.” (Ġer. 17:9; Prov. 4:23) Barra minn hekk, kieku dak il-​wieħed li mar jimxi ma kellux mappa eżatta u li jistaʼ jorbot fuqha, il-​boxxla tiegħu ftit li xejn kienet se tkun taʼ ġid għalih. Bl-​istess mod, jekk aħna ma nistriħux fuq il-​gwida ċerta u li ma titbiddilx tal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, il-​kuxjenza tagħna għandha mnejn ma tkun t’ebda għajnuna. (Salm 119:105) Sfortunatament, ħafna nies f’din id-​dinja jagħtu importanza żejda lix-​xewqat tal-​qalb waqt li ftit li xejn jagħtu kas il-​livelli mniżżlin fil-​Kelma t’Alla. (Aqra Efesin 4:17-19.) Huwa għalhekk li daqstant nies, għalkemm għandhom kuxjenza, jagħmlu affarijiet terribbli.—1 Tim. 4:2.

9 Aħna għandna nkunu determinati li qatt ma nkunu bħalhom! Minflok, ejja nkomplu nħallu l-​Kelma t’Alla teduka u tħarreġ il-​kuxjenza tagħna sabiex tkun verament utli għalina. Jeħtieġ li nisimgħu mill-​kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-​Bibbja minflok ma nħallu l-​inklinazzjonijiet egoistiċi tagħna jikkontrollawha. Fl-​istess ħin, għandna nagħmlu ħilitna biex nirrispettaw il-​kuxjenzi tal-​għeżież ħutna spiritwali. Irridu nagħmlu kull sforz biex ma nfixkluhomx, billi nżommu f’moħħna li l-​kuxjenza taʼ ħutna tistaʼ tkun iktar sensittiva jew restrittiva minn tagħna.—1 Kor. 8:12; 2 Kor. 4:2; 1 Pt. 3:16.

10. Liema tliet aspetti fil-​ħajja se niddiskutu issa?

10 Issa ejja nikkunsidraw tliet aspetti fil-​ħajja li fihom nistgħu nuru mħabbitna lejn Ġeħova permezz tal-​ubbidjenza. M’għandniex xi ngħidu, f’kull waħda minnhom tidħol il-​kuxjenza, imma din teħtieġ li tiġi gwidata, l-​ewwel u qabel kollox, mil-​livelli taʼ kondotta mnebbħin fil-​Bibbja. It-​tliet modi li bihom nistgħu nobdu lil Ġeħova bi mħabba huma billi: (1) Inħobbu lil dawk li jħobb Ġeħova, (2) nuru rispett lejn l-​awtorità, u (3) nistinkaw biex nibqgħu nodfa f’għajnejn Ġeħova.

Ħobb lil Dawk li Jħobb Ġeħova

11. Għala għandna nħobbu lil dawk li jħobb Ġeħova?

11 L-​ewwel, irridu nħobbu lil dawk li jħobb Ġeħova. Fejn tidħol is-​sħubija, f’ċertu sens, in-​nies huma bħal sponoż. Għandna t-​tendenza li nixorbu kulma jkun hemm madwarna. Il-​Ħallieq tagħna jaf tajjeb kemm jistaʼ jkun perikoluż​—u kemm jistaʼ jkun t’għajnuna—​li bnedmin imperfetti jassoċjaw flimkien. Għalhekk, hu jagħtina dan il-​parir għaqli: “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref, imma min qed jagħmilha maʼ l-​istupidi se jaħbatlu ħażin.” (Prov. 13:20; 1 Kor. 15:33) Ħadd minna ma jrid li “jaħbatlu ħażin.” Kull wieħed minna jrid “isir għaref.” Ġeħova ma jistax isir iktar għaref milli hu, u lanqas qatt ma jistaʼ jiġi korrott minn xi ħadd. Madankollu, hu jagħtina eżempju sabiħ fejn tidħol is-​sħubija. Aħseb ftit—Ġeħova liema bnedmin imperfetti jagħżel bħala ħbiebu?

12. Liema tip taʼ ħbieb jagħżel Ġeħova?

12 Ġeħova rrefera għall-​patrijarka Abraham bħala “l-​ħabib tiegħi.” (Is. 41:18) Dan ir-​raġel kien leali, ġust, u ubbidjenti b’mod li jispikka—bniedem taʼ fidi. (Ġak. 2:21-23) Dan hu t-​tip taʼ ħabib li jagħżel Ġeħova. Hu jagħżel ħbieb bħal dawn illum. Jekk Ġeħova jagħżel ħbieb bħal dawn, mhuwiex vitali li aħna wkoll nagħżlu sew, li nimxu maʼ wħud għorrief u nsiru għorrief?

13. Meta niġu biex nagħżlu l-​ħbieb, x’jistaʼ jgħinna nagħmlu għażliet tajbin?

13 X’jistaʼ jgħinek tagħmel għażliet tajbin f’dan ir-​rigward? Jekk nistudjaw eżempji Bibliċi nistgħu niġu mqanqlin biex nimitawhom. Ikkunsidra l-​ħbiberija bejn Rut u l-​kunjata tagħha Nagħomi, bejn David u Ġonatan, jew dik bejn Timotju u Pawlu. (Rut 1:16, 17; 1 Sam. 23:16-18; Flp. 2:19-22) L-​iktar raġuni soda għala dawn kienu ħbieb tal-​qalb hi: Dawn il-​ħbiberiji kienu bbażati fuq imħabba ġenwina għal Ġeħova. Tistaʼ int issib ħbieb li jħobbu lil Ġeħova daqskemm tħobbu int? Ibqaʼ ċert li fil-​kongregazzjoni Kristjana tistaʼ ssib ħafna ħbieb bħal dawn. Jekk tagħmilha maʼ ħbieb bħal dawn mhux se jaħbatlek ħażin għax mhumiex se jwassluk biex tagħmel xi ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova. Minflok, huma se jgħinuk tobdi lil Ġeħova, tikber spiritwalment, u tiżraʼ għall-​ispirtu. (Aqra Galatin 6:7, 8.) Se jgħinuk tibqaʼ fl-​imħabba t’Alla.

Irrispetta l-​Awtorità

14. Liema fatturi spiss jagħmluha diffiċli biex aħna nuru rispett lejn l-​awtorità?

14 It-​tieni mod kif nuru mħabbitna lejn Ġeħova jinvolvi l-​awtorità. Irridu nuru rispett lejn l-​awtorità. Kultant, dan għala hu daqshekk diffiċli li nagħmluh? Raġuni waħda hi li dawk f’pożizzjonijiet t’awtorità huma imperfetti. Barra minn hekk, aħna stess imperfetti. Qed nissieltu mat-​tendenza li writna biex nirribellaw.

15, 16. (a) Għala hu importanti li aħna nirrispettaw lil dawk li Ġeħova fdalhom ir-​responsabbiltà li jieħdu ħsieb in-​nies tiegħu? (b) Liema lezzjoni importanti nitgħallmu minn kif Ġeħova qies ir-​ribelljoni tal-​Israelin kontra Mosè?

15 Allura, forsi taħseb, ‘Jekk hu daqshekk taʼ sfida li aħna nirrispettaw l-​awtorità, għala hemm bżonn li nagħmlu dan?’ It-​tweġiba hi li hemm il-​kwistjoni tas-​sovranità involuta. Lil min se tagħżel bħala s-​sovran, jew il-​ħakkiem, tiegħek? Jekk nagħżlu lil Ġeħova bħala s-​Sovran tagħna, jeħtieġ li nirrispettaw l-​awtorità tiegħu. Jekk le, nistgħu aħna bis-​sinċerità kollha ngħidu li hu l-​Ħakkiem tagħna? Barra minn hekk, Ġeħova ġeneralment jeżerċita l-​awtorità tiegħu billi juża bnedmin imperfetti li jafdalhom ir-​responsabbiltà li jieħdu ħsieb in-​nies tiegħu. Ġeħova kif kien iqishom l-​azzjonijiet tagħna kieku kellna nirribellaw kontra dawn l-​uħud?—Aqra l-1 Tessalonikin 5:12, 13.

16 Pereżempju, meta l-​Israelin gergru u rribellaw kontra Mosè, Ġeħova qies l-​azzjonijiet ribellużi tagħhom bħala li kienu kontrih personalment. (Num. 14:26, 27) Alla ma nbidilx. Kieku kellna xi darba nirribellaw kontra dawk li hu fdalhom pożizzjonijiet t’awtorità, kieku nkunu qegħdin nirribellaw kontrih!

17. X’attitudni xierqa għandna nistinkaw biex nikkultivaw lejn dawk li għandhom pożizzjonijiet t’awtorità fil-​kongregazzjoni?

17 L-​appostlu Pawlu jirrivela l-​attitudni xierqa li għandu jkollna lejn dawk li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fil-​kongregazzjoni Kristjana. Hu kiteb: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jgħassulkom ruħkom bħala dawk li għad iridu jagħtu kont; sabiex dan jagħmluh bil-​ferħ u mhux bit-​tnehid, għax inkella jkun taʼ ħsara għalikom.” (Ebr. 13:17) Veru, jeħtieġ sforz kbir min-​naħa tagħna biex niżviluppaw attitudni ubbidjenti u sottomessa. Iżda, ftakar li aħna qed naħdmu biex nibqgħu fl-​imħabba t’Alla. Ma ħaqqiex din il-​mira kull sforz li nistgħu nagħmlu biex nilħquha?

Ibqaʼ Nadif f’Għajnejn Ġeħova

18. Ġeħova għala jridna nibqgħu nodfa?

18 It-​tielet mod kif nuru mħabbitna lejn Ġeħova hu billi nistinkaw biex nibqgħu nodfa f’għajnejh. Il-​ġenituri ġeneralment jaħdmu iebes biex jaċċertaw ruħhom li wliedhom huma nodfa. Għala? Raġuni waħda hi li l-​indafa hija essenzjali għas-​saħħa u l-​ġid taʼ wliedhom. Barra minn hekk, tfal nodfa jirriflettu tajjeb fuq il-​familja, għax juru li l-​ġenituri jħobbuhom u jieħdu ħsiebhom. Għal raġunijiet simili, Ġeħova jridna nkunu nodfa. Hu jaf li l-​indafa hija essenzjali għall-​benesseri tagħna. Hu jaf ukoll li l-​indafa tagħna se tirrifletti fuqu bħala Missierna tas-​sema. Dan hu importanti ħafna, għax in-​nies jistgħu jinġibdu lejn l-​Alla li naqdu aħna għaliex jinnotaw kif nispikkaw bħala differenti minn dawk f’din id-​dinja mniġġsa.

19. Kif nafu li l-​indafa fiżika hija importanti?

19 F’liema aspetti jeħtieġ li nibqgħu nodfa? Fl-​aspetti kollha taʼ ħajjitna. F’Israel tal-​qedem, Ġeħova għamilha ċara lill-​poplu tiegħu li l-​indafa fiżika kienet essenzjali. (Lev. 15:31) Il-​Liġi Mosajka kienet tinkludi regolamenti dwar kwistjonijiet bħalma huma l-​mod kif jeħilsu mill-​iskart u l-​ħmieġ tagħhom, it-​tindif tar-​reċipjenti, u l-​ħasil tal-​idejn, tas-​saqajn, u tal-​ħwejjeġ. (Eżo. 30:17-21; Lev. 11:32; Num. 19:17-20; Dt. 23:13, 14) L-​Israelin ġew imfakkrin li Alla tagħhom Ġeħova hu qaddis—li jfisser “nadif,” “safi,” u “sagru.” Il-​qaddejja tal-​Alla l-​qaddis jeħtieġ li jkunu qaddisin ukoll.—Aqra Levitiku 11:44, 45.

20. B’liema modi jeħtieġ li nibqgħu nodfa?

20 Mela, jeħtieġ li nkunu nodfa minn ġewwa kif ukoll minn barra. Aħna nistinkaw biex inżommu ħsibijietna nodfa. Inżommu fedelment mal-​livelli taʼ Ġeħova tal-​indafa morali, minkejja kemm id-​dinja taʼ madwarna hija mħassra bl-​immoralità sesswali. L-​iktar importanti, aħna ninsistu biex inżommu l-​qima tagħna nadifa, billi nevitaw kwalunkwe tinġis mir-​reliġjon falza. Aħna dejjem inżommu f’moħħna t-​twissija mnebbħa li nsibu f’Isaija 52:11: “Warrbu, warrbu, oħorġu minn hemmhekk, tmissu xejn li m’huwiex nadif; oħorġu minn ġo nofsha, ibqgħu nodfa.” Illum, aħna nżommu ruħna nodfa spiritwalment billi nżommu lura milli saħansitra mmissu dak li Missierna tas-​sema jqis bħala li għandu x’jaqsam mal-​qima falza. Pereżempju, huwa għalhekk li noqogħdu attenti ħafna biex nevitaw iċ-​ċelebrazzjonijiet u l-​festi tar-​reliġjon falza li huma tant popolari fid-​dinja tal-​lum. Veru, hija sfida li tibqaʼ nadif. Imma n-​nies taʼ Ġeħova jistinkaw biex jagħmlu hekk għaliex dan jgħinhom jibqgħu fl-​imħabba t’Alla.

21. Kif nistgħu nkunu ċerti li se nibqgħu fl-​imħabba t’Alla?

21 Ġeħova jridna nibqgħu fi mħabbtu għal dejjem. Imma lkoll kemm aħna individwalment jeħtieġ li nkunu ċerti li nagħmlu l-​almu kollu tagħna biex nibqgħu fl-​imħabba t’Alla. Dan nistgħu nagħmluh billi nimxu fuq l-​eżempju taʼ Ġesù u nagħtu prova tal-​imħabba tagħna għal Ġeħova billi nobdu l-​kmandamenti Tiegħu. Jekk nagħmlu dan, nistgħu nkunu ċerti li xejn “ma jistaʼ jifridna mill-​imħabba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna.”—Rum. 8:38, 39.

X’Tiftakar?

• Il-​kuxjenza tagħna kif tistaʼ tgħinna nibqgħu fl-​imħabba t’Alla?

• Għala għandna nħobbu lil dawk li jħobb Ġeħova?

• Għala huwa vitali li nirrispettaw l-​awtorità?

• Kemm hija importanti l-​indafa għan-​nies t’Alla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

jien osservajt il-​kmandamenti tal-​Missier u nibqaʼ fi mħabbtu”

[Kaxxa/Stampa f’paġna 20]

Pubblikazzjoni Li Tippromwovi Kondotta Tajba

Matul il-​programm tal-​konvenzjoni distrettwali tal-​2008/2009 ħareġ ktieb taʼ 224 paġna bit-​titlu “Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla.” X’inhu l-​iskop taʼ dan il-​ktieb il-​ġdid? Dan hu mfassal biex jgħin lill-​Kristjani jsiru jafu u jħobbu l-​livelli taʼ Ġeħova, billi jiffoka primarjament fuq il-​kondotta Kristjana. Studju bir-​reqqa tal-​ktieb “Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla” se jsaħħilna l-​konvinzjoni tagħna li l-​aqwa mod taʼ ħajja li nistgħu ngħixu issa u li jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem fil-​futur hu li ngħixu fi qbil mal-​livelli taʼ Ġeħova.

Iktar minn hekk, dan il-​ktieb hu mfassal biex jgħinna naraw li l-​ubbidjenza lejn Ġeħova mhijiex taʼ piż. Għall-​kuntrarju, dan huwa mod kif nuru lil Ġeħova kemm inħobbuh. Għaldaqstant, dan il-​ktieb se jqanqalna biex nistaqsu lilna nfusna, ‘Għala nobdih lil Ġeħova?’

Meta xi wħud jagħmlu l-​iżball tal-​biki li jitilqu l-​imħabba taʼ Ġeħova, il-​problema ġeneralment tinvolvi l-​kondotta, mhux xi duttrina. Mela, kemm hu vitali li nsaħħu l-​imħabba u l-​apprezzament tagħna għal-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Ġeħova li jiggwidawna fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum! Aħna fiduċjużi li din il-​pubblikazzjoni l-​ġdida se tgħin lin-​nagħaġ taʼ Ġeħova madwar id-​dinja biex jieħdu waqfa soda għal dak li hu sewwa, juru li Satana hu giddieb, u fuq kollox jibqgħu fl-​imħabba t’Alla!—Ġuda 21.

[Stampa f’paġna 18]

“Jekk tosservaw il-​kmandamenti tiegħi, tibqgħu fi mħabbti, bħalma jien osservajt il-​kmandamenti tal-​Missier u nibqaʼ fi mħabbtu”